Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/587658
22 illum | Il-Ħadd 18 ta' Ottubru 2015 I r-rispett li ġeneralment nuru lejn ġisimna aktarx li nibqgħu nġorruh anke wara l-mewt. Ovvjament ma nkunux aħna, il-mejtin, li nġorru r-rispett, imma dawk li kienu jħobbuna u kellhom relazzjoni ta' ċertu tip magħna. Dan jispjega għala kuljum preċett, f 'ħafna pajjiżi, jiġifieri f 'dawk li n-nies għandhom il-mezzi finanzjarji, jintefqu somom eżorbitanti biex il-ġisem jissebbaħ, jissewwa, u jiġi indokrat bl-aktar mod insistenti. Biss biss, ara kemm mediċini jiġu kkunsmati ħalli numri kbar ta' iġsma ma jibqgħux ibatu u titwalilhom ħajjithom; biex ma nsemmux metodi oħrajn ta' kif wieħed iżomm ġisem f 'saħħtu: eżerċizzji, dieti, massaġġi u ħwejjeġ oħrajn. Ma' dawn wieħed irid iqis ċifri kbar oħra fl-industrija tat-tisbiħ u l-korrezzjoni tal-iġsma: irtokk, fwejjaħ, ingwenti, kremi, kirurġija, tatwaġġi (tattoos) u interventi oħrajn. M'għandix dubju li dan kollu jsir għaliex kuntrarju għal ċerti messaġġi ta' ċerti reliġjonijiet u filosofiji li l-ġisem huwa ħabs tar- ruħ, in-nies iħarsu lejn ġisimhom bħala dak l-oġġett li jagħtihom identità, li jiddefinihom, saħansitra li jagħmilhom. Il-ġisem jagħmel lill-bnedmin għar-raġuni ovvja ħafna li mingħajr ġisem m'għandekx bniedem. Tant jingħadd bħala fatt sagrosant dan, li anki l-ġisem bla ħajja jibqa' jingħatalu ġieħ u daqskemm il- bnedmin iħobbu jħarsu lejn ġisem sabiħ, hekk iħobbu jagħmlu lejn ġisem li tilef ħajtu. Dan il-ġieħ lill-ġisem mejjet, forsi anki sal-punt tal-makabrità, jimmanifesta ruħu fir-ritwali funebri u l-ħafna drawwiet li popli differenti ħolqu u rawmu matul iż-żminijiet. Hemm dix-xena mill- film ta' Ettore Scola, La Famiglia: f 'nofs ta' lejl tifel jistenbaħ u joħroġ minn soddtu u jilmaħ lil missieru bilqiegħda waħdu maġenb il-katavru tan-nannu li kien għadu kemm miet il-lejla ta' qabel, ipinġi r-ritratt tal- mejjet fuq tila. Ir-ritratt tal- mejjet minnu nnifsu huwa stedina lil dawk li jħarsu lejh biex iġeddu r-rispett u jweġġħu lill-katavru. Lejn nofs is-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, meta t-teknika fotografika bdiet issib metodi ġodda kif tirreġistra x-xbieha, kienet saret drawwa, speċjalment fl-Ewropa u l-Amerka li jittieħdu r-ritratti ta' nies li kienu għadhom kemm mietu. Id-drawwa kienet in voga ħafna u llum insibuha bħala fotografija post- mortem. Mhux talli kienu jittieħdu ritratti tal-katavri, l-aktar tfal, imma talli dawn il-katavri kienu jitpoġġew f 'pożizzjonijiet li fihom kienu jidhru bħallikieku għadhom ħajjin. Ngħidu aħna familja li kienet titlef lil xi tifel jew tifla kienet tippoża bilqiegħda bil- katavru tal-wild bilqiegħda fuq ħoġor il-missier jew l-omm imlibbes bl-isbaħ ilbies, bix-xagħar ippettnat u mżejjen. Qabel it-teknika fotografika kien hemm id- drawwa li eżatt mal-mewt ta' dak li jkun tittieħed il-forma ta' wiċċu bix-xema' jew bil- ġibs, il-maskra tal-mewt, li kienet tinżamm b'rispett kbir. Wieħed ma jridx jinsa lanqas kif dan ir-rispett lejn il-ġisem mejjet kien jintwera, qabel id-drawwa tar-reġistrazzjoni b'tekiniki differenti tax-xbieha tiegħu, permezz tal-konservazzjoni tar-relikwi (mil-Latin reliquiae, jiġifieri fdal). Mill-Kristjaneżmu sal- Buddiżmu, il-Ħindu u l-Iżlam, saħansitra l-Komuniżmu Sovjetiku, il-preservazzjoni tal-ġisem il-mejjet (jew imqar partijiet minnu) kienet drawwa meqjusa sagra. Partijiet mill- katavri tal-eroj tal-era tal- antikwità klassika, għadam ta' qaddisin, u l-ġisem ibbalzmat ta' Vladimir Lenin huma ftit eżempji ta' dan ir- rispett lejn il-ġisem bla ħajja. Fid-dawl ta' dan kollu, huma inkwetanti mhux ftit l-allegazzjonijiet li għamlet din il-ġimgħa waqt aġġornament fil-parlament il-membru parlamentari Nazzjonalista Claudette Buttigieg ta' attivitajiet 'xokkanti' li qegħdin isiru fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Is-sinjura Buttigieg qalet li hemm anarkija sħiħa f 'dan iċ-ċimiterju, tmexxija laxka, nuqqas ta' dinjità u rispett, kif ukoll, u għalija dan kien l-aktar kumment kurjuż u importanti, attivitajiet oħrajn li l-membru parlamentari ma ħassithiex komda ssemmi. Biex ngħid id-dritt inħoss li s-sinjura Buttigieg, b'rispett lejn dawk li għandhom il-qraba midfuna fl- Addolorata, kellha mhux iżżomm l-informazzjoni mill-pubbliku imma, għall- kuntrarju, telenka liema huma dawn l-attivitajiet akkost li jaħsdu lil dak li jkun. Li l-Addolorata huwa nieqes minn kull sens ta' dekor u rispett lejn il-mejtin u l-ħajjin li jiġu minnhom huwa fatt tant ovvju li, sfortunatament, konna wasalna f 'punt li neħduh qisu m'hu xejn. Lapidi mkissra, kaptelli maqlugħin, kappelli abbandunati, żibel ta' kull tip (inkluż biċċiet ta' twiebet, injam u ġebel) ma' kullimkien, huma xbihat stampati fil-memorja ta' ħafna li jżuru dan is- sit. F'ċirkustanzi normali l-Addolorata huwa post li jesiġi rispett, mhux biss minn dawk li jżuruh imma, aktar u aktar, minn dawk li jmexxuh. F'ċirkostanzi normali, is-sit li jilqa' l-iġsma bla ħajja u l-fdalijiet ta' dawk li konna nħobbu, jinżamm bħala post sagru. Il-punt tiegħi huwa li l-iżdingar u d-diżastru tal-Addolorata mhuwiex biss sinjal ta' traskuraġni imma attitudni li tmur kontra n-natura umana, jew dik li ħafna jqisuha bħala n-natura umana. Il-mixja b'pass mgħaġġel ta' Marija Madalena lejn il-qabar ta' Ġesù Kristu l-għada tad- difna, id-dlik bil-balzmu u l-fwejjaħ, l-ilbies pulit tal-katavri jekk mhux ukoll l-irtukkar u l-ibbalzmar, huma kollha sinjali tan- normalità fl-imġiba tal- bniedem lejn il-ġisem, mhux biss għax jista' jkun il-ġisem ta' xi ħadd maħbub, imma, aktar minn hekk, għax il-bniedem jaf li l-unika possessjoni tiegħu hija, appuntu, il-ġisem. Id-diżrispett taċ-ċimiterji, bl-istess argument, huwa attitudni stramba, nieqsa mis-sens u mill-umanità. Id-dulur tal-Addolorata Immanuel mIFSuD "L-iżdingar u d-diżastru tal- Addolorata mhuwiex biss sinjal ta' traskuraġni imma attitudni li tmur kontra n-natura umana"