Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/694218
minn Veronica Lynn Mizzi u Ruben Anthony Xuereb ANKE jekk tkun bniedem li s-sħana ma tagħmilx bik, tista' tinduna li ġej is-sajf mill-baraxx ta' reklami ta' sħubija fil-gym u ta' dieti li jwegħduk il-miraklu, li fi ftit ġimgħat magħhom kapaċi jreġġgħu lura dawk id-dnubiet kollha li għamilt, meta minflok frotta, ħadt xi żewġ pastizzi jew minflok biċċa kejk, ħadt tnejn. Il-verità hi li wara li tkun ilek tittratieni xhur sħaħ li tibda tagħmel għażliet aktar tajbin għal saħħtek forsi tnaqqas mill- piż, hija impossibbli li tonqos l-ammonti li trid biex tidħol f 'dik il-bikini jew tarma six- pack biex toqgħod tiddandan fuq il-bajja, mil-lum għal għada. Dan isostnuh bosta studji xjentifiċi u nutrizzjonisti diversi li jgħidu li sabiex tnaqqas il-piż b'mod san, ma tistax tagħmel dan fi ftit ġimgħat. Claire Spiteri, nutrizzjonista lokali, meta tkellmet ma' din il- gazzetta qalet kif dawn id- dieti, hekk imsejħa 'quick fix' għaliex jagħtuk is-soluzzjoni immedjata, mhumiex tajbin għas- saħħa. "Huwa minnu li b'dawn it-tip ta' dieti u programmi wieħed jista' jonqos mill-piż, u jonqos malajr, imma dan ma jkunx qed isir b'mod san għall-bniedem, u jekk wara li tonqos, terġa' żżid fil-piż, iżżid kważi d-doppju." In-nutrizzjonista spjegat kif b'dawn id-dieti u programmi li jwegħduk tnaqqis ta' ammont ta' kilos f 'temp qasir, ikunu ta' detterrent għall-ġisem għaliex wieħed ikun qed jagħti bħal xokk f 'ġismu meta jkun qed jadotta dawn il-metodi. Qalet kif b'dawn id-dieti, wieħed ikun qed inaqqas mill-piż għaliex ikun qed inaqqas mill-muskoli tal- ġisem minflok mix-xaħam. "Meta tnaqqas mill-muskoli," sostniet Spiteri, "tkun qed iġġib is-sistema tal-metaboliżmu tiegħek iktar batuta u taħdem bil-mod. Minħabba f 'hekk, meta terġa' żżid fil-piż, se jkun ħa jiswielek agħar għaliex mhux talli dak li tlift mhux se ġġibu, imma tispiċċa biex iżżid iktar." Għaldaqstant, Claire Spiteri spjegat kif l-aħjar mod li wieħed inaqqas mill-piż huwa fuq perjodu itwal ta' żmien li jassigura li l-piż li jitnaqqas ikun ġej mix- xaħam. Kultura ta' ikel żbaljat? Meta wieħed jinżel għal xi qadja sal-Belt Valletta, jew kwalunkwe post ieħor, u jaqbdu l-ġuħ, l-iktar oġġett faċli biex issib u li jaqtagħlek il-ġuħ bi ftit flus hija xi ħaġa mingħand pastizzerija. Iżda kif kulħadd jaf, dawn huma bil-wisq lil hinn mill-ikel san. Fl-istess waqt, sabiex wieħed isib jixtri xi insalata jew xi ħaġa kemxejn iktar tajba għas-saħħa, minbarra li jrid idur u jħuf bir-reqqa, ikollu jonfoq ftit iktar mhux ħażin milli kieku xtara l-pastizzi. Għaldaqstant, wieħed ikun jista' jikkonkludi li l-għażla disponibbli f 'pajjiżna għadha kemxejn limitata. Imma allura hija din ir-raġuni li l-pajjiż għandu waħda mill-ogħla rati ta' obeżità? Dwar dan, in-nutrizzjonista ma taqbilx kompletament. Claire Spiteri temmen li s-sigriet huwa fl- ippjanar minn qabel. Għalhekk, jekk wieħed jipprepara minn qabel numru ta' snacks bħal frott frisk jew niexef, lewż jew ċereali, ma jkollux għalfejn idur għall-ikel mhux sustanzjuż meta jkun barra mid-dar. Minkejja dan, issostni li l-akbar problema fil-mod ta' kif nieklu aħna l-Maltin, hija d-daqsijiet tal- porzjonijiet. Issemmi kif fil- passat, meta xorta kien hemm ammonti ta' nies bil-problema tal-obeżità, fil-maġġoranza tal-każi, id-dieta tagħhom kienet tikkonsisti fi platti lokali li fihom innifishom huma tajbin għas-saħħa bħal minestra u laħam fuq il-fwar. "Il-problema però hi l-porzjon ta' ikel li nippreżentaw fuq il-platt. Dan narawh b'mod partikolari meta nsiefru u nqabblu l-porzjon li jagħtuna tar-ristorant ma' dak li aħna mdorrijin nieħdu." Jiġri wkoll, li spiss niġġudikaw post tal-ikel fuq id-daqs tal- porzjonijiet, u mmaqdru jew nagħtu xi review ħażina jekk dawn ma jippreżentawx xi platt imburġat. Qatt mhu tard wisq Għalkemm mhux teknikament, l-istaġun sajfi diġà beda, u allura jekk kellek xi mira impossibbli biex tilħaq, żgur li mhux se tintlaħaq fil-ħin għall-ewwel għawma. Però, dejjem tista' tibda billi tagħmel l-ewwel passi. In-nutrizzjonista titkellem dwar il-fatt li jeħtieġ li tibda billi tagħmel bidliet żgħar fid-dieta tiegħek, bħal per eżempju tnaqqas il-porzjon billi tissosstitwixxi parti mill- ikel, għal iktar ħaxix u frott, li jkun hawn ħafna fl-istaġun tagħhom bħalissa. B'dan il- mod, il-porzjon abbundanti li mdorrijin nieħdu, jibqa' l-istess fid-daqs iżda inqas fix-xaħam. Minkejja dan, ikliet għal qalbna bħal xi pizza jew ġelat, xorta nistgħu nibqgħu neħduhom iżda b'moderazzjoni bħal xi darba fil-ġimgħa meta tkun tista' tagħmel dik li tissejjaħ cheat day. Finalment, in-nutrizzjonista tgħid li dawn id-dieti ta' malajr u dieti stretti simili mhumiex realistiċi għaliex "idaħħlu lil dak li jkun f 'ċirku vizzjuż, fejn iktar iwasslu lil bniedem biex jaqta' qalbu, għaliex jipprova joqgħod bil-ġuħ għal ħinijiet twal, imbagħad jispiċċa jiekol iktar minn kemm jiflaħ." Għaldaqstant, in-nutrizzjonista Claire Spiteri tisħaq li s-sigriet huwa l-bidliet żgħar u realistiċi, sabiex wieħed jibqa' jżomm magħhom għat-tul. Tinsisti li fil-mument li tibda tbiddel xi ħaġa waħda, dan se jkollu impatt u mill-ewwel tinħass fil-ġisem u anke tħossok aħjar. illum | Il-Ħadd 19 ta' Ġunju 2016 Feature 10 Dieta mgħaġġla u stretta, xejn ma hi perfetta! In-nutrizzjonista Claire Spiteri