Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/694218
Il-Ħadd 19 ta' Ġunju 2016 | illum Sports 31 Sekularac (Jugoslavja) u Borivoje Kostic (Jugoslavja) Kampjonati Ewropej tal- 1964 Organizzaturi: Spanja Rebbieħa: Spanja It-tieni edizzjoni tal- Kampjonati Ewropej ġiet organizzata ġewwa Spanja, f 'pajjiż li kien għadu taħt il-ħakma tad-dittatur Francisco Franco u li ħafna drabi kien jinvolvi ruħu fix-xena kalċistika, speċjalment favur Real Madrid. Madankollu, ma rridux innaqqsu mill- mertu tat-trijonfi ta' Real Madrid ta' dik l-epoka, jew anke tat-tim nazzjonali Spanjol, b'dawn tal-aħħar ikunu r-rebbieħa ta' din it-tieni edizzjoni meta fil- finali għelbu lid-detenturi tat-titlu, l-Unjoni Sovjetika bl-iskor ta' 2-1. Ngħaddu għall-futbol li ntlagħab, fejn naraw li t-timijiet parteċipanti fil-fażi tal-kwalifikazzjoni żdiedu għal 29, fosthom Malta, li kienet qiegħda tieħu sehem għall-ewwel darba f 'din il-fażi ta' kwalifikazzjoni u anke fi kwalunkwe preliminari ta' tournament maġġuri. Malta kienet affrontat lid-Danimarka fuq żewġ legs, bid-Daniżi jittrijonfaw b'riżultat totali ta' 9-2. Fl-ewwel partita, ġewwa Copenhagen fit-28 ta' Ġunju tal-1962, Malta kienet sofriet telfa ta' 6-1, bil-gowl Malti jiġi skurjat minn Edward Theobald. Fit-8 ta' Diċembru tal-istess sena, kienet intlagħbet il-partita ta' ritorn ġewwa l-Gżira, bit-tim Malti jitlef bl-iskor ta' 1-3. Joseph Urpani kien skurja l-gowl li bih momentarjament kien ġab l-iskor f 'parità ta' 1-1, qabel id-Daniżi żiedu żewġ gowls oħra. Id-Daniżi baqgħu telgħin sas-semifinali, fejn ġewwa l-Camp Nou ta' Barcelona, huma affrontaw lill- Unjoni Sovjetika. Simili għal dak li ġara erba' snin qabel, dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor konvinċenti ta' 3-0. Min-naħa l-oħra, Spanja kellhom jitħabtu sabiex jegħlbu lill-iskola Ungeriża, hekk kif ġewwa l-Estadio Santiago Bernabeu, Amancio Amaro skorja dak li kellu jkun l-gowl deċisiv fil-ħin barrani sabiex poġġa lil pajjiżu fil-finali. Dan kien ifisser, li fil- finali kienu ħa jiltaqgħu Spanja u l-Unjoni Sovjetika. Iżda kien hemm mistoqsija waħda x'tiġi mwieġba. Kienu ħa jilagħbu kontra r-rivali tagħhom fix-xenarju politiku, Spanja, taħt ir-reġim ta' Francisco Franco? Ir-risposta kienet iva, għaliex quddiem kważi 80,000 spettatur, Spanja ospitaw lill-Unjoni Sovjetika, f 'partita missielta sal-aħħar. Tal- ewwel ħarġu rebbieħa bl-iskor ta' 2-1, grazzi għall-gowl fl-aħħar battuti tal-partita permezz ta' Marcelino. Anedottu interessanti rigward din il-finali huwa li l-kowċ Spanjol, Josè Villalonga, kien laqqa' lit- tim fuq bajja partikolari, biex jagħmel it-team talk tiegħu hemmhekk. Huwa kien ifforma grawnd tal-futbol fuq ir-ramel u l-plejers ġew irrapreżentati permezz ta' ġebel li sab f 'dawk l-inħawi. Jidher li din it-tattika ġabitlu fortuna, għaliex eventwalment huma spiċċaw champions tal- Ewropa għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. L-aqwa 11 tal-fażi finali: Goalkeeper: Lev Yashin (Unjoni Sovjetika) Difensuri:Feliciano Ruvilla (Spanja), Dezso Novak (Ungerija), Ignacio Zoco (Spanja) u Ferran Olivella (Spanja) Midfielders:Amancio Amaro (Spanja), Valentin Ivano (Unjoni Sovjetika) u Luis Suarez (Spanja) Attakkanti:Ferenc Bene (Ungerija), Jesus Maria Peredo (Spanja) u Florian Albert (Ungerija) Kampjonati Ewropej tal- 1968 Organizzaturi: Italja Rebbieħa: Italja Fl-1968, it-tielet edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej, li kienet ġiet organizzata mill-pajjiż tal-Italja, kien sarilha xi tibdiliet illi permezz tagħhom, għaddiet għall-format iżjed magħruf magħna, għaliex bdiet tavviċina ruħha għall-kompetizzjoni iżjed moderna u eventwalment għall-format ta' kif nafuh aħna. L-ewwel nett, it- tournament kien sar jismu European Championship minflok European Nations' Cup, isem li għadha ġġorr magħha din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża. Intant, kien hemm anke tibdil radikali fil-fażi ta' kwalifikazzjoni, hekk kif minflok logħbiet fuq żewġ legs, issa kien hemm fażi ta' gruppi, li bażikament hija l-istess mudell ta' dak li jintuża llum f 'din il-kompetizzjoni, kif ukoll fit-Tazza tad- Dinja. Dawn il-gruppi ta' kwalifikazzjonijiet, eventwament kienu jwasslu għall-kwarti tal- finali, imbagħad għall-fażi finali fejn iżda, l-ammont ta' timijiet parteċipanti kien baqa' dak ta' erba' timijiet. Wieħed mit-timijiet li ma ħax sehem f 'din il-fażi ta' kwalifikazzjoni kien dak ta' Malta, fejn flimkien mal-Iżlanda huma kienu qabżu dan it-tournament. Min-naħa l-oħra, kien hemm id-debutt tal- Ġermanja tal-Punent, fejn fost il-plejers li kellhom, kien hemm ċertu Gerd Muller. Madankollu, huma sfaw eliminati mal-ewwel fejn magħhom kien hemm anke s-sopriżi tal-Portugal u tal-Belġju. Matul dawn il- kwalifikazzjonijiet, ġie mniżżel ukoll rekord ġdid, dak tal-akbar attendenza għall-partita valida minn din il-kompetizzjoni. Il-130,711-il spettatur li attendew għall-partita bejn l-Iskozja u l-Ingilterra ġewwa Hampden Park, niżżlu isimhom fl-istorja bħala parti mill-ikbar attendenza għall-partita ta' dan it-tip. Fil-fażi finali ta' din il-kompetizzjoni, l-erba' timijiet finalisti kienu l-Italja, il-Jugoslavja, l-Ingilterra li kienu ċ-champions tad-Dinja renjanti wara t-trijonf f 'darhom sentejn qabel u l-Unjoni Sovjetika. Gowl uniku ta' Dragan Dzajic kien biżżejjed għall-Jugoslavja sabiex jaċċertaw ruħhom minn post fil-finali, hekk kif fis-semifinali huma għelbu lill-Ingilterra bl-iskor minimu ta' 1-0, bil-gowl jiġi skurjat propju minn Dzajic. Min-naħa tagħhom, l-Azzurri, tista' tgħid li kienu pjuttost fortunati li sabu ruħhom fil-finali hekk kif huma għaddew permezz tal-munita. X'kienet din il-munita? Bażikament, dak iż-żmien kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ ir-regoli tal-ħin barrani tal-lotterija tal- penalties. Dan kien ifisser, li meta partita ta' dan it- tip, li iżda ma tkunx finali, kienet tispiċċa f 'parità, ir-rebħa kienet tiġi deċiża permezz ta' munita u f 'dak il-lejl tal-1968, il-captain Taljan, Giacinto Facchetti, inzerta ħareġ rebbieħ, wara li l-partita kontra l-Unjoni Sovjetika ma setgħetx tiżblokka ruħha. Iżda jekk l-Italja sofriet sabiex titla' fil-finali, daqstant ieħor batiet biex tirbaħ din il-kompetizzjoni hekk kif ħarġet rebbieħa wara li kien hemm bżonn ta' ripetizzjoni. Fl-ewwel partita, ġewwa l-Olimpico, Angelo Domenghini kien salva draw għall-Italja, wara li s-soltu Dzajic kien fetaħ l-iskor għall- avversarji. Madankollu, fit-tieni partita ma kienx hemm storja hekk kif Luigi Riva u Pietro Anastasi, dan tal-aħħar b'gowl stupend, kitbu kapitlu importanti fl-istorja tan-nazzjonal Taljan, hekk kif irregalaw l-ewwel u l-unika Tazza Ewropeja lil pajjiżhom. L-aqwa 11 tal-fażi finali: Goalkeeper: Dino Zoff (Italja) Difensuri: Mirsad Fazlagic (Jugoslavja), Giacinto Facchetti (Italja), Albert Schesternev (Unjoni Sovjetika) u Bobby Moore (Ingilterra) Midfielders: Ivica Osim (Jugoslavja), Sandro Mazzola (Italja) u Angelo Domenghini (Italja) Attakkanti: Geoff Hurst (Ingilterra), Luigi Riva (Italja) u Dragan Dzajic (Jugoslavja) Tkompli l-ġimgħa d-dieħla... Plejers tal-Italja mmexxija mill-captain leġġendarju Giacinto Facchetti jiċċelebraw wara li rebħu l-Kampjonati Ewropej tal-1968