Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/709566
illum | Il-Ħadd 31 ta' Lulju 2016 Intervista 12 Minn kaċċatur għall-akbar K if dħalt fl- appartment li Joe Sultana għandu x-Xagħra stagħġibt b'dak li rajt quddiemi. Xena li l-ebda ritratt ma jagħmlilha ġieħ, l-ebda pittur mhu kapaċi jpittirha, bir-Ramla l-Ħamra taħtek u b'kemm tagħtik il-viżta t'għajnejk, kampanja bla mittiefsa Għawdxija. "Jien hawn inqatta' ħafna minn ħajti," qalli Joe. Xi jrid iżjed meta jgħix f 'ġenna tal-art? Minn hemm dħalna fil-librerija tiegħu fejn Joe, li għandu 76 sena beda jirrakuntali ftit mill-memorji tant sbieħ li offrietlu l-ħajja. Ħajja mimlija avventura, vjaġġi u attività sħiħa favur il- ħajja u n-natura li tant tagħtu sodisfazzjon. Joe hu persuna li meta titkellem miegħu ma tibdiex u tieqaf biss fuq l-għasafar anke jekk dawn huma l-mimmi t'għajnejh, iżda għandu opinjoni fuq kollox, u għalhekk ippruvajt indur dawra mad-dinja tiegħu. Kont kaċċatur, imma minn dejjem kont inħoss għafsa ta' qalb meta nara għasfur mejjet' "Jien kont nassab u kaċċatur, għax jien trabbejt 70 sena ilu niġri ma' missieri fil-ġmiel naturali tax- Xagħra. Ifhimni ma nqisx ruħi bħala ambjentalist, iżda l-idea tiegħi dwar l-iżvilupp hu li għandu jsir fejn suppost isir u jirrispetta l-madwar. Ħafna mill-ambjentalisti jaħsbuha bħali, iżda hemm min hu estremist wisq u hu kontra kull żvilupp," kompla jgħid Sultana. Staqsejtu kif inbidel minn wieħed li joqtol u jaqbad l-għasafar għal wieħed li flimkien ma' Joe Attard Tabone bnew is-sisien ta' assoċjazzjoni favur il-ħajja tal-għasfur u kontra l-kaċċatur. "L-ewwel bdejt bħala nassab ma' missieri, imbagħad kont kaċċatur għax ħaddieħor kien kaċċatur, iżda minn dejjem kont inħoss l-għafsa ta' qalb meta nara għasfur mejjet. U meta fl-1961 bdiet is-soċjetà ornitoloġika (MOS), dħalt membru fl-ewwel sena meta kont għadni nassab u kaċċatur iżda waqaft minn hemm." "Fl-1965 ġew mill-Ingilterra nies mill-aqwa Istituti li jistudjaw l-għasafar u ħarrġuni għar-'ringing' tal-għasafar, ġabuli anke l-liċenzja u ħallewna nużaw iċ-ċrieket tagħhom, li sa dakinhar qatt ma kienu ħallew dawn iċ-ċrieket joħorġu minn pajjiżhom." X'ħin jibda jitkellem fuq l-għasafar jibda jsemmi kull tip ta' għasfur u anke kif jagħrafhom mill-għajta tagħhom u anke mill- ġewnaħ tagħhom. Qalli wkoll li miċ-ċurkett wieħed ikun jaf eżatt l-istorja tal-għasfur, minn fejn ġie, fejn mar u kemm dam fil-gżira tiegħek u kemm ilu jtir. "Ġieli qbadt għasafar ġejjin mir-Repubblika Ċeka. Pereżempju sibna li ċ-ċiev tagħna jmur jiekol mill-kosta tal- Libja u li ċ-ċiev kollu joħroġ mill- Mediterran." Joe spjega li ċ-ċiev joħroġ biss mal-lejl filwaqt li l-gawwi normalment ikun idur mal-kosta matul il-ġurnata. "Dawn huma għasafar makakki ħafna. Huma jindunaw li hemm pajjiż li għal snin twal dejjem wettaq kontra l-għasafar, u anke fil-passa jevitaw lil Malta. Kont it-Tajlandja u billi dawn Buddisti lill-għasafar iħalluhom fil-libertà, wieħed jista' jilmaħ kull tip ta' għasfur fl-għelieqi tar-ross. Kont se naqsam il-fruntiera mit-Tajlandja għall-Kambodja u kif qsamna l-fruntiera, l-għasafar kollha għosfru. Nagħmlu tliet sigħat insuqu u ma tarax għasfur wieħed. Meta stqsejna għalfejn, qalulna li l-għasafar ftit jew xejn jersqu 'l hemm għax il-poplu tal-Kambodja jikkaċċjahom biex jikolhom għax hu poplu fqir. Fil-fatt qal kif wara li saret ftit protezzjoni fl-Għadira, beda jbejjet is-Simar u anke xi tipi oħra ta' għasafar. "Din hi prova li l-għasfur ma jersaqx fejn jiġi maqtul." 'L-illegalitajiet naqsu, imma ma nistgħux inċedu pulzier' Sultana qal ukoll li maż-żmien, il-liġijiet inbidlu u bis-saħħa ta' edukazzjoni fit-tfal u anke l-ġlidiet li l-BirdLife għamlet favur l-għasafar, sar progress kbir. "L-illegalitajiet naqsu, però ma nistgħux inċedu pulzier. L-illegalitajiet xorta għadhom isiru sew fil-kaċċa kif ukoll fl-insib. L-illegalità tal-kaċċa hi aktar kiefra għax issir fuq it-tajr protett biex jibbalzmawhom għall-kollezzjoni b'pika wieħed mal-ieħor min għandu l-iżjed għasafar ibbalzmati. "Qatt ma niżlitli li l-kaċċa hawn Malta ssir għall-ikel. Tista' tgħidli x'ikla fiha din in-naqra ta' gamiema? Il-kaċċa ssir għall-gost li tkun kapaċi timmira, tispara u toqtol. Nammetti li hawn kaċċaturi edukati u li jobdu l-liġi iżda huma l-ftit imqabblin mal-ħafna. Li ma kienx hawn il-liġijiet ħorox tgħidx kif imur lura l-pajjiż jerġa'." Mistoqsi jekk qattx ġie mhedded, Sultana qal li qatt ħlief darba f 'Malta meta ġera wara wieħed li kien daħal l-Għadira u kien dar jippuntalu s-senter u heddu li jisparalu. Ħallieh jitlaq, sab il- karozza tiegħu, irrapurtah u ġie arrestat. Kien talbu biex jaħfirlu, u "talli heddidni waqqajt l-akkużi kollha, iżda ma ħfirtlux li daħal l-Għadira. Fejn jidħol l-għasfur m'hemm kompromessi." 'Irid jinstab mod iktar uman ta' kif jitnaqqas il-ħamiem' Tlabtu l-opinjoni tiegħu dwar it-'trend' ġdida li nikru kaċċaturi jew nies bis-senter biex joqogħdu jisparaw fuq il-ħamiem ħa jnaqqsu mill-popolazzjoni tiegħu. "Li jsir fil- pubbliku hu ħażin dejjem għax qed tagħti messaġġ ħażin. Li tipprova ssib mezz li tnaqqas il-popolazzjoni ta' għasfur forsi nasal biex naqbel, iżda b'mod aktar uman. Imma ngħid jien kemm qed jagħmel ħsara dal- ħamiem? Hawn Malta li jdejjaqni hu li jew nejja jew maħruqa. Għandna nsibu t-triq tan-nofs." Iktar faċli tgħid liem pajjiżi ma marx milli fejn mar Waqafna nitkellmu ftit fuq l-għasafar u tlabtu jgħidli naqra fuq l-esperjenzi tiegħu fis-safar fejn l-aktar mistoqsija faċli kienet mhux fejn mar iżda fejn ma marx. "Ir-Russja u ċ-Ċina huma postijiet li qatt ma kelli ġibda li mmur. Tgħidlix għalfejn għax ma nafx inwieġbek iżda l-Indja u t-Tajlandja mort kemm-il darba. L-Ilvant imbiegħed dortu kollu, Sri Lanka, Vjetnam, ta' fuq u ta' isfel. L-Ewropa dortha wkoll ħafna. L-Afrika ta' fuq dortha sew bil-Libja inkluża u żort l-Afrika t'isfel u anke l-Ghana. John Busuttil illum@mediatoday.com.mt Nammetti li hawn kaċċaturi edukati u li jobdu l-liġi iżda huma l-ftit imqabblin mal- ħafna " " Qatt ma niżlitli li l-kaċċa hawn Malta ssir għall-ikel " "