Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/709566
illum | Il-Ħadd 31 ta' Lulju 2016 Aħbarijiet 8 Il-mostru li hemm ġo minn Ruben Anthony Xuereb "IL-ĦAJJA bid-dipressjoni qisha waħda fejn int tgħix kontinwament ma' mostru li ma jiqafx imaqdar dak kollu li tagħmel u jfesfislek f 'widnejk kemm ma tiswa għal xejn… u dak il-mostru huwa moħħok stess." L-Illum tkellmet ma' Ben, raġel ta' madwar 36 sena li stqarr dan dwar ħajtu, hekk kif fetaħ qalbu ma' din il- gazzetta dwar il-kundizzjoni tad-dipressjoni li huwa ilu jbati minnha għal numru twil ta' snin. Ben stqarr ma' din il- gazzetta li dak li hu jiddeskrivi bħala l-mostru, huma l-ħsibijiet ħżiena u negattivi li kostantament jgħaddu minn moħħu matul il-ġurnata. Ben (li huwa isem fittizju) wera x-xewqa li jibqa' anonimu, minħabba li hu stqarr li l-perċezzjoni dwar min ibati bid-depressjoni għadha waħda dibattibli ħafna madwar id-dinja kollha, mingħajr eċċezzjoni ta' Malta. Dwar il-ħajja ta' kuljum tiegħu, huwa stqarr li ma jħossx li jinsab fis- sitwazzjoni li sempliċiment jgħid lill-kollegi tiegħu jew lin-nies ta' madwaru li jbati bid-dipressjoni. "Nippreferi li jibqgħu jaħsbuni kwiet u naqra stramb…" jgħid Ben. Fejn tidħol il-perċezzjoni tas-soċjetà lejn min ibati bid-dipressjoni, Ben jgħid li filwaqt li d-dipressjoni hija kundizzjoni medika bħal ħafna oħrajn, mhux meqjusa bl-istess mod bħall-kundizzjonijiet oħrajn bħalma huma l-ażma jew id- dijabete pereżempju. Skont Ben, bniedem ażmatiku m'għandu ebda problema javża lil ta' madwaru li jista' jkollu attakk ta' ażma minn ħin għall-ieħor, u dan mingħajr ma jikkawża ħars minn taħt u reazzjonijiet mistkerrha. "Tara raġel jew mara jaqta' nifsu u juża 'inhaler' jidher li huwa inqas offensiv għas-soċjetà minn xi ħadd li jsibha diffiċli jidħaq u jesprimi emozzjoni…" jisħaq Ben li qal li hu konxju li ta' spiss, qabel aktar minn issa, hu kien jagħti impressjoni ta' wieħed stramb u dejjem bid-dwejjaq. Fejn jidħlu l-effetti li d-dipressjoni tħalli fuq il-ħajja tax-xogħol ta' Ben, huwa stqarr li kemm jista' jkun il-kundizzjoni tinżamm sigriet. "Ma nafx nies oħra li jbatu bid-dipressjoni x'jagħmlu," temm hu, "imma pereżempju jien ma tgħaddilix minn moħħi li nsemmi l-kundizzjoni tiegħi waqt xi intervista tax-xogħol meta niġi mistoqsi dwar kundizzjonijiet mediċi. Onestament nibża' li ma niġix aċċettat minħabba l-biża' li ma nkunx soċjevoli jew produttiv fuq xogħli." Bejn wieħed u ieħor 7 minn kull 100 persuna adulta fid-dinja qed tbati minn dipressjoni bħalissa Il-ħaġa kontrastanti dwar in-nuqqas ta' għarfien dwar id-dipressjoni huwa li riċerka li saret riċentament turi li bejn wieħed u ieħor 7 minn kull 100 persuna adulta fid-dinja qed tbati minn dipressjoni bħalissa. Iżjed minn hekk, id-dipressjoni hija l-iżjed kundizzjoni psikologika u psikjatrika komuni. Fil-fatt, sas-sena 2020, huwa stmat li d-dipressjoni se tkun it-tieni marda l-aktar komuni fid-dinja. Persuna li tbati bid- dipressjoni, anke jekk bħal Ben, tkun drat tikkontrolla ħafna, kultant tgħaddi minn perjodi fejn dak li Ben isejjaħ il-mostru li hemm ġo fih, imur minn fuq fid-dwell konstanti li jkun għaddej f 'moħħu u jiġu mumenti, jew ġieli anke ġranet u ġimgħat sħaħ fejn il-kundizzjoni ma tħallikx tkun burdata tajba. Ben jiddeskrivi ġranet fejn ħaġa sempliċi bħal tqum mis-sodda tinħass bħala impreża diffiċli. Il-ħsieb li tiffaċċja n-nies dejjem ikun l-iktar ħaġa inkwetanti għal min ibati minn din il-kundizzjoni. "It-tibdiliet fil-burdata waqt ġranet 'ħżiena' jistgħu jvarjaw bejn l-aptit li taħtaf lin-nies jew tgħidilhom xi ħaġa kattiva u offensiva… jew inkella tkun fi stat sensittiv li tibża' li ħa tinfaqa' tibki għal xejn b'xejn" qal Ben b'għajnejh baxxuta, "Kważi kważi li jaqbadni l-biki nistħi aktar minnha bħala adult. Nippreferi meta nkun irrabjat, naħtaf u noħroġ ta' stramb u antipatku ma' dak li jkun." Kultant l-għajnuna ġenwina isservi agħar għal min ibati bid-dipressjoni Id-dipressjoni, tant m'hawnx għarfien pubbliku fuqha li dawk li jbatu minnha ta' spiss jiġu ffaċċjati bi kliem li allavolja jsiru bi skop ġenwin biex jgħinu, fil- verità jweġgħu ħafna lil dak li jkun. "Isa ejja, qum minn hemm u 'cheer up'…" Ben isemmi dan il-kumment bi tbissima, bħala wieħed li jisma' ta' spiss, flimkien ma' "uwejja ħallik mid-dwejjaq, x'jista' ġralek guvni bħalek… min jaf kemm hawn min hu agħar minnek fid-dinja." Ħaġa interessanti hija li wara snin twal, Ben sar jieħu dawn il-kummenti b'ċertu umoriżmu u jifhem li allavolja huma offensivi għal xi ħadd fil-kundizzjoni tiegħu, jifhem li jsiru b'mod ġenwin, allavolja b'nuqqas ta' tagħrif u kunsiderazzjoni. "Jien qatt ma smajt lill ħadd imur fuq persuna li kellha attakk ta' ażma u jgħidilha… uwejja tgħaġġibhomx, ħu n-nifs u kompli…" jgħid Ben, li reġa' qabbel id- dipressjoni ma' kundizzjonijiet oħrajn li dwarhom hawn aktar konsiderazzjoni u edukazzjoni. Ben saħaq li hija ħasra li hawn nuqqas ta' edukazzjoni fost il-poplu li biha għandhom l-ewwel ħaġa jagħrfu li l-kundizzjoni hija reali, u t-tieni ħaġa li "cheer Kif nagħraf id-dipressjoni? MINBARRA ma' persuna effetwata bil-kundizzjoni, l-Illum tkellmet ukoll ma Dr. Nicholas Briffa, Clinical Psychology Practitioner u Sesswologu. Dr. Briffa spjega li s-sintomi tad-dipressjoni huma sinjali bikrija li qegħdin hemm biex jiġbdulna l-attenzjoni. Huma jindikaw li f 'ġisimna hemm xi ħaġa li mhix qiegħda taħdem sew. Waħda mill-ewwel u l-iżjed mod importanti u bażiku biex issir distinzjoni bejn id-dwejjaq u d-dipressjoni huwa t-tul ta' żmien ta' kemm is-sintomi jdumu jippreżentaw rwieħhom. Fid-dipressjoni, is-sintomi jinħassu kważi matul il-jum sħiħ u kuljum għal tal-anqas ġimagħtejn. Dan huwa l-iżjed sinjal importanti li rridu noqogħdu attenti minnu, kemm fina nfusna, kif ukoll f 'dawk ta' madwarna. Tajjeb li ngħidu li d-dipressjoni taffetwa diversi aspetti tal-ħajja personali u soċjali. Filfatt id-dipressjoni klinika tista' taffetwa kemm l-irqad, l-aptit għall-ikel, il-ħsieb, l-abbiltà li naħdmu, it-tama fil-ħajja, il-pjaċir f 'dak li nagħmlu, l-aptit u l-prestazzjoni sesswali, ir-relazzjonijiet tagħna u l-livell ta' enerġija. Id-dipressjoni tista' wkoll tqanqal fina emozzjonijiet ta' ħtija u ħsibijiet fuq x'inhu l-iskop ta' ħajjitna. Dawn is-sintomi ġeneralment ikunu jinħassu ħafna kemm mill-persuna nnifisha, kif ukoll min-nies ta' madwarha. Għalkemm is-sintomi huma varji, huwa importanti li nifhmu li d-dipressjoni ma taffetwax lil kulħadd bl-istess mod. Is- sintomi jistgħu anke jvarjaw fl-intesità tagħhom. Is- sintomi jistgħu jkunu ħfief, moderati jew gravi. Dr. Nicholas Briffa, Clinical Psychology Practitioner u Sesswologu "Illum tgħallimt nilbes tbissima falza biex ma nagħtix fil-għajn meta minn ġewwa nkun mejjet bid-dwejjaq…" "Illum tgħallimt nilbes tbissima falza biex ma nagħtix fil-għajn meta minn ġewwa nkun mejjet bid-dwejjaq u nigdeb u ngħid li jien OK, meta niġi mistoqsi kif jien… biex nevita mistoqsijiet u kliem żejjed"