Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/697146
illum | Il-Ħadd 26 ta' Ġunju 2016 Aħbarijiet 10 Tgħix f 'garaxx u tipprostitwixxi ruħha wara li falla ż-żwieġ REALTÀ ta' faqar tal-biża' ġiet żvelata fil-Qorti din il-ġimgħa hekk kif mara ta' ħamsin sena spiċċat tgħix f 'garaxx użat għaż-żamma tal-għalf tal-annimali wara li ż-żwieġ tagħha falla. Il-mara, li ġiet imressqa b'arrest quddiem il-maġistrat Neville Camilleri nhar il-Ħamis li għadda, kienet ġiet osservata mill-Pulizija, hi u titlajja għall-iskop ta' prostituzzjoni fl-inħawi tal- Marsa, diversi drabi. Dan qalu l-ispettur John Spiteri hekk kif f 'żewġ seduti differenti ressaq l-imputata u s-sid tal-garaxx in kwistjoni fuq akkużi relatati ma' prostituzzjoni quddiem il-maġistrat Neville Camilleri. L-ispettur spjega kif il-mara kienet ġiet osservata tagħfas il-buttuna tat-traffic lights, iżda meta d-dawl jaqleb għall- aħmar, minflok kienet taqsam it-triq, kienet tmur lejn il-karozzi weqfin u tipprova tħajjar lis-sewwieqa jużaw is- servizzi tagħha. L-avukat difensur Joe Sammut, f 'isem l-imputata wieġeb mhux ħati. Dan iddeskriva l-każ bħala wieħed iktar umanitarju milli kriminali. Sammut talab lill-Qorti żżomm f 'moħħha li l-imputata kienet spiċċat tgħix fil-garaxx fejn kienet taqdi l-klijenti tagħha wara li sseparat minn mar-raġel tagħha. Saħaq li l-akkużi ma kinux ippruvati u l-imputata ma kellhiex il-mezzi finanzjarji biex tħallas għall- ħelsien mill-arrest. "Tgħix fi stat ta' faqar," sostna l-avukat difensur. Kien ikun iżjed utli li tingħata trattament milli tinżamm detenuta, argumentat id-difiża. Il-Qorti laqgħat it-talba għall-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €500 u garanzija personali ta €4,000. Sid il-garaxx ġie mressaq ukoll, mixli li kien qed jgħix mill-qligħ tal-prostituzzjoni. Paul D'Amato, ta' 72 sena kien ġie arrestat wara li l-Pulizija rawh jistenna fil-karozza barra dan il-garaxx waqt li l-imputata l-oħra kienet qiegħda taqdi lill-klijenti. Iżda mill-investigazzjonijiet tal-pulizija rriżulta li dan kien ippermetta li l-mara tgħix fil-garaxx biex jipproteġiha mir-raġel tagħha, li kien isawwatha. L-ispettur żied jgħid iżda li D'Amato kien għal-liema skop kien qed jintuża l-fond u kien qed jieħu porżjon tal-qligħ għall-kirja. Hu wieġeb li ma kienx ħati tal-akkuża. L-avukat Mark Mifsud Cutajar, li deher għal D'Amato, talab li jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, u din it-talba ġiet milqugħa. D'Amato ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €500 u garanzija personali ta €4,000. Ġie wkoll ordnat sabiex ma jkellimx lill-mara. Rumen jgħid li seraq minn żewġ ħwienet għax kien fis-sakra RUMEN fuq żjara f 'Malta insista fil- Qorti li kien fis-sakra meta seraq diversi oġġetti mingħand xerrejja f 'żewġ ħwienet f 'San Ġwann wara li aljenahom. Nicolae Boldizar ta' 27 sena minn Ciuran fir-Rumanija, deher fil- Qorti taħt arrest iżjed kmieni din il-ġimgħa, akkużat li kien seraq żewġ mowbajls li kienu għat-tiswija mingħand ħanut tal-mowbajls f 'San Ġwann u nuċċali tax- xemx mingħand ħanut ieħor viċin, wara li aljena lill-ħaddiema b' ritratt ta' tifla u storja vvintata dwar bintu li kienet allegatament marida. Boldizar li m'għandux impjieg fiss iżda jgħix f 'lukanda fl-Imsida ġie mixli bis-serqiet mill- ispettur Nikolai Sant. Hu mifhum li l-oġġetti misruqa jiswew mal-€500 b'kollox. Ir-Rumen ammetta l-ħtija tiegħu u talab skuża. "Kont fis- sakra. Niskuża ruħi. Jiddispjaċini ta' li għamilt," qal Boldizar, li xejn ma kien konvinċenti. L-ispettur informa l-Qorti li l-oġġetti misruqa kienu lkoll ġew mogħtija lill-Pulizija u eventwalment irritornati lis-sidien tagħhom. Il-Qorti imponiet sentenza ta' 15-il xahar ħabs, sospiżi għal tliet snin. L-avukat Yana Micallef Stafrace assistiet lill- imputat. Il-Pulizija b'taħriġ dwar l-identifikazzjoni ta' każijiet ta' traffikar ta' bnedmin "MINKEJJA li l-għadd ta' każijiet ta' traffikar tal-bnedmin li jseħħu f 'Malta huwa ċkejken, qed naħdmu biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin biex jiġu sfruttati sesswalment jew bħala ħaddiema. Li jkollna mqar vittma waħda tat-traffikar tal-bnedmin huwa inaċċettabbli," qal il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela. Huwa kien qed jindirizza seminar organizzat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall- Migrazzjoni. Il-Ministru rrefera għall- irwol ċentrali li għandu l-Korp tal-Pulizija f 'din il-ġlieda. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' traffikar tal-bnedmin li jseħħu f 'pajjiżna jkunu jinvolvu sfruttament sesswali, kien hemm ukoll għadd ta' każijiet ta' sfruttament ta' bnedmin bħala ħaddiema li ġew investigati mill-iskwadra kontra l-Vizzji. Huwa tkellem dwar l-isfidi li jippreżentaw il-każijiet ta' traffikar, b'mod partikolari fl-istadju tal- identifikazzjoni, minħabba li l-kriminalità ta' dan it-tip hija kkaratterizzata mill-fatt li tkun mistura tajjeb ħafna. Il-Ministru Abela qal li l-Pulizija qed jieħdu xogħolhom f 'dan il- qasam bis-serjetà, kif jixhdu l-prosekuzzjoni ta' min ikun wettaq reat u l-parteċipazzjoni ta' membri tagħha f 'taħriġ li jsir kemm f 'Malta kif ukoll f 'pajjiżi oħrajn. It-taħriġ li ngħata din is-sena ffoka fuq it- titjib fl-identifikazzjoni ta' każijiet ta' traffikar ta' bnedmin biex jiġu sfruttati bħala ħaddiema, minħabba li t-traffikanti spiss jibdlu l-mod kif jaħdmu billi jadottaw tekniki aktar sofistikati u aktar sottili. Dan it-taħriġ ngħata taħt it-tielet Pjan Nazzjonali ta' Azzjoni, li jkopri l-perjodu bejn Jannar 2015 u Diċembru 2016, skont l-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal- Bnedmin (2012 – 2016). Għall-ewwel darba, dan il-Pjan ipprovda taħriġ iffukat fuq din it-tema, mhux biss lill-Pulizija iżda wkoll lil partijiet oħra li għandhom interess f 'dan il- qasam, bħall-ħaddiema fil- komunità, u l-ambaxxaturi u diplomatiċi oħrajn. Dalwaqt jibda x-xogħol fuq l-abbozzar tal-pjan ta' azzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għall-2017 u l-2018, li taħtu huwa maħsub li jingħata aktar taħriġ. "F'qasam bħat-traffikar tal-bnedmin, huwa importanti li nkunu nafu dejjem aktar dwar kif jaħdmu t-traffikanti. Li nkunu b'għajnejna miftuħin għall-possibbiltà tat-traffikar tal-bnedmin tista' tagħmel id-differenza kollha," ikkonkluda l-Ministru Abela.