Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/709566
Il-Ħadd 31 ta' Lulju 2016 | illum Rakkont 23 Min hu Alexander Black? minn Sharon Calleja KIEN wasal il-jum li tant kien ilu jistenna. Jistenna jew jiskerrah? Ħareġ wara l-gwardjan liebes libsa li kienet tagħtih xeħta ta' xi avukat jew persuna importanti. Hekk kif għadda minn maġenb iċ-ċelel ta' sħabu kien jaf li kienu qegħdin jgħiru għalih. Sellem lil xi wħud minnhom u ta daqqa t'għajn kerha lil dawk li kienu għamlulu ħajtu infern f 'dawn l-aħħar ħmistax-il sena li kien ilu magħluq hawn ġew sabiex ipatti għal għemilu. Theo kien espert biex jiftaħ serraturi, jikkombina kodiċi u għal kull tip ta' diżattivazzjoni fejn jidħlu sgassaturi sigrieti. Minn meta kien żgħir kien induna li kellu don f 'dan il-qasam u kien użah sabiex jisraq banek jew ħwienet tal- ġojjellerija. "Theo, għandek ċans tibda ħajja ġdida 'l bogħod mill- kriminalità. Ħu l-parir tiegħi u għix bil-għaqal," qallu d-direttur hekk kif taptaplu fuq spalltu. Theo tah nofs tbissima, sellimlu u ħareġ 'il barra. B'dak il-ġest, id-direttur ħares lejn il-gwardjan li kien qed jeskorta lil Theo u kemmex xufftejh. Ma tantx kien ikkonvinċa ruħu li Theo kellu f 'moħħu jibda ħajja 'l bogħod mill-gwaj. L-arja ta' barra belgħetu. Iż- żiffa ħelwa li mellsitlu wiċċu f 'dak il-jum sħun ta' Lulju ma ġegħlitux jitbissem. Fil-bidu, ma setax jiftaħ għajnejh sew. Il-kmamar ta' ġewwa kellhom kuntrast kbir mad-dawl ta' barra. Iżda eżatt malli sema' l-bieb jingħalaq warajh, induna li tassew kien ħieles. Ħieles. Ħelsien. Kemm kien ilu jaħseb f 'dik il-kelma. Kelma li kienet tfisser kollox għad-dinjità tal-bniedem. Iżda issa, li kien ħieles, fejn jaqbad imur? Ħares lejn id-dell tiegħu stess u kien jaf li lilu biss kellu. Ma kellu lil ħadd aktar. Kien jaf li malli jerġa' jmur ir-raħal kien ser jiltaqa' ma' Pawlu l-Virdun u Wiġi tal-Aħdar. Jekk jiltaqa' magħhom żgur kien jerġa' jaqa'….. jew iwaqqgħuh. Għalhekk, qabad jimxi u telaq għal għonq it-triq. Sab ristorant u daħal jiekol dak l-ikel li kien ilu tant joħlom fuqu. Ħares lejn l-armatura tal-ħanut u tpaxxa bil- modernità li kien qed jitlef dawn l-aħħar snin. Wara li mela żaqqu mhux ħażin bil-flus li kien ġie pprovdut, telaq lejn l-appartament li kien ilu vojt kemm kien ilu l-ħabs. Malli daħal, ir-riħa ta' moffa laqgħetu u nduna li kien kollox eżatt kif kien ħallieh hu, ħmistax-il sena qabel. Mexa minn kamra għal oħra, jisma' l-ilħna tal-passat jidwu f 'widnejh. "Theo," leħen ommu u missieru li tant kienu għamlu miegħu qabel mietu. Kienu jwiddbuh. Iżda Theo kien moħħ ir-riħ u sħabu kienu jdawruh u jġibuh eżatt kif riedu huma. "Theo, jien inħobbok," leħen xi tfajla li kien ikollu. "Dawn flusna." "Theo, ilgħab miegħi." "Kull kelma li tista' tgħid tista' tintuża kontrik…" leħen il-kuntistabbli. Waqaf jimxi. Iddritta lilu nnifsu u għamel idejh ma' moħħu. Leħen il-pulizija le. Ma riedx jisimgħu. Kien jaqa' ħażin. Dawk il-ħitan. Ħelsien. Kelma importanti. Qalbu bdiet tħabbat b'ritmu mgħaġġel. Beda jieħu nifsijiet fil-fond sabiex jikkontrolla lilu nnifsu u jikkalma. Telaq jiġri lejn is-sodda u qaleb is-saqqu ta' taħt fuq. Kien imtaqqab. Daħħal idejh u ġibed bagalja mdaqqsa 'l barra. Fetaħha b'ġentilezza kbira u qagħad iħares għal ftit lejn l-attrezzaturi li kien fiha; morsa, drill, puntelli, pinzetta u xi viti, għodda u apparat ieħor li kien swieh ħafna flus. Kienu ilhom ħmistax-il sena fil-moħba tiegħu. Theo tbissem bejnu u bejn ruħu. Ma kinux sabuhom! Għaddiet ġimgħa. L-Ispettur tar-raħal kien ġie msejjaħ fuq il-post fejn kien sar reat. Il- bank prinċipali tar-raħal kien ġie sgassat u kienu nsterqu eluf ta' ewro. "Qed jidħolli suspett f 'Theodore Smith," qal l-Ispettur lis-Surġent Christopher Landen, li kien investiga sew il-każ. "Hu biss għandu l-ħila jagħmel reat bħal dan. Theodore Smith." "Taf li anke jien hekk bdejt ngħid!" wieġbu s-Surġent hekk kif qabad u kiteb ismu fuq in-notamenti li kellu quddiemu u beda jħażżeż l-isem biċ-ċrieki, mitluf fi ħsibijietu. "Ma jridx irabbi għaqal!" Dakinhar stess, Theo kien għaddej miexi bil-pass fir- raħal, maġenb bajja ramlija u r-riħa ta' baħar imlietlu l-pulmun. Kieku mhux għax kien xi ftit mgħaġġel, kien jieqaf, jinża u jaqbeż jgħum. Il-baħar kaħlani kien qed iħajru mhux ftit! Dak il-ħin ma kien ser jinsih qatt. Raha għall-ewwel darba. Kienet twila, gustuża, għajnejha kbar, żoroq. Xufftejha kienu l-kulur tal-qalba tad-dulliegħa li kienet tagħtih ommu meta kien għadu tfal u ma kinux jimlewhom bil-mediċinali li ssib fihom illum. Kienet liebsa t-takkuna u libsa bajda, iffjurita fuq il-parti tal-ġmieħ. Fuq rasha kellha kappell sajfi tat-tibna li kien jagħtiha dehra friska. Bla ma nduna, Theo beda jiċċassa lejha. It-tfajla ħarset lejh u tbissmet. F'dawk l-inħawi kien xi ftit diffiċli tara raġel sabiħ u bi stil eleganti bħalma kien Theo. Tant tfixkel iħares lejha li għadda eżatt minn maġenb tfajjel u laqatlu geddumu b'ġenbejh. "Skużani…." qallu Theo. Reġa' dar biex jaraha għal darb'oħra iżda laħqet sparixxiet. "Ħares 'il quddiem fejn miexi," wieġbu t-tifel b'arja ta' adult. "Taf min kienet dik?" staqsieh Theo. "Dik? Ma tafhiex?" staqsieh it-tifel jistagħġeb. "Dik Melinda, it-tifla tal-bankier. Missierha huwa l-proprjetarju tal-banka tar-raħal." Għajnejn Theodore nfetħu beraħ. It-tifla tal-proprjetarju tal- ……? Dakinhar Theo ħa deċiżjoni. Telaq jiġri lejn l-appartament, fetaħ kullimkien, kines, naddaf, beda jkanta waħdu, żifen mal-ixkupa u ħassu ferħan se jtir. Kien iltaqa' ma' anġlu. U ried isir raġel onest. Wara ftit ħin, libes l-aqwa lbies li kellu, irranġa xagħru, ħareġ iħaffef u mar sab xogħol ħalli jkun jista' jinvesti flusu f 'ħanut. Ried jiftaħ ħanut u jibda ħajja nadifa. "Jisimni Alexander Black," qal lil sid il-ħanut tal-kafè fejn talab xogħol. Ħelsien. Dik il-kelma baqgħet tberren f 'moħħu. Il-ħanut ta' Alexander Black ma damx ma sar realta. Hekk ukoll il-ħolma tiegħu li jakkwista lil Melinda. Ħaġa ta' kumbinazzjoni, il-ħanut li kien fetaħ Theo kien eżatt quddiem il-bank ċentrali tar-raħal, fejn seta' jaraha kuljum u japprezza sbuħitha. Kien jilmaħha kull filgħodu, dieħla fil-bank ta' missierha, kuljum b'libsa pulita, xagħarha ssettjat u b'kappell differenti. Theo, jew aħjar is- sinjur Black kien sar iħobbha. U donnha din l-imħabba saret reċiproka, għaliex ftit żmien wara, Melinda aċċettat li joħorġu flimkien. Kien dakinhar li ċempel lil Pawlu l-Virdun. "Għandi xi ħaġa għalik," qallu Alexander waqt li kien qed iħares lejn il-bagalja li kienet mimlija bl-apparat li kien ilu ftit mhux ħażin żmien ma jmiss b'idejh. "Tiswa ħafna flus, Pawl. Jien m'għandix x'nambiha aktar. Biddilt ħajti. Illum ħadt deċiżjoni definittiva." Theo tbissem għaliex ftakar li kellu jmur għal Melinda l-bank u jibqgħu sejrin xi mkien flimkien hi u hu. Minn ħarsitha kien ċert li kellha grazzja miegħu hi wkoll. "Tajjeb niltaqgħu aktar tard," wieġbu Pawlu b'ton ta' wieħed interessat. Sa xħin sar il-ħin li jagħlaq u jmur għal Melinda, kien ħela bott fwieħa u kważi qaxxar il-pali ta' jdejh kemm dam jaħsilhom għax beda jħossu eċċitat sew. Qabad il-bagalja li kien ser jagħti lil Pawlu u għalaq il- ħanut. Telaq lejn il-bank. Malli daħal ġewwa, ra li kien hemm xi nies jistennew fil-kju u tifla żgħira tiġri minn naħa għal oħra. Fil-kantuniera tal- bank, kien hemm is-Surġent Christopher Landen li għal mument kien mitluf jitkellem ma' klijent li ma kienx jaf fejn kellu jmur. Billi lis-Surġent kien jafu sew, Alexander tella' ftit l-għonq tal-kowt u ħeba ftit wiċċu. Melinda bdiet ixxejjirlu minn wara xi ħġieġ. Kien dak il-ħin li nstema' ħoss kbir, donnu ta' xi bieb kbir jingħalaq u sakkara li qisha bdiet iddur waħedha. Kollox ġara f 'ħakka t'għajn. Beda jinstema' l-għajjat u twerżiq tat-tifla li milli jidher kienet issakkret bi żball f 'kaxxa-forti kbira li kienet għadha kemm inġabet apposta sabiex jintefgħu xi ġojjelli u flus fiha. "Loriana! Loriana!" bdiet twerżaq ommha, donnha mitlufa minn sensiha, tagħti kemm tiflaħ fuq is-sakkara. It- tifla bdiet twerżaq aktar, bejn għax kienet imwerwra u bejn għax hemm ġew ma kellhiex arja. Melinda, is-Surġent Christopher u n-nies l-oħra bdew jippanikjaw mhux ftit. "Dik ħadd mhu kapaċi jiftaħha!" beda jgħajjat sid il- bank, missier Melinda li ħareġ jiġri minn ġol-uffiċċju tiegħu. Alexander beda jagħfas il- bagalja li kellu f 'idu. "Theo," leħen ommu u missieru. "Theo, jien inħobbok." "Dawn flusna." "Theo, ilgħab miegħi." Ta daqqa t'għajn lejn is- Surġent. Neża l-kowt, fetaħ il-bagalja u ħareġ l-apparat. Dak il-ħin, Alexander ma baqax jeżisti. "Theo," qal bejnu u bejn ruħu s-Surġent hekk kif għal mument kien sejjer għalih iżda nduna li Theodore Smith biss seta' jiftaħ il-kaxxa-forti. Theo beda juża l-apparat b'ħila liema bħalha u f 'qasir ħin it-tifla ħarġet minn hemm ġew u marret tiġri tgħannaq lil ommha. Eżatt malli kulħadd kien qed jifraħ biha, Theo ġabar l-għodda lura fil-bagalja. Melinda kienet għarfitu. Kulħadd kien induna li sid il-ħanut il-ġdid li fetaħ faċċata ma kien ħadd ħlief Theodore Smith, il-ħalliel tal-banek. Theo resaq qrib is-Surġent. "Jiena…." beda jgħidlu. Is-Surġent taptaplu fuq spalltu. "Inti eroj Alexander Black." "Immorru?" staqsietu Melinda minn warajh bi tbissima fuq fommha. "Nixtieq insir nafek aktar, Theo."