Illum previous editions

illum 3 December 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/911590

Contents of this Issue

Navigation

Page 5 of 35

6 illum | Il-Ħadd 03 ta' Diċembru 2017 Aħbarijiet 'Il-vjolenza domestika ma' tafx klassi... ġieli kellna CEOs hawnhekk' Minn nisa tad-dar sa' inġiniera...il-vittmi li marru Dar Merħba Bik u skoprew lilhom infushom mill-ġdid ANNA kienet ġejja minn familja sinjura. Kienet mara ta' karriera u flimkien ma' żewġha kienu jidhru li qed jgħixu ħajja ta' suċċess. Madanakollu, għal diversi snin, hija kienet qed tgħix f 'gidba hekk kif sabet ruħha tostor il-vjolenza li kienet qed issir f 'darha. Meta ntebħet li ma setgħetx issib tarf tas-sitwazzjoni, Anna tkellmet ma' qrabatha imma dawn ma kienux t'għajnuna. Huma saħansitra widdbuha biex ma tfittix il-kenn f 'Dar Merħba Bik ħalli tevita li ġġib il-familja f 'ħalq in-nies jew li tbaxxi r-reputazzjoni tagħhom. Għal tliet darbiet, rabbiet biżżejjed kuraġġ biex issuq lejn ir-rifuġju ta' Ħal-Balzan. Iżda kull darba waqfet sa wara l-bieb u wara bikja twila, irritornat lejn darha. Sakemm jum minnhom irrealizzat li dil-problema ma kinetx biss traġedja personali tagħha imma li kienet qed taffetwa lil uliedha wkoll. Kien hemm li Anna ħasset li messet il-qiegħ u ħadet deċiżjoni ferma li tbiddel ħajjitha. Hija ġabret 'l uliedha magħha, saqet lejn ir-rifuġju u finalment ħabtet il-bieb. "Dil-ġimgħa rċevejt telefonata mingħand Anna biex tirringrazzjana tal-għajnuna kollha li tajniha. Saħqet li aħna konna l-eroj tagħha għaliex li kieku ma kienx għalina, ma kien se jirnexxilha qatt tirkupra ħajjitha lura. Naturalment messaġġ bħal dan jiswa daqs l-aqwa premju. Però l-verità hi li l-eroj f 'din l-istorja hija Anna nnifisha meta ddeċidiet li twaqqaf is-sitwazzjoni li kienet għaddejjha minnha u ssib biżżejjed saħħa u kuraġġ biex tqum mill-ġdid fuq saqajha. Aħna konna biss dawk in-nies li nbuttajniha 'l quddiem tul dak il-perjodu ta' dlam f 'ħajjitha," stqarret Elaine Pavia, il-Kap ta' Dar Merħba Bik. "Dar Merħba Bik huwa rifuġju ta' ermerġenza u sservi biex mara ssib saqaf fuq rasha għal ftit taż- żmien wara li jkun seħħ xi abbuż fuqha. Apparti li noffru protezzjoni, l-għan ta' dan il-post huwa li ngħinu lin-nisa biex jerġgħu jiksbu mill- ġdid il-fiduċja fihom infushom u d-dinjità tagħhom. Permezz ta' nies professjonali u ta' servizzi ta' counselling u terapija, dawn in-nisa jingħataw l-għajnuna biex jagħrfu l-potenzjal tagħhom u biex isiru indipendenti ħalli jkunu jistgħu jkomplu b'ħajjithom." Kienet tibża' ssajjar għalkemm kienet koka tajba Martina kienet ġiet ridotta f 'qoxra ta' bniedma meta waslet f 'Dar Merħba Bik. Ma kellha ebda fiduċja fiha nnifisha u kienet temmen bis-sod li ma tiswa għalxejn. Meta ntalbet issajjar għall-membri l-oħra ta' ġor-rifuġju bħala parti mill- kontribut tagħha, hi sostniet li ma kinetx kapaċi. Kienet imbeżżgħa milli tipprova peress li għal bosta snin żewġha kien irrifjuta li jiekol l-ikel li ssajjar għax ma kienx jogħġbu. Kien jirrepetilha kuljum li kienet bniedma inutli sakemm finalment waslet biex emmnitu. "Hekk kif ikkonvinċejna lil Martina biex tibda tmidd idejha fil-preparazzjoni tal-ikel, stajna nikkonfermaw li mhux talli kienet kapaċi ssajjar, talli fi ftit żmien bdiet tipprepara ikla bnina għar-residenti kollha tad-dar. Dan għenha biex tifhem aħjar l-abbuż li kien qiegħed isir fuqha u biex tiskopri mill-ġdid il-ħiliet tagħha." It-tmaqdir u t-tnaqqir li jieklok minn ġewwa "Il-vjolenza domestika ma tikkonsistix biss fi swat imma anki f 'moħqrija psikoloġika. Tmaqdir u tgħajjir kontinwu jnaqqar ftit ftit il-kunfidenza tal-persuna sakemm eventwalment ma jifdal xejn minnha u din tiġi kompletament dipendenti fuq l-aggressur tagħha. Il-kontroll u l-manipulazzjoni totali tal-persuna huma spiss il- mira ta' dawn l-aggressuri. Kultant jeħtieġ biss mumenti ta' nuqqas ta' kunfidenza biex din il-vjolenza tibda, ġieli bla ma l-vittma tinduna. L-età jew il-pożizzjoni tan-nisa nvoluti f 'każi bħal dawn huma rrelevanti. Hawnhekk kellna saħansitra avukati, tobba, CEOs ta' kumpaniji, inġiniera eċċ." "Idealment meta wieħed jara sinjali ta' abbuż, għandu jfittex l-għajnuna immedjatament. Aktar ma jitħallew snin jgħaddu, iżjed tilħaq issir ħsara, kemm fl-aggressur u anki fil-vittma/i li jibdew jidraw ċertu mudell ta' ħajja li jaf ikun diffiċli tinqala' minnu u s-sitwazzjoni ssir irreparabbli. Speċjalment meta jkun hemm it-tfal fil-familja, li bla ma jridu jispiċċaw spettaturi tal-vjolenza domestika, huwa importanti ferm li nieħdu azzjoni f 'waqtha u li nisħqu li atteġġjament bħal dan huwa inaċċettabbli. Sfortunatament jekk l-omm tippermetti li jsir l-abbuż fuqha bla ma tfittex l-għajnuna, jista' jkun li wliedha jaħsbu li dik is- sitwazzjoni hija normali u 'l quddiem huma stess jafu jsiru l-aggressuri jew il-vittmi ta' azzjonijiet simili." "Għalkemm ikun tajjeb jekk mara jirnexxielha tmur lura d-dar u tirrikonċilja l-familja, dan mhux dejjem huwa possibbli. Aħna nikkwantifikaw is-suċċess ta' mara, iktar milli li reġgħet marret id-dar u ġabret lill-familja tagħha, meta naraw li din qamet fuq saqajha u li saret indipendenti. Hawnhekk kellna każi fejn in-nisa ġewwa dan ir-rifuġju użaw dan iż-żmien ta' tranżizzjoni biex jibdew xi kors li dejjem xtaqu, biex ikomplu jistudjaw u jiggradwaw, jew biex isibu xi mpjieg. Jekk persuna tkun trid tgħin ruħha, dan ir-rifuġju ser iwiżinha biex tirkupra l-fiduċja fiha nnifisha u biex tkun hi s-sid ta' ħajjitha." Din il-ġabra ta' esperjenzi u l-intervista ma' Elaine Pavia saru minn Fiona Vella Dar Merħba Bik semgħet b'każi fejn il-familjari ma riedux li l-vittma tfittex l-għajnuna Martina kienet ġiet ridotta f 'qoxra ta' bniedma meta waslet f 'Dar Merħba Bik. Ma kellha ebda fiduċja fiha nnifisha u kienet temmen bis-sod li ma tiswa għalxej

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 December 2017