Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/697146
Il-Ħadd 26 ta' Ġunju 2016 | illum Sports 33 Jintemm b'suċċess l-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2015/2016 NHAR is-Sibt 18 ta' Ġunju, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi għalqet l-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2015/2016 bil-parteċipazzjoni ta' tliet sezzjonijiet. Tard wara nofsinhar, is-sezzjoni Trials u Motocross fetħu l-programm waqt li s-sezzjoni Autocross għalqet il-programm tard bil-lejl. Għal din l-attività rreġistraw 41 kompetitur maqsumin fi tliet sezzjonijiet. Intant, ħarsa ħafifa lejn x'ġara matul din il-lejla fejn mis-sezzjoni Karozzi Autocross rajna żewġ kategoriji - dik Modified u dik Standard jikkompetu fejn ġibdu l-attenzjoni tal-ispettaturi preżenti bl-atmosfera sabiħa ta' sewqan sportiv li wera kull kompetitur. Fiż- żewġ kategoriji ħadd ma rnexxielu jirbaħ il-heats kollha ta' din il-lejla. Fil-Klassi Modified Jean Paul Grech fuq Peugeot 106, irnexxielu jirbaħ żewġ heats, fejn fit-tielet waħda daħal fit-tieni post. Grech kien l-uniku sewwieq li ġabar l-aktar punti matul il-heats biex assigura postu fil-finali A tal-ġurnata. Miegħu kkwalifikaw Gordon Johnson u Joseph Micallef - it-tnejn fuq Opel Corsa, Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova, Josef Abela fuq Opel Nova u Josef Grech fuq Ford Fiesta. Mat-tluq tal-finali rajna lil Johnson mill-pożizzjoni ta' barra nett tal-korsa jagħmel ħruġ tajjeb ħafna u flimkien miegħu kien hemm Micallef li t-tnejn ħadu l-ewwel żewġ pożizzjonijiet b'Johnson quddiem segwit minn Micallef. L-attenzjoni mill-ewwel marret fuq l-aħwa Grech flimkien ma Abela b'dan l-aħħar kien kważi lest li jieħu t-tielet pożizzjoni sakemm kuntatt li sar bejn Abela u Josef Grech spiċċa biex ħalla lill Abela jirtira mill-finali bl-aħwa Grech ikomplu l-battalja bejniethom, fejn ġibdu l-attenzjoni kollha fuqhom. Jean Paul Grech kellu jagħmel sitt dawriet jikkumbatti ma ħuh Josef, sakemm mas- seba' dawra rnexxielu jissuperah. Il-finali spiċċat b'Micallef jirtira mill-finali minħabba ħsara teknika b'Gordon jirreġistra r-raba' rebħa f 'dan l-istaġun segwit minn Jean Paul Grech u Pisani. Fir-raba' post daħal Josef Grech filwaqt li Micallef kellu jikkuntenta bil-ħames post. Intant il-bord tad- dixxiplina tal-ASMK żamm ir-riżultat ta' Abela f 'din il-finali wara azzjoni anti-sportiva fuq sewwieq ieħor waqt li dan kien irtirat fl-istess finali. Fil-jiem li ġejjn l-istess bord se jkun qed janalizza l-fatti u jiddeċiedi fuq dan il-każ. Għall-finali ta' Klassi B, ikkwalifikaw Dorian Galea fuq Fiat Ritmo, Terence Azzopardi fuq Opel Corsa, Karl Micallef, Godfrey Gauci u Jonathan Vella kollha fuq Ford Fiesta u Christian Mark Galea fuq Opel Corsa. Mat-tluq ta' din il-finali, Christian Galea flimkien ma' Gauci dehru jieħdu l-ewwel żewġ pożizzjonijiet segwiti minn Azzopardi u Micallef rispettivament. Ftit wara t-tielet dawra, Galea minn quddiem spiċċa jirtira minħabba ħsara teknika biex Gauci spiċċa jieħu t-tmun tat-tiġrija segwit minn Azzopardi u Micallef. Matul is-sitt dawra, Gauci żviluppatlu ħsara fir-rota ta' quddiem u Micallef sab iċ-ċans li javvanza għall- ewwel pożizzjoni imma sfortunatament, waqt din l-azzjoni Micallef għamel kuntatt ma' Gauci u spiċċa nqaleb. Minħabba dan, bħala prekawzjoni tas- sigurtà, il-finali twaqqfet hemm mir-referi. Skont ir- regoli tat-tiġrija, ir-riżultat spiċċa hemm fejn Gauci ħa l-ewwel pożizzjoni segwit minn Azzopardi u Micallef. Fir-raba' post daħal Dorian Galea segwit min ħuh Christian M. Galea. Għall-finali tal- Autocross Standard ikkwalifikaw Johann Vella fuq Opel Nova, Deane Farrugia, Melvin Buttigieg u Ian Fenech kollha fuq Citroen AX u Nicvich Chircop fuq Peugeot 206. Mat-tluq ta' din il-finali rajna lil Farrugia jieħu t-tmun tal-finali segwit minn Fenech u Buttigieg. Wara l-ewwel dawra, l-attenzjoni marret fuq Chircop li mill-aħħar post kien qed jagħmel pressjoni fuq Vella sakemm sar kuntatt minn Chircop fuq Vella li ħalla lil dan wieqaf mit-tiġrija b'Chircop jieħu bandiera sewda li tfisser li ġie sospiż mill-finali. Il-finali spiċċat b'Farrugia jirbaħ għal darb'oħra segwit minn Fenech u Buttigieg. Vella kellu jispiċċa l-finali fir-raba' post. Intant wara l-finali saret t a l b a li ġiet milqugħa minn Chircop biex l-amministrazzjoni tirrevedi d-deċiżjoni tar- referi wara li tara diversi filmati minn angoli differenti. Wara li iktar tard, il-kumitat evalwa l-fatti kollha dwar il- kawża tal-inċident, sab li l-azzjoni saret minn Vella u għalhekk il-kumitat iddeċieda li jneħħi s-sospensjoni lil Chircop, u Vella jkun imwissi minħabba din l-azzjoni. Chircop spiċċa fil-ħames post. Iktar kmieni fil- programm ikkompetew il-Muturi Motocross u Trials f 'lokalitajiet differenti. Fil-Motocross saret tiġrija open li seta' jieħu sehem fiha kull tip ta' mutur. Din it-tiġrija saret biex is-sezzjoni tkun parti mill-programm tal- aħħar attività tal-istaġun għall-fatt li l-Kampjonat tal-Motocross ingħalaq fl-attività ta' qabel din. Intant, ir-riżultat finali tat-tiġrija Fun Race Open rebaħha Paul Muscat fuq muturi KTM segwit minn Ryan Faenza fuq mutur Yamaha. Fit-tielet post spiċċa Paul Deguara filwaqt li fir-raba' post daħal William Sant. Deguara u Sant, it-tnejn ikkompetew fuq muturi Honda. Is-Sezzjoni Muturi Trials organizzaw l-aħħar attività tal-kampjonat 2015/2016, fejn fi klassi A, Damon Bonello fuq mutur Gas Gas kompla jagħmel wirja sabiħa tal-kontroll tal-mutur u jiddomina din il-klassi. Matul is- sezzjonijiet, Damon għamel żewġ sezzjonijiet clean mis-sitt sezzjonijiet tal-ġurnata. Bonello spiċċa l-ġurnata bi 13-il punt biss ta' penalità, fejn ġie ddikjarat rebbieħ. Damon kien segwit minn Joseph Scicluna fuq mutur Gas Gas li għalaq il-ġurnata b'31 punt ta' penalità, filwaqt li fit-tielet post spiċċa Rowen Bonello fuq mutur Beta b'punt iktar minn Scicluna ta' penalità. Fi Klassi B rajna taqtigħa bejn Ian Scicluna u Bernard Sammut, it-tnejn fuq muturi Beta, fejn matul is-sitt sezzjonijiet rajna lil Scicluna dejjem fuq quddiem segwit minn Sammut sakemm Scicluna tilef ftit vantaġġ fl-aħħar sezzjoni biex ħalla liż-żewġ kompetituri jagħlqu l-ġurnata bl- istess total ta' 38 punt ta' penalità, b'Scicluna jirbaħ il-ġurnata segwit minn Sammut. Fit-tielet post spiċċa Manuel Camilleri fuq mutur Gas Gas li għalaq il-ġurnata b'49 punt ta' penalità. Wara kull attività, saret preżentazzjoni lir- rebbieħa tal-ġurnata kif ukoll lir-rebbieħa tal- Kampjonati diversi fost briju mis-sewwieqa kollha u partitarji oħra. Iċ- ċelebrazzjoni uffiċjali tar- rebbieħa tal-Kampjonati diversi tal-ASMK se ssir f 'ġurnata oħra li titħabbar aktar tard. L-assoċjazzjoni ħabbret iċ-champions u r-runners- up tal-istaġun ASMK Pasta Poiatti 2015/2016 li kienu s-segwenti: Kategorija Nazzjonali Autocross Modified Champion – Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo Runner-up – Malcolm Borg fuq Opel Corsa Kategorija Autocross Klassi A Modified Rebbieħ – Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo Runner-up - Gordon Johnson fuq Opel Corsa Kategorija Autocross Klassi B Modified Rebbieħ – Joseph Micallef fuq Opel Corsa Runner-up - Jonathan Camilleri fuq Opel Corsa Kategorja Nazzjonali Autocross Standard Champion – Deane Farrugia fuq Citroen AX Runner -up - Ian Fenech fuq Citroen AX Kategorija Nazzjonali Motocross Champion - Clayton Camilleri fuq KTM Runner-up - Kyle Camilleri fuq KTM Kategorija Motocross Klassi B u Kategorija Motocross Open Rebbieħ – Mario Cauchi fuq Honda Runner-up - Etienne Bigeni fuq Honda Kategorija Nazzjonali Enduro Champion – Matthew Gauci fuq Yamaha Runner-up – Joseph Scicluna fuq KTM Kategorija Nazzjonali Trials Champion – Damon Bonello fuq Gas Gas Runner-up - Rowen Bonello fuq Beta Kategorija Trials B Rebbieħ – Ian Scicluna fuq Beta Runner-up - Manuel Camilleri fuq Gas Gas Intant, l-ASMK, qed tilqa' suġġerimenti għall- emendi fir-regolamenti ta' kull sezzjoni. Wieħed jista' javviċina uffiċjal jew jibgħat is-suġġerimenti tiegħu permezz ta' email fuq info@asmk.org.mt. Terence Azzopardi fuq Opel Corsa Ritratt: Mario Micallef