Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/911590
Aħbarijiet 4 illum | Il-Ħadd 03 ta' Diċembru 2017 Casa lil Muscat: 'Jekk ma tippublikax, nieħu l-affarijiet f 'idejja' David Casa jgħid li l-FIAU ħbiet rapport li jgħid illi għandhom jittieħdu passi kriminali kontra Konrad Mizzi...Konrad Mizzi jiċħad ILKAP tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa fi stqarrija lbieraħ qal illi l-FIAU - l-aġenzija li tinvestiga l-ħasil ta' flus - 'ħbiet rapport li ġie konkluż f 'Marzu li għadda u li jgħid li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi.' David Casa qal li jinsab fil-pussess ta' rapport awtentiku tal-FIAU li jikkonkludi li għandhom jibdew investigazzjonijiet kriminali kontra l-Ministru Konrad Mizzi fuq akkużi ta' allegat ħasil ta' flus u l-possibilità ta' flus ġejjin mill-kriminalità. "Naf li r-rapport ilu lest minn Marzu li għadda, iżda minkejja li għaddew tmien xhur, r-rapport baqa' moħbi għand l-FIAU," sostna David Casa. Hu qal li din hi evidenza, 'jekk qatt kien hemm bżonnha tal-falliment tas-saltna tad-dritt u tal-ħtif politiku ta' istituzzjoni oħra f 'pajjiżna'. Hu sostna li l-istituzzjonijiet ta' pajjiżna jinsabu maħtufa mill-Gvern, u għalhekk m'għandhom ebda poter. B'mod partikolari hu rrefera għall-FIAU li hi mmexxija mill-Avukat Ġenerali Peter Grech u mid-Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta. David Casa qal ukoll li waqt laqgħa tad- delegazzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej (MPE) fil-jiem li għaddew, "ir- rappreżentanti tal-FIAU gidbu dwar dan ir-rapport għax qalu li hu biss 'working document' meta huma jafu li r-rapport ilu konkluż numru ta' xhur." "Dan hu eżempju ieħor ta' kemm l-FIAU tinsab maħtufa minn dan il-Gvern," qal Casa. "Minbarra l-konklużjonijiet gravi fil-konfront ta' Konrad Mizzi, dan l-istess rapport jasal għal konklużjonijiet oħra fil-konfront ta' individwi oħra, kumpaniji, intermedjarji finanzjarji u bank - li kollha huma magħrufin għad-deals li saru min-nies viċin Joseph Muscat." Fl-istqarrija, David Casa nsista li minħabba l-gravità tar-rapport, qed isejjaħ lill-FIAU, b'mod partikolari liċ-Chairman tagħha l-Avukat Ġenerali Peter Grech, lill-Ministru Edward Scicluna li hu politikament responsabbli mill-FIAU, u lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex "b'mod immedjat" jippubblikaw dan ir-rapport tal-FIAU, jibdew jittieħdu l-passi kriminali kontra Konrad Mizzi, u tintrefa' r-responsabbiltà politika għall-fatt li ma ttieħdux passi qabel. "Qed nagħmilha ċara li jekk ma jittieħdu ebda passi, jien ma jibqgħali ebda għażla oħra ħlief li nieħu l-affarijiet b'idejja biex nassigura li ssir ġustizzja." Hu sostna li l-fatt li biex il- konklużjonijiet ta' dan ir-rapport isiru pubbliċi, kellu jasal għandu juri kemm is-saltna tad-dritt taħt Joseph Muscat spiċċat - xi ħaġa li qed tagħmel ħsara kbira lil pajjiżna. "Il-fatt ukoll li Joseph Muscat iddefenda b'saħħa kollha, u żamm miegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi għal dawn l-aħħar 18-il xahar juri kemm hu ħaġa waħda magħhom. Din il-ħsara qed issir minn Joseph Muscat u hu responsabbli għaliha. Turi wkoll," sostna Casa, "li Muscat mhux tajjeb biex imexxi l-pajjiż. "Wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ma nistgħux nibqgħu nagħlqu għajnejna. Flimkien mal-kollegi tiegħi, jien kommess li nagħmel il-parti tiegħi biex nassiguraw li l-ġustizzja u s-saltna tad-dritt jerġgħu jibdew jirrenjaw f 'pajjiżna," temm jgħid David Casa Il-Ministru Konrad Mizzi jiċħad; 'allegazzjonijiet irriċiklati' Intant fi stqarrija l-Ministru Konrad Mizzi ċaħad bil-qawwa "l-allegazzjonijiet li saru minn David Casa." Hu reġa qal li qatt ma fetaħ kontijiet bankarji, li qatt ma saru tranżazzjonijiet u li l-ebda flus qatt m'għaddew mit- trust u l-kumpanija li kellu fil-Panama. Huwa sejjaħ l-istqarrija ta' Casa bħala 'allegazzjonijiet riċiklati...l-FIAU ħarġet stqarrija li tikkontradixxi ir-rapporti li qed isiru.' Fl-istqarrija l-Ministru Mizzi qal li se jkompli jiffoka fuq it-titjib ta' ħajjet in-nies, fosthom bil-qawmien mill-ġdid tal-Air Malta. Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, qal li issa Joseph Muscat m'għandux fejn jaħrab u li l-kollass tas-saltna tad-dritt huwa kollu tort tiegħu. Intant l-FIAU fi stqarrija ċaħdet dak li qal Casa u sostniet li kif diġa kienet qalet qabel m'hemm ebda 'rapport finali' kif qed jallega Casa u li dan diġa qalitu qabel. Filwaqt li qalet illi dak li qal Casa huwa inġust l-FIAU fakkret illi huwa att kriminali li xi ħadd ikollu fil-pussess jew li jippublika informazzjoni kunfidenzjali jew dokumenti li jkunu waslu f 'idejn xi ħadd b'mod illegali.