Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/911590
3 Il-Ħadd 03 ta' Diċembru 2017| illum Aħbarijiet NHAR il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat kif minn l-aħħar rapport tal-Kummissjoni Ewropea li jitratta mard sesswali (Health at a Glance – Europe 2016, State of Health in the EU Cycle) jirriżulta li Malta kellha l-ogħla rata ta' Syphillis mill-pajjiżi kollha tal-UE, ħames darbiet iktar mill-medja fl-UE. L-ILLUM tiltaqa' mat- Tabiba Valeska Padovese, Direttur tal-GU Clinic, u staqsietha dwar is- sitwazzjoni tal-mard trażmess sesswalment f 'pajjiżna. Bdejna billi staqsjena x'taħseb li huma r-raġunijiet li qed iwasslu għal dawn iż- żidiet, iżda mhux żidiet fil- Gonorrhea u l-Chlamidya. Tammetti li n-numri qed jiżdiedu, "iva, n-numri ta' każi ta' persuni bis- Syphillis qed jiżdiedu u sfortunatament anke l-każi ta' gonorrhea u chlamidya qed jiżdiedu wkoll. Naħseb li r-raġunijiet huma minħabba li bħala pajjiż nirrapportaw iktar u niġbru aktar data wkoll li mbagħad tgħaddi għand il-European Centre for Disease Prevention and Control (ECDC). Fortunatament," tkompli tgħid id-Direttur tal-GU Clinic, " hawn iktar ittestjar ukoll. Imma sfortunatament hemm żieda fin-numru ta' mard trażmess sesswalment." 'Irridu naħdmu aktar ma' ħaddiema tas-sess' Valeska Padovese tisħaq illi ż-żieda tal-infezzjonijiet irrappurtati f 'Malta hija ikbar minn pajjiżi Ewropej oħrajn, kif wara kollox tixhed l-istatistika. Imma tkun pronta tfakkar ukoll illi Malta qed tara żieda wkoll fin-nies li jirrappurtaw jew jmorru l-kliniċi biex jagħmlu testijiet. "Malta hija realtà differenti. Hija żgħira, għandha ekonomija b'saħħitha u allura qed tattira ħafna nies lejha bħalissa u dan apparti t-turisti. Dan kollu jfisser aktar taħlit." Hi tgħid kif teżisti prevalenza ta' Syphillis fost il-komunità omosesswali u fost ħaddiema tas-sess. "Minkejja li hemm aktar għarfien fost il-komunità LGBT, fi gruppi oħrajn ta' riskju għoli bħall-prostituti hemm inqas għarfien u allura rridu naħdmu iktar ma' dan il-grupp." Mistoqsija għalfejn l-komunità LGBT hija settur ta' riskju ogħla, Padovese qalet illi dan huwa minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwel minħabba li s-sess anali huwa iktar perikoluż minn dak vaġinali u t-tieni għax il-komunità LGBT hija waħda żgħira. "Naturlament jibqa' fatt li iktar kemm persuna jkollha sess ma' persuni differenti, iktar tkun qed tkabbar iċ-ċans li tkun infettata, kemm jekk il- persuna tkun eterosesswali u anke jekk omosesswali." 'Aħna ma nippritkawx l-astinenza...' Mal-ILLUM tagħmilha ċara li l-GU Clinic ma jippritkax l-astinenza, imma l-prevenzjoni permezz ta' kontraċettivi, "idealment anke meta persuna tagħmel sess orali għaliex ħafna mard trażmess sesswalment, fil-fatt jixxerred hekk u ħafna nies din ma jaħsbux dwarha u jaħsbuha xi ħaġa taċ-ċajt. Apparti minn hekk," tkompli Padovese, "importanti li nkunu ttestjati aktar ta' spiss." Tikkonferma li n-numri qed ikomplu jiżdiedu Din il-gazzetta staqsiet lil Padovese jekk hux qed tara li ċ-ċifri li ħarġu fir-rapport tal- Kummissjoni Ewropea issa komplew jiżdiedu b'Malta tibqa' fuq quddiem fin- numri ta' nies infettati bis- Syphillis. "Iva, sfortunatament, milli qed nara n-numri qed ikomplu jiżdiedu. Għalkemm in-numru ta' każi ta' HIV qed jonqsu hekk kif qed inżidu nies li qegħdin fuq il-mediċina li tittieħed biex tnaqqas iċ- ċans li persuni jiġu infettati bl-HIV (PrEP)." Minkejja dan, rapport fuq il-gazzetta The Times nhar l-Erbgħa żvela rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa illi juri kif ir-rata tal-HIV f 'pajjiżna hija id- doppju tal-medja fl-UE. L-ILLUM tkompli tistqasi kemm huwa komuni li ħaddiema tas-sess u l-klijenti tagħhom imorru jagħmlu check-ups. Padovese tgħid illi ħaddiema tas-sess ħafna drabi jmorru għand ginekoloġisti. "Għandna jridu jiġu jekk iridu jiċċekkjaw dwar mard trażmess mas-sess u nixtieq li iktar u iktar nies jiġu għandna." 'Kollox huwa kunfidenzjali... m'għandekx għax tibżà' Hija tagħmel appell biex ma jkunx hemm biża' għax il-proċess huwa kollu kemm hu anonimu. "Ladarba jiġu jindunaw li kollox huwa anonimu u kunfidenzjali. Kollox huwa kodifikat b'numru u għalhekk m'hemmx ismijiet, kollox kunfidenzjali. Dan apparti li aħna ma nirrappurtawx lill-awtoritajiet jekk jiġu prostituti għandna." "Jekk inti klijent, passat jew potenzjali, ta' prostituta tajjeb li tiċċekkja lilek innifsek," tinkoraġġixxi Padovese. Għall-aħħar mistoqsija tal-ILLUM Padovese tgħid li għandna nagħmluha faċli li nitkellmu fuq is-sess, mingħajr ħafna drama żejda. "Aħna dan hu xogħolna, li nnaqqsu l-istigma u l-biża'." agcunningham@mediatoday.com.mt Albert Gauci Cunningham 'In-numru ta' nies infettati bis-syphilis qed ikompli jiżdied' Id-Direttur tal-GU Clinic tappella biex iktar nies jagħmlu testijiet u biex tintuża l-protezzjoni fis-sess Valeska Padovese