Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/709566
Aħbarijiet 9 Il-Ħadd 31 ta' Lulju 2016 | illum ġo fija… up" se tagħmel iżjed deni milli ġid. L-avviċinament it-tajjeb għandu jkun empatija għas-sitwazzjoni ta' dak li jkun mingħajr ma jsiru suġġerimenti biex id-dipress jgħaddilu u jidħaq, iżda invit biex dan jiftaħ qalbu mingħajr ma jiġi ġġudikat jew patronizzat. Il-ħsieb tal-mewt ikun ħaġa reġolari, kważi fuq bażi ta' kuljum Sintomu ikrah li joħroġ fl- aktar klassifikazzjoni severa ta' dipressjoni, huwa meta bħal Ben, il-ħsieb tal-mewt ikun ħaġa regolari, kważi fuq bażi ta' kuljum f 'ħajtu. B'tixbiha oħra mal-mostru li Ben jiddeskrivi li hu jqatta' ħajtu miegħu, hu spjega kif "Id-dwejjaq li jaqbduni ġieli tant ikunu kbar, li nħoss li l-unika soluzzjoni biex nistrieħ u neħles hija li ħajti tispiċċa. Dawn ikunu l-mumenti fejn fid-dwell tiegħi kontra l-mostru li hemm ġo fija, ikun qed jirbaħ hu…" Ħaġa li forsi l-maġġoranza tan-nies ma jistgħu jifhmu qatt, jgħid Ben, hija kif "ġieli sempliċiment inkun qed insuq jew miexi fit-triq meta inkonxjament nibda ngħid lili nnifsi… daqs li kieku qed ikellimni xi ħadd ieħor, kemm ma niswa għal xejn, kemm jien falliment fil-ħajja u kemm ikun aħjar kieku neħles lil kulħadd mill-piż tiegħi f 'din id-dinja." Ben stqarr li filwaqt li ġie dijanjostikat li jbati minn dipressjoni klinika severa fl-2012, hu kien ilu jħoss is-sintomi jinġemgħu u jiżdiedu bil-mod sa minn snin twal qabel. "Immaġinak kif tħossok tisma' negattività u tgħajjir ifesfes f 'widnejk kuljum… u jien ili nisma' dan sa mis- sena 2000, jew anke qabel naħseb…" Din il-battalja kontinwa bejnu u bejn ruħu, jidher li taffettwa lil Ben, u ħafna oħra fl-istess kundizzjoni tiegħu fuq bażi regolari. It-tendenzi ta' suwiċidji infatti, huma kemxejn komuni fost dawk li jbatu bid-dipressjoni, tant li ħafna każi ta' suwiċidju madwar id-dinja jkunu relatati ma' din il-kundizzjoni. Filwaqt li huwa suġġett delikat, l-Illum staqsiet lil Ben jekk ix-xewqa li jtemm ħajtu qatt skalatx lil hinn minn xewqa biss, fejn hu rrispondiena li f 'aktar minn okkażjoni waħda kien jinsab daqshekk fit-tarf ta' dwejjaq inkontrollabli li prova jtemm ħajtu, iżda qatt ma sab il-kuraġġ jagħmel il- pass finali. Fl-okkażjonijiet fejn ma jirnexxilux iwettaq "l-att", Ben jispjega kif immedjatament iħossu li anke f 'xi ħaġa li suppost ittih is-serħan, huwa falla miżerjament, bħal f 'kollox f 'ħajtu. Dan, skont Ben, ikun il-kliem li jisma' jidwu f 'moħħu mingħand il- 'monstru' li jgħix hemm ġew. "Darba", irrakkonta Ben, "tant kienet ovvja li kont ninsab ħażin, li saritli ħafna pressjoni sabiex nirrikorri għal għajnuna professjonali, u mort għand Psikjatra." Dan kien iż-żmien meta Ben ġie dijanjostikat li jbati minn każ sever ta' dipressjoni klinika. Ben kompla jgħid kif fl-ewwel seduta, li fiha mid-dehra kien anke jidher viżwalment ħażin ħafna, il-psikjatra għamillu ħafna mistoqsijiet fuq il-passat tiegħu u fuq lista ta' sintomi assoċjati mad-dipressjoni. "Ħlief għal xi tnejn mis- sintomi li semmieli, kollha lqatthom, u kont ili nħosshom għal żmien twil." "Waqt l-istess seduta," kompla jirrakkonta Ben, "it-tabib saqsini jekk qatt xtaqtx immut u jekk qatt ikkunsidrajtx intemm ħajti… u jien b'ċerta mistħija rrispondejt, li kuljum." Dawn ir-risposti mid-dehra kienu l-bażi tad-dijanjożi li biha Ben ġie ddikjarat li jbati bid-dipressjoni. Ben kompla jirrakkonta kif l-ewwel pass fit-terapija li ssuġġerixxa dan it-tabib kien kors ta' żewġ tipi ta' pilloli antidipressivi differenti, flimkien ma' kors pilloli tal- irqad. "Flok ma tani pariri, jew sema' dwar xi nħoss, tani riċetta għall-pilloli u appuntament għal tliet ġimgħat wara." Hawnhekk seħħ wieħed mill-aktar mumenti li Ben jiddeskrivi bħala 'mudlama' f 'ħajtu hekk kif sab ix-xoqqa f 'moxta biex fl-aħħar itemm ħajtu, permezz tal-pilloli li tah il-psikjatra. "Kelli tliet kaxxi ta' pilloli differenti, b'aktar minn żewġ tużżani pilloli f 'kull waħda," qal Ben, b' għajnejh miksurin fid-dmugħ… "mort id-dar u blajthom kollha f 'daqqa b'nofs flixkun whisky… u rqadt." Ben iddeskriva l-ewwel ħaġa li ra, bħala dawl… qisu bħal dak il-famuż dawl fit- tarf tal-mina li tant jitkellmu fuqu fil-kotba u fil-films. Hemm, Ben jgħid li ħaseb li rnexxielu 'jeħles'. Iżda l-overdose ta' pilloli ma ħalliex l-effett mixtieq ta' Ben għax id-dawl li ra ma kien xejn għajr il-familjari tiegħu jippruvaw iqajmuh wara li marru d-dar tiegħu għax kien għamel aktar minn għoxrin siegħa ma jirrispondix it-telefon. Ben baqa' ħaj, u llum, erba' snin wara, jiftaħ qalbu li d-dispjaċir li jħoss għax weġġa' lill-familjari tiegħu bil-qatgħa li tahom, serva għal żewġ għanijiet; l-ewwel, li biex ma jerġax iweġġagħhom, ma jista' qatt jerġa' jipprova… jgħid x'jgħid il-mostru, u t-tieni, li talli għamel hekk, żied raġuni oħra għaliex jobgħod lilu nnifsu; ħaġa li l-mostru ma jieqaf qatt ifakkru. Wara dan l-inċident, Ben ħa l-parir ta' tobba oħrajn, li l-metodi tagħhom kienu differenti b'aktar djalogu u analiżi tal-emozzjonijiet u pariri siewja kif xi ħadd li jbati bid-dipressjoni jista' jgħin lilu nnifsu. M'hemmx kura definittiva għad-dipressjoni ħlief li titgħallem taċċetta u tikkontrolla u l-kundizzjoni Illum Ben ilhu kważi tlett snin jaħdem biex jieħu kontroll fuq il- kundizzjoni tiegħu. Huwa jgħid li allavolja jispera li għandu tort, ma jaħsibx li hemm kura definittiva għad-dipressjoni, bħal ma m'hemmx għal ħafna kundizzjonijiet oħra. Skont hu, min ibati b'din il- kundizzjoni, kull ma jista' jagħmel huwa li jitgħallem jikkonvivi u jikkontrolla s-sintomi u l-effetti. "Illum tgħallimt nikkonvivi mall-mostru li hemm ġo fija," jgħid Ben. "Nammetti li allavolja ninsab fil-kontroll tal-emozjonijiet tiegħi għall- maġġorparti tal-ħin, jiġu ġranet fejn il-mostru joħroġ mill-gaġġa li tfajtu fiha u jaqlali naqra nkwiet ġo rasi." Ben qalilna li rnexxielu jikseb il-kontroll tal- kundizzjoni tiegħu permezz ta' attitudni aħjar lejn il-ħajja, speċjalment bl- għajnuna ta' xi ħbieb partikolari. Hu qal li jaħseb iżda, li l-aktar ħaġa li għamlitlu effett posittiv kienet li ffoka fuq saħħtu billi beda jagħmel aktar attività sportiva u rranġa d-dieta tiegħu għal waħda aktar salutari. Ben saħaq ukoll li l-alkoħol ma jgħinx, għax infatti meta jixrob iżżejjed, in-negattività u dwejjaq jirduppjaw. Mistoqsi dwar kif jara l-futur tiegħu, Ben semmielna l-effett ikrah li kienet ħalliet fuqhu l-mewt tal-attur komiku Robin Williams, fejn kien ħadha bi kbira ħafna li bniedem ta' success bħal Williams li qatta' ħajtu jdaħħaq lin- nies, kien ukoll ibati bid- dipressjoni u minkejja l-ħajja u s-suċċessi li kellu, flaħħar anke hu tilef il-battalja tiegħu kontra l-mostru li kellhu hu. "Issa naraw. Jien mhux se naqta' qalbi u se nibqa' niġġieled kontra l-mostru li hemm ġo fija għall-bqija ta' ħajti. Daqqa nkun minn fuq jien, u daqqa hu… sakemm fl-aħħar wieħed minnha jirbaħ il-ġlieda b'mod definittiv…" Kif tiġġieled id- dipressjoni? 1. Żomm lilek innifsek f 'saħħtek. 2. Ħu l-mistrieħ neċessarju. Li tkun imħabbat iżżejjed, mingħajr mistrieħ, mhix xi ħaġa tajba. 3. Żomm ruħek fiżikament attiv (imxi tal-inqas 30 minuta kuljum, jew involvi ruħek f 'xi sport) 4. Aħdem fuq attitudni pożittiva u ottimista. 5. Prova tiħux deċiżjonijiet importanti meta tkun ferħan ħafna jew imdejjaq ħafna. 6. Ieqaf waħħal fik innifsek f 'dak kollu li jiġri. 7. Ħu ħsieb id-dieta tiegħek (evita ħafna xaħmijiet, u żid il-ħut fid-dieta tiegħek). 8. Evita użu eċċessiv ta' alkoħol u kafè. 9. Tpejjipx u tużax drogi 10. Involvi ruħek f 'xi grupp ta' ħbieb jew fil-volontarjat fejn dan inaqqas iċ-ċans li persuna tħossha weħidha u li l-persuna tħossha aċċettata aktar. 11. Jekk qiegħed tħossok stressjat, aħdem biex tnaqqas l-istress. Itlob l-għajnuna. Tħallix l-istress jinġemgħa. 12. Addotta atitudni ta' gratitudni. 13. Aħdem fuq l-istima tiegħek innifsek, u fuq kif inti tħares lejk innifsek. 14. Anke mal-iċken intopp, tkellem u iftaħ qalbek ma' persuna jew persuni li tafda. 15. Strieħ, u orqod kemm suppost.