Illum previous editions

ILLUM 4 September 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/722940

Contents of this Issue

Navigation

Page 20 of 35

Il-Ħadd 4 ta' Settembru 2016 | illum Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IR-RIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt Kriżi PN? I l-Partit Nazzjonalista ma bediex ilbieraħ. Huwa forza politika li bħall-Partit Laburista għadda minn quċċati u qiegħan matul l-istorja politika tiegħu. U kif għamel żball il-Partit Nazzjonalista wara l-2008, meta prattikament iddeċieda li l-Labour kien tellief ta' dejjem, hekk jagħmel il-Partit Laburista jekk jissottovaluta forza politika opposta għax għadu bir-riħa ta' suċċess elettorali storiku. Fir-realtà, il-Gvern preżenti, minkejja s-suċċessi ekonomiċi kbar u minkejja l-feel good factor li hawn fil- pajjiż u li ilu ma jkun hawn snin, għandu jirringrazzja 'l Alla li fl-avversarju tiegħu bħalissa qed isib forza li għadha mhux fdata biżżejjed, għax kieku tal-Panama ġrat fi żmien meta l-poplu kien imxebba' mill-Gvern ta' Muscat, kieku lanqas kien isalva sakemm jgħid l-ewwel nofs ta' kelma. U l-Gvern jafu dan, hekk kif jaf li minkejja kollox, u jekk irridu nkunu onesti, l-akbar dgħufija ta' Simon Busuttil, huwa ż-żmien. Iva veru, Busuttil mhux l-akbar oratur u lanqas l-akbar komunikatur. Sfortunatament għalih u għall-PN, Busuttil m'għandux dik il-kariżma li għandu Muscat u fin-nuqqas ta' viżjoni ċara, li tiddefinixxih mill-avversarju u li tattira u tiġbed il-massa (bħalma kienet il-kwistjoni tal-UE), il-kwalitajiet ta' min imexxi jilagħbu parti importanti ħafna fl-għażla tan-nies. Veru wkoll li Busuttil u l-PN mexxew u qed imexxu strateġija li tant tiffoka fuq l-attakk, li ftit tagħti spazju għall-innovazzjoni, l-ideat u l-proposti. U għalkemm proposti saru, u għalkemm ħafna mill-proposti li għamel il-PN kienu pożittivi, dawn kollha jew kważi kollha ġew midfunin taħt saffi ta' akkużi, allegazzjonijiet u iktar akkużi. Jista' jkun ukoll li ħafna mill-akkużi kienu f 'posthom, jista' jkun ukoll li l-istrateġija kontinwa tal- PN li jmexxi oppożizzjoni f 'atteġġjament ta' gwerra politika qed tinżel tajjeb ħafna mal-għeruq. Żgur iżda, li mhux qed timpressjona wisq lil ħafna oħrajn li jew m'għandhomx affinità mal- PN, jew li kienu jsejħu lilhom infushom Nazzjonalisti u m'għadhomx. Huwa minnu wkoll li Muscat attira lejh diversi għejun minn fejn il-PN kien jixrob. Wara Muscat, illum hemm skjerati ħafna min- negozjanti l-kbar u medji, ħafna min-nies li jistgħu jużaw il-kapital tagħhom biex ikabbru l-eknomiija u ħafna min-nies l-aktar influwenti fil-pajjiż. L-aktar għaqdiet li dejjem deheru spalla ma' spalla fil-viżjoni mal-PN, illum qed jaħdmu tajjeb ħafna ma' Muscat. Muscat attira eluf kbar ta' votanti li kienu Nazzjonalisti. Mijiet minnhom reġgħu 'marru lura', imma eluf oħrajn anke jekk mhux impressjonati b'dan il-Gvern, jippreferu jpoġġu fuq ċint milli jerġgħu jduru għall- partit li jmexxi Busuttil. Biżżejjed inħarsu lejn mijiet kbar ta' voti 'ħodor' li minkejja r-rabja tagħhom lejn dan il-Gvern, ftit li xejn minnhom lesti jidhru u joħorġu għonqhom ma' Busuttil. U dawk li ħarġu għonqhom fetħu partit għalihom. Huwa minnu wkoll li b'wieħed mill-aqwa perjodi ekonomiċi li esperjenza pajjiżna f 'dawn l-aħħar snin, u b'eluf kbar li qed iħossu dan l-andament (anke jekk hemm eluf li għad le), b'qgħad f 'livelli baxxi rekord u b'numru rekord ta' proġetti privati għaddejjin, Busuttil qed isibha doppjament diffiċli li jikkonvinċi li waslet is-siegħa tal-bidla. Imma minkejja dawn il-fatturi kollha, l-akbar diffikultà ta' Busuttil, tibqa' waħda li la tgħajjat lilu u li lanqas jaħti għaliha direttament hu: huwa l-fatt li qed imexxi l-partit fl-aktar żmien diffiċli. Ma jgħidux dan l-editorjal biss, imma jixhdu wkoll il-vojt assolut li jilqgħek kull meta tgħaddi minn ħdejn id-Dar Ċentrali. Post kbir, vojt u mejjet. Jgħidha l-fatt li minkejja li huma ħafna li jallineaw is- sens ta' xokk u rabja tagħhom ma' dik ta' Busuttil dwar kwistjonijiet diversi, tibqa' biss il-minoranza li lesta tagħtih l-appoġġ. Jgħiduha l-fatt li llum, eks esponenti u eks Ministri Nazzjonalisti stess qed iżommu 'l bogħod jew saħansitra jispiċċaw attakkati mill-PN. Jgħiduha wkoll il-kummenti li qed jitħallew fuq Facebook minn nies li għadhom fil-partit illum. U fuq kollox, jgħiduha d-diversi sondaġġi li saru mill-Mediatoday u li juru li Muscat dejjem kien aktar popolari minn Busuttil, anke fl-eqqel maltempata poltika għall-Gvern f 'dawn it-tliet snin. Il-PN għad jerġa' jirkeb il-mewġ tas-suċċessi u se jagħmel hekk meta l-paġna għall-Gvern preżenti ddur sew, probabbilment xi mkien wara l-elezzjoni li jmiss. Hija ħasra li Busuttil, b'ċertifikat pożittiv ta' Membru Parlamentari Ewropew, kellu jieħu t-tmun tal-PN fi żmien meta l-mewġ jista' jkun kbir wisq u jista' ma jingħelibx. Fi żmien fejn kap huwa limitat fid-differenza reali li jista' jagħmel. Għalkemm, bħal dejjem, it-tiġrija sal-barkun u xejn mhu ċert għajr il-mewt. Editur: Albert Gauci Cunningham 21

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 4 September 2016