Illum previous editions

illum 16 November 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/416742

Contents of this Issue

Navigation

Page 8 of 39

Il-Ħadd 16 ta' Novembru 2014 | illum 9 f 'San Pawl il-Baħar għadda minn martirju t-telefonati, il-missier beda jinkwieta. Għall-ewwel Nicola ħaseb li ibnu ma riedx ikellmu għax l-aħħar darba li kien kelmu argumentaw għax Nicola kien diġà se jibda l-vjaġġ lura lejn Malta. Il-missier kompla jċempel lil Gaetano fuq il-mobile, fuq it- telefon tad-dar u dak tal-ħanut, iżda ma kien hemm ebda risposta. Għaldaqstant Nicola ddeċieda li jtemm il-btala u rritorna lejn Malta u ħalla lil martu u wliedhom ikomplu bil- btala tagħhom. L-ewwel ħaġa li għamel hekk kif wasal Malta, Nicola kien mar ifittex lil Gaetano fil-post tan-negozju fi Triq il-Ħġejjeġ kantuniera ma' Triq id- Damasku u ftit metri 'l bogħod mir-residenza tagħhom. F'dan in-negozju, Nicola kien jagħmel xogħol ta' ġipsum, trinek, xogħol ta' ċeramika, suffetti u xogħol ieħor simili, imma ma sabux. Minn hemm mar fil-maħżen, iżda minħabba li ċ-ċwievet kien ħallihom kollha għand ibnu, Nicola ma setax jidħol fil-post. Għaldaqstant l-anzjan, bl-għajnuna ta' lavrant, qaċċat il-katnazz li fih kellu ċavetta maqsuma. Nicola daħal ifittxu hemm iżda xorta ma sabux. Innota li t-telefon ma kienx f 'postu, imma dak il-ħin ma tantx ta kas. Inkwetat li ibnu seta' telaq mid-dar minħabba l-argument li kellhom fuq it-telefon, il- missier mar jagħmel rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra li ibnu kien nieqes. Inkwetat Nicola reġa' daħal id-dar fejn il-kelb tal-familja ma kienx jidher lanqas. Ftit wara sema' ħoss ġej mit-toilet u kif fetaħ sab lill-kelb imsakkar fit- toilet u bil-ġuħ. Ħaseb li Gaetano kien ħareġ u baqa' jistennieh Nicola daħallu ħsieb ieħor, fost il-ħafna ħsibijiet li bdew għaddejjin minn moħħu, li ibnu kien ħareġ ma' sħabu. Huwa ċempel lil waħda mill-ħbieb ta' Gaetano, Charlene Law, u staqsieha jekk Gaetano kienx magħha jew kinitx taf fejn hu. It-tfajla marret għand Nicola u stqarret li ma kienet semgħet xejn mingħand ibnu jew ratu dakinhar. Flimkien marru jfittxuh fil-barijiet li ssoltu kien jiffrekwenta imma ma kien jidher imkien. Għal ħabta tad-9.20pm Nicola reġa' mar ifittex fil-maħżen u din id-darba kien hemm Charlene miegħu. Huma daru sew il-post imma ma kien hemm l-ebda sinjal ta' Gaetano. F'ħin minnhom Nicola nnota li l-bieb ta' kamra żgħira li juża biex inixxef ix-xogħol permezz ta' sħana qawwija, kien magħluq bil-firoll minn barra meta huwa dejjem iħallih imbexxaq meta ma jkunx qed jintuża. Kif Nicola fetaħ il-bieb u ħares lejn l-art ra lil ibnu mitluq fl-art mingħajr sinjali ta' ħajja. Huwa beda jgħajjat lit-tfajla li kien sab lil Gaetano. Kif it-tfajla resqet lejh u rat liż-żagħżugħ fl-art ħarġet tiġri 'l barra u x'aktarx kienet hi li ċemplet għall-ajjut. Ma kinux ċerti kif inqatel Fi ftit ħin bdew jaslu l-Pulizija fuq il-post fosthom dawk tad-Distrett immexxijin mis-Surġent Luke Bonello li min-naħa tiegħu informa lis- superjuri tiegħu. Ftit ftit bdew jaslu aktar uffiċjali fosthom l-Assistent Kummissarju Pierre Calleja (illum Deputat Kummissarju), is-Supretendent Silvio Valletta (illum Assistent Kummissarju) u l-Ispetturi Keith Arnaud, Daniel Zammit u Stephen Mallia mid-DIK, l-Ispettur Chris Pullicino mill-Iskwadra tal-Omiċidji, l-Assistent Kummissarju Neville Aquilina flimkien dawk tad-Distrett fosthom is-Supretendent Mario Bonello (illum irtirat) u l-Ispettur Therese Sciberras (illum ukoll m'għadhiex fil-Korp) kollha tad-Distrett. L-anzjan deher kommoss ħafna tant li f 'ħin minnhom l-Ispettur Sciberras dehret tikkunslah. Għall-ewwel il-Pulizija ma setgħux jistabilixxu kif Gaetano nqatel peress li feriti esterni ma kinux jidhru ħlief għal xi dmija ma' wiċċu. Kien hemm suspett li seta' kien każ ta' overdose ta' droga peress li fil-post il-Pulizija kienu sabu 18-il gramma kokaina u madwar 80 pillola ecstasy. Aktar tard il-Pulizija kienu waslu għat-teżi li x'aktarx din id-droga allegatament setgħet kienet se tintuża għal waqt party f 'għeluq snin l-istess vittma. Imma dwar dan qatt ma seta' jkun hemm konferma u Nicola kien stqarr li sa fejn jaf hu ibnu qatt ma kellu problemi relatati mad-droga. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Giovanni Grixti mar fuq il-post fejn mexxa l-aċċess u ħatar l-esperti tal-Qorti fosthom lit- Tabib Forensiku Mario Scerri u lill-Perit Richard Aquilina. Marru wkoll l-Uffiċjali tax- Xena tar-Reat taħt it-tmexxija tal-Ispettur John C. Ellul (illum ukoll irtirat mill-Korp). Sa dak il-ħin kollox kien qed jindika li Gaetano Romano seta' ngħata xi daqqiet fuq wiċċu jew rasu minħabba d-dmija li kellu u wara ntefa' fil-kamra u nxtgħelet is-sħana iżda jidher li din jew ma ffunzjonatx sew jew ftit tal-ħin wara ntfiet. Dan sar x'aktarx biex il-katavru jinħaraq u ma jkun hemm ebda evidenza. Maqtul b'imsiemer f 'rasu Wara aktar stħarriġ u anke l-ewwel eżamijiet li saru minn Dr Mario Scerri, instab l-ewwel ħjiel kif inqatel Romano. Fuq rasu nstabu feriti gravi li kienu moħbijin b'xagħru. Għaldaqstant it-Tabib Forensiku Mario Scerri kompla eżamina l-katavru fejn ġie stabbilit li kellu xi msiemer li kienu msammrin f 'rasu. Tant kienu msammrin sew fl-iskutella ta' rasu li l-ewwel indikazzjoni kienet li kien intuża martell tal- elettriku li jispara l-imsiemer. It-tfittxija li għamlu l-Pulizija għal din "l-arma" kemm fil- ħanut kif ukoll fil-maħżen ta' Romano rriżultat fin-negattiv. Fil-fatt meta kellimt lil Nicola Romano, huwa kien qalli li qatt ma kellu dik l-għodda. Kien hemm aktar minn persuna waħda li wettqu d-delitt Sorsi qrib il-Pulizija qaluli li l-investigaturi jemmnu li kien hemm bejn tnejn u tliet persuni involuti f 'dan il-qtil. Dan għax ma kienx se jkun faċli biex jissammru l-imsiemer fir-ras u b'hekk riedu jkunu mill-inqas tnejn jew aktar biex iżommuh u ieħor li sammar l-imsiemer x'aktarx b'mazza. Kien biss waqt l-awtopsja li sar magħruf li Romano nqatel b'sitt imsiemer ta' madwar 15-il ċentimetru. Irriżulta wkoll li Gaetano nqatel qabel ma ddaħħal fil-kamra forn għaliex fl-istonku ma kienu nstabu l-ebda traċċi ta' trab li kien hemm fil-kamra. Huwa mifhum li l-mod kif inqatel Gaetano Romano huwa l-uniku każ li qatt sar f 'Malta. Għaldaqstant l-esperti ma jeskludux li kien hemm xi barranin involuti. Fil-fatt b'konnessjoni ma' dan il-qtil il- Pulizija kienet interrogat fit-tul erbat irġiel, fosthom Marrokkin li dak iż-żmien kellu 31 sena u li huwa qarib tal-mara ta' Nicola. Dan kien jaħdem fl-istess negozju tal-vittma. Barrani ieħor kien Bulgaru li kellu 20 sena u li kien sar magħruf li Gaetano mhux l-ewwel darba li kellu argumenti miegħu. Minkejja s-suspetti l-Pulizija qatt ma setgħu jsibu l-provi konkreti. Anke l-missier kien għadda xi isem jew ismijiet ta' persuni li kellu suspetti serji fihom imma qatt ma mmaterjalizza xejn. Għaldaqstant għad hawn min sal-lum jemmen li dan il-każ idur ma' vendetta. Il-mistoqsija tibqa' jekk il-qattiela ridux iwasslu messaġġ lil Nicola u ibnu spiċċa l-vittma, jew jekk kinitx kwistjoni diretta ma' Gaetano. Huwa fatt magħruf li l-mafja ġeneralment toqtol li xi ħadd qrib sew ta' dak li tkun trid tagħmel vendetta miegħu. Appell Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in- numri 119 jew 21224001. Il-katavru ta' Gaetano qed jiddaħħal fil-hearse tal-Pulizija filwaqt isfel tar-ritratt l-eks-Spettur Therese Sciberras qed tikkonsla lil Nicola Romano, missier il-vittma Ritratti: Arkivji Nazzjonali

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 November 2014