Illum previous editions

ILLUM 4 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/722940

Contents of this Issue

Navigation

Page 18 of 35

F il-50 sena mill- Indipendenza 'l hawn, qatt daqs f 'dawn l-aħħar tliet snin, dan il-pajjiż ma ra injezzjoni ta' riformi kostituzzjonali daqshekk intensiva. Riformi kostituzzjonali li jafu t-twelid tagħhom fir-rivolta Parlamentari tal-2012 u dik elettorali tal-2013. Il-poplu xtaq pajjiżu lura u dan isir permezz ta' istituzzjonijiet aktar f 'saħħithom, trasparenti u kontabbli. Qed jintefa l-iswiċċ tal- aħħar fdalijiet ta' mentalità u strutturi kolonjali u jinxtegħel dak għal stat verament sovran u demokratiku fejn l-awtorità ma tkunx imposta mill- ħakkiem bħal f 'kolonja, iżda tiġi eżerċitata mill- poplu, u f 'isem il-poplu, u fejn il-poplu allura jkollu dritt kostanti jitlob lil min jiggvernah jagħti kont ta' għemilu. Din hi Kostituzzjoni f 'saħħitha. Liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika, Parlament b'riżorsi u mezzi ta' komunikazzjoni li jrenduh verament l-ogħla u l-aktar forum rappreżentattiv ta' diskussjoni fil-pajjiż, filwaqt li permezz ta' standing orders aġġornati u tal-liġi dwar l-awtonomija jista' jiskrutinja aħjar il-Gvern tal-ġurnata, Parlament aktar tal-poplu, eqreb lejn l-poplu. Bidla radikali fil-kultura ta' rfigħ ta' responsabbiltà politika, li fejn sa tliet snin ilu qatt ħadd ma kien jirriżenja, inkluż ministri anke f 'ċirkostanzi ta' inkompetenza, nuqqas ta' management serju jew skandli, fl-aħħar tliet snin membri tal-Kabinett refgħu responsabbiltà politika f 'dak li allura jikkostitwixxi bidla radikali f 'din il-kultura tant importanti f 'demokraziji. Inxtegħel swiċċ. Inxtegħlet il-kultura tar-responsabbiltà politika f 'dan il-pajjiż, li qabel kienet kompletament ineżistenti. Inxtegħel swiċċ ukoll bir-riforma estensiva fil- qasam tal-ġustizzja, li beda' minn meta lura fl-2011 kelli nisforza l-qasma bejn l-ministeri tal-ġustizzja u intern u nippreżenta mozzjoni privata dwar riforma holistika fil-ġustizzja u intern li issa qed tiġi implimentata. Mingħajr l-qasma bejn l-ministeri r-riformi estensivi l-oħrajn difficilment setgu jitwettqu, u s-swiċċ ma kienx jinxtegħel! Wara kollox, dan huwa l-messaġġ li bagħat il-poplu fl-aħħar elezzjoni. Ried riformi kruċjali fil-qasam tal-partiti u fit-tliet organi kostituzzjonali tal-istat, li jfissru aktar dinjità u rispett għad-drittijiet tal-individu u tal-poplu in ġenerali, fejn dawk fl-awtorità għandhom obbligi akbar li jagħtu kont ta' għemilhom mhux biss fl-elezzjoni iżda anke fil- perjodu twil bejn elezzjoni u oħra, kontinwament. U filwaqt li dan kollu huwa mertu kbir tal- amministrazzjoni preżenti, sfortunatament iħalli lill-Partit Nazzjonalista f 'deżert ideoloġiku kbir, bi ħtija doppja li mhux talli f '25 sena fil-gvern naqas li jimplimenta dawn ir-riformi, talli meta jien tkellimt dwar dan kollu ripetutament mhux biss fil-Parlament iżda saħansitra fil-ġuf tal-partit, fil-Kunsill Ġenerali, mhux talli ma implimentawhomx, ġara ħafna agħar...kif jaf kulħadd. Dawn huma dawk li tfew is-swiċċ u tefgħu lill-PN f 'dalma u deżert ideoloġiku fil-passat riċenti, fil-preżent u milli jidher għall-futur qrib, u għadhom fil-partit. Apparti l-ġustizzja, intern u l-kostituzzjonali, tfew is-swiċċ f 'dak li għandu x'jaqsam mal-libertajiet ċivili, l-ambjent, u f 'ħafna oqsma, u b'hekk dlam ċappa u ħadd ma jaf minn fejn se jibdew. Iżda issa smajna riċentement li xandar/ kandidat tal-PN, wara li twaqqaflu l-programm fuq ir-radju tal-partit (minħabba regola li ilha fil-partit snin twal u li dejjem kull kandidat irrispetta), sabbat saqajh, irribella se jixgħel 'Switch' (b'riferenza sottili għall- iswitchers), radju għal rasu li jikkompeti mar-radju tal- istess partit għal semmiegħa, reklami u anke preżentaturi. Immaġina x'jiġri jekk diversi kandidati jmorru għal rashom! Wara ħafna prietki dwar lealtà lejn il-partit, team spirit u tgħajjir u insulti (inkluż fil-konfront tiegħi) din kienet sorpriża! U xi switchers? Fid- dalma, mhux jirrealizzaw li dawn l-'iswitchers' aktarx ilhom issa jivvutaw l-istess partit għal tliet elezzjonijiet nazzjonali konsekuttivi (tnejn MEPs u waħda ġenerali) fuq spazju ta' seba' snin jew aktar, b'mod li l-istess partit rebaħ l-elezzjonijiet b'maġġoranza kostanti ta' 35,000. Dawn switchers jew ormai sabu posthom f 'partit u m'għandhomx intenzjoni jiċċaqalqu minnu għax qed jaqblu mal-proġett u mal- prinċipji. Dawn is-swiċċ fuq ir-radju jridu, jew is-swiċċ li xegħlilhom ħajja aħjar? L-aktar swiċċ li jinteressa lill-poplu Malti huwa dak li jixgħel ħajja aħjar. Dak l-iswiċċ li l-Oppożizzjoni ftit ta' żmien ilu ma riditx ikun taħt subgħajn iċ-Ċiniżi waqt li l-Ewropa kollha kienet qed taħdem maċ-Ċina fuq proġetti estensivi. Il-poplu jinteressah minn dak l-iswiċċ li xegħel pjan maħsub u għaqli fis-settur tal-enerġija, bl-għeluq tal- power station tal-Marsa, wara ħamsa u għoxrin sena wegħdi fiergħa, u l-konverżjoni ta' Delimara għall-gass fost ħafna proġetti oħra. Swiċċ li xegħel enerġija orħos u aktar nadifa. Dak l-iswiċċ li jinteressa lill-poplu Malti – mid- dlam tal-inkompetenza u traskuraġni, għad-dawl ta' politika nadifa u ħajja aħjar. Franco Debono huwa Kummissarju għal-Liġijiet u konsulent tal-Prim Ministru dwar ir-Riforma tal- Ġustizzja Il-Ħadd 4 ta' Settembru 2016 | illum Opinjoni 19 Swiċċ FRANCO DEBONO " 'L-iswiċċ' li l-PN ftit ta' żmien ilu ma riedx li jkun taħt subgħajn iċ-Ċiniżi waqt li l-Ewropa kollha kienet qed taħdem maċ-Ċina fuq proġetti estensivi" "Il-poplu jinteressah minn dak l-iswiċċ li xegħel pjan maħsub u għaqli fis-settur tal- enerġija, bl- għeluq tal-power station tal-Marsa" 'Mid-dlam tal-inkompetenza u traskuraġni, għad-dawl ta' politika nadifa u ħajja aħjar'

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 September 2016