Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/587658
18 illum | Il-Ħadd 18 ta' Ottubru 2015 Is-saltna tal-liġi L i ssaltan il-liġi mhix xi ħaġa faċli. Iżda li l-liġi ssaltan, huwa prinċipju fundamentali mhux biss f 'demokrazija iżda biex issir ġustizzja li ma tħarisx lejn l-uċuh. Il-liġi qiegħda hemm għal kulħadd u kontra l-impressjoni popolari tan-nies, il-politiċi huma l-aktar li għandhom ktajjen legali ma' saqajhom, u allaħares ma kienx hekk. Din il-ġimgħa, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill- Imħallef Lawrence Mintoff pronunzjat prinċipju importanti: li min jiggverna huwa taħt il-liġi daqs l-inqas wieħed fis-soċjetà. Din kienet sentenza li tirrigwarda l-poteri li għandu l-Ombudsman biex jinvestiga każijiet ta' inġustizzja fl-Armata. Kienet inħolqot speċi ta' 'tug of war' legali bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Ombudsman, jekk dan tal-aħħar għandux id-dritt jinvestiga inġustizzji fl-Armata. Is-sentenza kienet fis-sens li iva għandu. Anke jekk l-Att dwar l-Armata jirriżerva din l-investigazzjoni għall-ogħla awtoritajiet fi ħdanha. L-importanza ta' dawn ix-xorta ta' sentenzi mhix wisq f 'dak li jgħidu, iżda fil-fatt li jgħiduh. Dawn ix-xorta ta' sentenzi iserrħu ras kulħadd, anke ta' dawk li forsi ma jaqblux mas-sentenza, li l-Qrati tagħna mhux qegħdin hemm biex jintogħġbu ma' min qiegħed fil-poter, iżda biex jipproteġu dak li huwa sewwa u li jassiguraw li l-ġustizzja tal-bniedem tassew issir. Kultant, min jiggverna ikun wisq ħerqan biex forsi jsewwi xi inġustizzji li jkunu saru, iżda l-ħerqa u l-għaġġla ġieli twassalna biex nagħmlu żbalji li jkunu frott il-ħeġġa biex insewwu dak li hu ħażin. Iżda anke f 'dawn iċ- ċirkostanzi, il-prinċipju tas-saltna tal-liġi għandu jkun osservat. Jekk le, hemm il-possibbilità li ddum biex issir ġustizzja, għaliex bħalma ġara f 'dan il-każ, is-sitwazzjoni tista' titwal aktar minn kemm suppost, għalkemm irridu ngħidu li f 'dan il- każ saret ġustizzja b'ħeffa għalkemm mhux bl-għaġġla. L-għaġġla hija l-qattiela tal-motivi li jista' jkollhom mis-sewwa. Iżda din is-sentenza kienet ukoll il-magħmudija tan-nar ta' dan l-Imħallef. Imħallef, li llum kulħadd jgħidlek kemm huwa rett u kemm jamministra l-ġustizzja tajjeb fl-awla tiegħu. Jgħiduha anke dawk li kellhom id-dubji tagħhom meta nħatar u li kienu xettiċi jekk l-għażla kinitx tajba. Din is-sentenza wriet ukoll biċ-ċar, li meta l-persuna maħtura bħala Imħallef ikollha mis-sewwa fiha nnifisha, ġejja minn fejn ġejja u kienet x'kienet, f 'dak li tagħmel, is-sewwa se joħroġ dejjem. Uħud sabuha komda ħafna biex isawtu l-Gvern b'din is-sentenza. Iċċitawha u ġabu lil min jiċċitha, iżda ħaġa waħda ma semmewx: min kien l-Imħallef li taha. Jiena fhimt għaliex. Stħaw isemmuh, għax l-ipokrezija riedet, li dawk l-istess nies li faħħru lill-Qorti, mingħajr ma semmew lill-Imħallef, kienu l-aktar li opponewh jekk mhux ukoll pruvaw jirridikulawh. Ħasra li nies bħal Pawlu Borg Olivier tkellmu kmieni meta qalu li ma kinux se jidhru quddiemu. Ħafna llum jistaqsu ta' min hu l-unur: ta' dawk li ma jridux jidhru quddiemu jew tal-Unur tiegħu l-Imħallef Lawrence Mintoff ? F'mumenti bħal dawn nintebħu kemm huma importanti li garanziji li tati l-Kostituzzjoni lill-Imħallfin li ħadd ma jista' jneħħihom mill- kariga tagħhom ħlief għal żewġ ċirkostanzi eċċezzjonalissimi. Li Imħallef jiddeċiedi mingħajr indħil u mingħajr biża' ta' ritorsjoni jew tpattija eżekuttiva, huma wkoll garanziji tas-saltna tal-liġi. Għalkemm irrid ngħid, li kien hemm żmien meta ċertu ġudikanti kienu jkunu persegwitati b'mod sottili għal dak li ddeċidew: waħda minn dawk hija l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li anke meta tkun ivvilifikata fuq siti elettroniċi, qisu ma ġara xejn. Anke din hija xorta ta' persekuzzjoni, meta l-Awtoritajiet jibqgħu siekta jekk ukoll ma jissiħbux ma' min ikun qiegħed jivvilifikaha. Jiena dejjem ħarist lejn dawk ix- xorta ta' ħatriet ġudikanti jew kważi ġudikanti li jkollhom termini qosra li jgħaddu malajr. Dawn ix-xorta ta' ħatriet jiżirgħu f 'moħħ min għandu jiġġudika t-tentazzjoni li jiddeċiedi billi jidher sabiħ ma' min jaħtru biex forsi jerġa' jinħatar. M'għandi lil ħadd f 'moħħi u ma nafx li dawn l-affarijiet ġraw. Iżda b'ħatriet li ma jkollhomx il-garanziji tal- Kostituzzjoni, il-probabbiltà li jiġru huma ħafna. Wieħed mit-Tribunali li dejjem ħarist lejh b'ċertu suspett huwa t-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar. Għaġla kemm trid, iżda mhux ħeffa ġudizzjarja. Qatt ma fhimt kif persuna tista' tkun f 'ħin minnhom ġudikant u f 'ħin ieħor avukat u b'termini qosra ta' żmien. Kontra kull impressjoni li dawn huma Tribunali ta' merti żgħar, ix-xorta ta' prinċipji legali li jiddeċiedu, huma importanti daqs ta' Qorti normali, għax anke dawn joħolqu preċedenti. Qegħdin jingħataw sentenzi li huma kollha mibnija fuq il-prinċipju tal-ekwità, li huwa kunċett elastiku u li jiskarta prinċipju importanti ħafna: is-saltna tal-liġi, għaliex minflok jingħataw deċiżjonijiet skont regoli ċari tal-liġi, jingħataw fuq kif iħossha min jiddeċiedi. Agħar minn hekk, issa ddaħħal il-prinċipju li dawk li jippressjedu t-Tribunali żgħar jitħallsu mhux onorarja, iżda skont kemm jaqtgħu sentenzi. Għalija prinċipju li jimmina l-amministrazzjoni tal- ġustizzja anke jekk il-materja tkun żgħira, għalkemm għal min ikun għamel il-kawża, jista' jkun kbir. Biex issaltan il-liġi, irridu nkunu fis-saltna tagħha. Ara tifhmuhiex! Toni AbelA "Ħasra li nies bħal Pawlu Borg Olivier tkellmu kmieni meta qalu li ma kinux se jidhru quddiemu. Ħafna llum jistaqsu ta' min hu l-unur" "Kien hemm żmien meta ċertu ġudikanti kienu jkunu persegwitati b'mod sottili għal dak li ddeċidew: waħda minn dawk hija l-Magistrat Consuelo Scerri Herrera" L-istess nies li faħħru lill-Qorti, mingħajr ma semmew lill-Imħallef, kienu l-aktar li opponewh