Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/694218
Il-Ħadd 19 ta' Ġunju 2016 | illum Rakkont 23 Il-ġurdien ta' Carmelo minn Sharon Calleja DEJJEM kellu dak kollu li xtaq; ħbieb tat-tajjeb, xogħol mingħajr strapazz; bi dħul ta' finanzi tajba, karozzi lussużi u kellu waħda mill-isbaħ vilel fit-tarf tal-Madliena. F'kelma oħra, Carmelo kien l-għira ta' bosta. U bil- figura li kellu, għalkemm kien jaħdem sew għaliha, għaliex lil Sidor, li kien jieħu ħsieb il-ġinnażju tan-naħa tagħhom xeba' jbellagħlu flus, seta' jgħabbi nisa kemm irid. Però tfajla bħal din kien għadu qatt ma ra b'għajnejh. Forsi kien id-destin li laqqgħu magħha. Min jaf… kultant ikollna mmorru 'l bogħod biex insibu dak li dejjem xtaqna. Xi ġimgħat qabel kien ħa l-aħbar kerha li miet zijuh. Insomma, kerha, il-kelma ġġib hekk għax bilkemm kien jafu. Germaine, iz-ziju tiegħu kien jgħix f 'pajjiż 'il bogħod minn Malta. Fil-fatt kien ilu bosta snin jgħarrex fl-Afrika, fin-naħa t'isfel, minsi minn familtu. Carmelo jiftakar li ġieli kien ra xi kartolina minn tiegħu meta kien iżgħar, iżda maż- żmien kien kważi nesa li ommu kellha ħuha msiefer 'il bogħod. Sakemm wasal dak il-jum. Jum li kellu jbdillu ħajtu. "Hawn nutar jixtieq ikellmek fuq it-telefon," kienet qaltlu Antida, li kienet tiġi tfarfarlu l-villa darba fil-ġimgħa. "Għidlu mħabbat," kien weġibha hekk kif kien imxaħxaħ fuq is-sufan tal- ġilda bajda. "Ejja għidlu inti," qaltlu Antida mfansta għaliex riedet tfittex teħles ħalli titlaq 'l hemm. Carmelo kien ħa nifs twil u ħassu jirrabja hekk kif Antida waddbet it-telefon ta' kafkaf fuq it-tavolina u telqet lejn il-kamra l-oħra teqred u tgemgem minn taħt. "Nixtieq inkellmek urġenti," kien qallu n-nutar Refalo malli sema' leħnu. "Ejja issa." "Inti l-eredi ewlieni ta' zijuk," L-uffiċċju sempliċi u modern li kellu n-nutar beda jarah idur bih. "X'inti tgħid?" kien tbellah Carmelo. "Zijuk għandu xi proprjetà fl-Afrika t'isfel u ħafna investimenti barra minn Malta." Carmelo ħassu jaqta' n-nifs. "Però kieku minnek immur niċċekkja hemm stess," kien qallu. U sab ruħu hawn. Ħassu totalment barra minn postu. Ix-xemx kienet qiegħda tiżreġ ġmielha u hu kellu l-bagalja mimlija ħwejjeġ tax-xitwa. Mank kien iċċekkja t-temp qabel ġie! Ħareġ maktur mill-but u beda jixxotta l-għaraq li beda jġelben minn ma' moħħu. Carmelo kien liebes qalziet tad-ditta, qmis fina, xalla u ġakkettina tikkumplimenta t-tibdila. Malli ħareġ mill- ajruport u mar jaqbad it-tren neża' l-ġakkettina u x-xalla u xammar il-qmis. Kont taħsbu xi wieħed ħareġ mill-istampi. Kulħadd beda jħares lejh għaliex kien tassew jistona mal-ambjent! Dak li ra b'għajnejh ma setax jemmnu. Kien wasal f 'post fqir fejn in-nies kienu lebsin biċċiet tal-ħwejjeġ imqatta' u mċarrta. Kienu jidhru fqar ħafna u ħafna minnhom donnhom lanqas kienu jafu flokk x'inhu. Kienu jidhru mdellka u maħmuġa. Carmelo ħass fawra tielgħa f 'rasu u dak il-ħin seħet il-mument li ġie hawn. Kien hemm nies għaddejjin b'merkanzija, bil-bgħula u affarijiet ippakkjati ta' kafkaf fuq xi xarretta. In- nisa donnhom kellhom biċċiet tad-drapp imdawrin magħhom. Hekk kif ħassu mitluf fl- istazzjon tal-ferrovija, iħares lejn it-tabelli tat-tluq, fost ħmieġ u biċċiet tas-silla jtiru fl-arja, ra t-tren ġejja. Rikeb. Kienu qalulu li t-tren kienet tmur post wieħed dirett. U hu kellu jinżel hemm. Malli daħal fit-tren laqgħetu riħa qawwija ta' moffa. Beda jaħsibha jpoġġix bilqiegħda jew le, iżda l-konduttur kien qed iħares lejh b'ċerta kurżità. Anke l-bagalja ddejjaq ipoġġi fuq xkaffa bil-ħadid imsaddad. Kullimkien kien mimli mbarazz. L-art kienet kannella, bla kulur donnha umda bil-ħmieġ. Poġġa bilqiegħda fuq is- sedil li kien xi ftit immermer u xtaq li jasal malajr, jara l-proprjetà, jirranġa prezz għall-bejgħ u jitlaq malajr kemm jista' jkun. Anzi jaħrab. Kulħadd kien qed iħares lejh b'mod stramb u ma ħassux f 'postu. Ħares barra mit-tieqa u qarras xufftejh. Dak il-ħin raha. Kienet qiegħda quddiemu. Liebsa nuċċali tax-xemx, b'wiċċ tax-xema', xufftejn kbar ħomor u kienet liebsa libsa sabiħa ħamra. Ħassu kważi jistħi. Qatt ma basar li f 'post bħal dan kien ser jara l-isbaħ mara li qatt kien ra. "Daqt nitilqu naħseb," qalilha bl-Ingliż, sabiex jibda konversazzjoni. "Iva," weġbitu. Qabdu parlata fuq il-post, l-irħula u postijiet fejn żaru madwar id-dinja. Ħassu komdu jparla magħha u rranġa ruħu bilqiegħda aħjar ħalli jidhrulu l-muskoli sabiex iħajjarha. "Xi darba ejja għandi Malta," qalilha jikxef snienu bojod silġ li bdew ileqqu mill-bogħod. Tbissmitlu. Dak il-ħin ħassu. Kien hemm xi ħaġa tgħarrxu min-naħa ta' wara ma' dahru. Għamel idejh warajh biex iħoss x'kien u ħassu jinqata' minn saqajh. Kien hemm xi ġurdien! Ġismu ħassu jiffriża. Ma ċċaqlaqx. Kien imwerwer. "Nixtieq inżommu kuntatt," kienet qiegħda tgħidlu l-pupa ta' quddiemu. "Ehe," weġibha, l-għaraq ixoqq għalih. Beda jagħti b'idejh wara dahru kemm felah u jipprova jżomm it- tbissima. "Kollox sew?" staqsietu. "Min, jien?" daħaq bil- qalb. "Mela!" "Raġel dgħajjef jibża' mill- ġrieden!" sema' leħen ommu donnu kienet qiegħda hemm maġenbu. "Imma ma donnu tielgħa ma' dahri!" xtaq setgħa jgħidilha, iżda ried jimpressjonaha lil din it- tfajla u ma ridhiex taħseb li hu xi iblah. "La tiġi, Malta ser togħġbok żgur," kien qed jgħidilha jipprova jkun leħnu sod. Induna li l-ġurdien kien telaq u reġa' qagħad komdu b'sieq fuq oħra ħalli jipprova jkompli magħha. U rranġa xagħru waqt li b'ilsienu xarrab xofftu t'isfel. Dak il-ħin ra dell ċkejken donnu leħħa ta' berqa skura għaddejja tiġri qrib il-qalza tiegħu stess mal-art. Carmelo beda jagħti b'saqajh bil-mod mal-art għaliex seta' jobsor x'kien. "Għandi s-sħana," qalilha jipprova jżomm kalm. Qalbu waqfet. Għamlet tikk. Ħass moviment skomdu tielgħa mal-qalziet tiegħu stess min-naħa ta' ġewwa. Ħarġitlu karba żgħira, iżda pprova jżomm ruħu kompost ħalli jimpressjonaha xorta waħda u ma jkissirx dak li kien bena magħha. Quddiem din it-tfajla ma riedx jidher beżżiegħi. Qam bilwieqfa jirtogħod. Il-ġurdien kien daħal taħt il- qalziet u kien tielgħa 'l fuq! "Ajma!" għajjat. "Xi ġralek?" staqsietu. Ried jinża l-qalziet iżda quddiemha ma setax jagħmel hekk! Beda jagħti b'idejh kemm jiflah, jitħabat u jiġġennen waħdu. Kien qisu qed jiżfen. Ħassu se jmut bil-biża'! "X'għandek?" staqsietu inkwetata. "U le xejn, raqduli l-muskoli u qed nipprova nagħmel ftit movimenti," weġibha, hekk kif ħass il-qalziet vojt mill-ġdid u għamel tabirruħu qed jagħmel l-eżerċizzju fiżiku. Il-ġurdien kien telaq. Poġġa bilqiegħda b'qalbu tħabbat mija mija. "Skużani," qalilha, jirranġa xagħru ħalli jerġa' jidher tajjeb. "Tagħtix kas," weġbitu. It-tren kienet waslet fl- aħħar destinazzjoni. "Inti jimporta tgħinni nirkeb f 'karozza?" staqsietu bil-mod. "Għaliex peress illi nieqsa mid-dawl, inkun irrid l-għajnuna?" Carmelo ħass għoqla tielgħa fi griżmejh. "Jiġifieri int ma rajtnix?" staqsieha. Tbissmitlu. "Le, għalfejn?"