Illum previous editions

illum 3 December 2017

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/911590

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

illum | Il-Ħadd 03 ta' Diċembru 2017 24 Biograja I l-ħoss tax-xita nieżla minn barra kamarti kienet twennisni. Kont inħoss li kien hemm xi ħaġa li kienet tgħaqqadna. Lili. U lilek. Għalfejn ma kontx bħall- bniet l-oħra tal-iskola li kienu fil-klassi tiegħi? Kull sena, meta konna ntellgħu reċta flimkien, bl-għajnuna tal-għalliema tagħna, kont narahom kollha ferħana. Kont narahom kif kienu jħarsu lejn uliedhom. Kienu jkunu kburin bihom. U int ma kontx tkun hemm. Int qatt ma kont tkun hemm. Naf. Naf li kien ikun hemm ommi. Lilha kont naraha titbissem. Kont naraha tifraħ xħin kienet tarani u xxejjirli ħalli turini li kienet tkun hemm. Hi biss. Waħedha. "Mia, il-papà ma jistax jiġi. Taf..." kienet tgħidli. "Taf li l-papà tiegħek qiegħed jiġġieled fil-gwerra. Imma toqgħodx imdejqa. Daqt tispiċċa l-gwerra... u tara, tara kif ma jdumx ma jiġi lura!" Kien ilu snin li telaq. Kont inħoss nuqqas kbir tiegħu. Darbtejn fis-sena biss kien jiġi jarana. F'għeluq snini u fil-ġurnata tal-Milied. Ma tantx kont ingawdih. Kien jiġi, jgħaddi jumejn magħna u jerġa' jitlaq lura. U kull darba... Kull darba kien iħalli vojt kbir. Vojt kbir warajh. Akbar minn ta' qabel. F'kamarti kelli kalendarju mdendel ma' granpun tal- ħadid, nofsu mdaħħal fil-ħajt, f 'kamra kważi vojta. Kont nimmarka l-ġranet kuljum. U dawk il-jumejn speċjali... dawk kienu jkunu mdawrin bi ċrieki ħomor. Dawk il-ġranet li kien ikun ġej hu. Missieri. "Mamà, xahar ieħor il- Milied," kont għidt lil ommi xi ġranet ilu. U hi kienet ħarset lejja b'għajnejha jleqqu. Anke hi kienet tħoss in-nuqqas. Imma ma tantx kienet turi. Kont nismagħha tibki waħedha fis-sodda. Kont nismagħha tqalleb fir-ritratti u naqbadha timsaħ id-dmugħ minn fuq ħaddejha. "Mia..." kien qalli meta kien ġie s-sena ta' qabel, f 'għeluq is-sitt snin tiegħi. Kien xtrali ħafna ġugarelli u għannaqni miegħu. Dejjem kien iġibli xi ħaġa miegħu. "Ejja, ħalli ngħallmek tiżfen il-valz." "Il-valz x'inhu?" kont staqsejtu jiena b'għajnejja kbar, kbar, hekk kif bdejt ngħaffeġ id-drapp tal-libsa li kelli fuqi. Kont qed inħossni skomda. Għax jiena ma kontx naf niżfen. U ma ridtx naqta' brutta figura quddiem missieri! Dawwart ħarsti lejn il-kejk li kien għad hemm fuq il-mejda, bix-xemgħat mitfijin, nofsu mikul u n-nofs l-ieħor lest għal ġol-friġġ. Ma kienx żmien il-ħela. Kont naf li ommi kienet marret għand Duminku l-furnar sabiex tagħmlu hi stess b'idejha. "Żifna. Żifna waħda. Ejja ħalli niżfnu jiena u inti," kien qalli b'dak il-leħen sod, li kien jagħtini sensazzjoni ta' paċi u mħabba. Bla ma kont naf kif, kien qabadni, refagħni u beda jdawwarni mal-kamra. Urieni l-passi ta' dak l-imbierek valz u ħassejtni tassew kburija li l-passi li kien qed jgħallimni, kont qed nidħol fihom mill-ewwel. Bdejna niżfnu u nduru. Fil-kamra ma kienx hemm mużika, iżda donnu l-melodija bdiet dieħla minn madwar il-purtieri tal-filoxx li kienu qegħdin jifirdu l-kmamar ta' ġewwa mid- dinja kiefra t'hemm barra. Bdejna nidħqu u nieħdu gost. F'dak il-preċiż mument, kont qed inħossni fil-ġenna tal-art. Kien mument tassew speċjali. Bdejt nimmaġinani f 'jum it- tieġ, u missieri kien qed jiżfen l-ewwel żifna miegħi! Dak il-ħin, id-dar donnha nbidlet. Il-kmamar vojta u mudlama ħadu l-kulur, imtlew bid-dawl tax-xemx, l-għamara dehret aktar sabiħa u bdejt nisma' leħen ommi tidħaq, hekk xħin ratna niżfnu u nieħdu gost. Dan kien missieri. Ir-riħa ta' tabakk frisk li kien ikollu fuqu daħlet f 'imnifsejja. It-tbissima unika tiegħu. L-għajnejn ileqqu, hekk kif kien jarani. Dan kien l-għażiż missieri. Ridt ngħannqu miegħi mingħajr qatt ma nħallih jerġa' jitlaqlilna 'l bogħod u jerġa' jħallina warajh. Iżda ma stajtx. Kien se jerġa' jitlaq. U jien kont ser nibqa' hemm. Hemm. Nistennih. "Ibqa' ftakarhom il-passi tal-valz!" kien qalli, hekk kif konna qegħdin fil- bieb inxejrulu qabel jitlaq. "Inwegħdek!" kont għajjatt ħalli jismagħni sew. "U la nerġa' niġi, nerġgħu niżfnu l-valz flimkien!" kien tbissem. "Iva! Nibqa' nipprattika kuljum! Ħalli nibqa' niftakar iż-żifna!" kont għidtlu. Dħaqt u bkejt fl-istess ħin. Dħaqt għax kont diġà qiegħda nistenna li nerġa' narah u bkejt għax kont qed nara l-karozza tal-militar li kien hemm tistennih. Rajtu jidħol fiha u jitlaq. Jitlaq 'il bogħod. Iżda jiena żammejt il- wegħda. Kont ipprattikajt kuljum. U biex inkun għidt kollox, kont sirt esperta. Esperta tal-valz. Il-valz. Il-valz li kien għallimni s-sena l-oħra. U issa... Issa kont ser nurih. Ħarist 'il barra mit-tieqa. Ix-xita kienet qiegħda tbatti xi ftit. Dawwart ħarsti lejn il-kalendarju. Iċ-ċirku aħmar kien baqagħlu ftit biss biex jasal. Jum il-Milied. Kelli seba' mitt sena sakemm tasal dik il-ġurnata li kellu jerġa' jiġi. Bilġri jasal il-Milied! U l-bombi li kienu jkunu neżlin hemm barra, b'mod konstantament kienu jieqfu wkoll. Kienu ħallew ħerba sħiħa. Tkissru djar. Intilfu familji sħaħ. U tfal nieqsa li ħadd aktar ma reġa' ra b'għajnejh. "Għalfejn iseħħu l-gwerer?" kont staqsejt lil ommi, darba fost l-oħrajn. "Dak il-misħut poter..." kienet qaltli b'xufftejha xotti. Kull darba li kont insemmilha l-gwerra jew lill-papà, kienet tinbidel. Ġimgħa ilu konna ħriġna mid-dar u kien sar attakk tassew ikrah. Kont rajt nies jiġru 'l hawn u 'l hemm, kulħadd jipprova jsalva. Konna nidħlu nħaffu taħt l-art għax hemmhekk biss kienu jgħidu li kien ikun sigur. Fix-xelter kien ikun hemm ħafna rwejjaħ ta' nies differenti, kulħadd iddisprat, kulħadd beżgħan u mnikket. U ġieli konna ngħaddu ġranet sħaħ hemm taħt. Ġuħ u dwejjaq. U kienet tiġini nostalġija kbira għal missieri. Min jaf fejn kien? Min jaf jekk kienx f 'post sigur? Min jaf kemm kien qed ibati? Kont twerwirt dakinhar. U għal ftit minuti, hekk xħin konna ġejjin lura hawnhekk, kont tlift lil ommi u ma stajtx naraha! F'dak il-paniku ta' nies kont iġġennint! "Mia!" "Mama'!" Uċuh. Uċuh differenti. Espressjonijiet differenti ta' nies li lanqas biss kienu jafu x'kienu qegħdin jagħmlu. Kulħadd mitluf. Kulħadd imwerwer. Il-ħoss tal-bomba tant kienet qawwija li kienet tarrxitli widnejja għal ftit minuti. Iżda mbagħad, bejn għax bdew jimbuttawni n-nies 'il quddiem u bejn għax ma kontx naf fejn kont sejra, rajt it-triq u ġejt niġri hawn. U ġejt hawn għall-kenn. Kieku ġrali xi ħaġa, kif kont ser inkun qiegħda hawn nistennih? U nserraħ moħħi li kien għadu qawwi u sħiħ? It-tektik tax-xita kien kważi waqaf għalkollox. U l-ġranet ta' wara għaddew malajr wisq. Kont qiegħda nistenna dik il-ġurnata li missieri kellu jiġi lura d-dar. Illum. Illum kien lejliet il- milied. Kont rajt lil ommi inkwetata. Dawn l-aħħar ġranet kont qed nismagħha tibki kuljum f 'kamritha. Lanqas biss kienet ġiet tkellimni. Ħallietni hawn waħdi. Donnha anke hi kienet ser titlaqni. Tħallini waħdi. Il-kesħa ta' dik l-għodwa kienet ixxoqq l-għadam, iżda jiena ma kontx qed inħossha. Kont qiegħda f 'nofs il-kamra, nipprattika l-valz. Ma ridtux jiġi lura u jsib li kont insejt niżfen. Stajt nisma' leħen ommi mill-kamra l-oħra. Kienet għadha qiegħda tibki. Imma issa la jasal il-papà żgur kienet tieqaf! Issa tara! Bdejt indur mal-kamra u nidħaq waħdi. Kelli seba' mitt sena... Tgħid kien ġej? Ma kien ġralu xejn hux? Imbagħad ilwejt sieqi u nżilt b'tisbita mal-art. Għal ftit ma tajjartx geddumi! Imbagħad ħarist lejn idejja u innutajt li idi kienet għadha mimlija demm. Minn dakinhar... dakinhar tal-attakk... Kien propju dak il-ħin li smajtu. Il-bieb. Il-bieb ta' barra. Smajt il-ħoss tal-muftieħ dieħel fis-serratura. Waqaft. Iċċassajt. Qalbi għamlet tikk! Qomt minn mal-art, irranġajt ftit in-nuċċali li kien kważi niżel minn fuq imnieħri bid-daqqa, għaddejt idi minn ġol-qoffa nokkli ħalli ma tantx ikun imħabbel u tlaqt niġri lejn il-bieb ta' kamarti, li dejjem kien ikun magħluq. Smajt is-serratura tal-bieb ta' barra tinfetaħ. Ħoss ta' xi ħadd dieħel! Żgur hu! Żgur missieri! Kien għadu ħaj! Ma kien ġralu xejn! "Papà!" bdejt ngħajjat, hekk kif poġġejt idi fuq il-pum ta' kamarti. Bdejt nipprova ndawwar il-pum. Iżda donnu kien imwaħħal u ma setax jinfetaħ! "Mamà!" bdejt ngħajjat. Kif ma stajtx niftaħ? Ommi ma bdietx tweġibni. Bdejt inħabbat fuq il-bieb iżda ma riedx jinfetaħ! Imbagħad smajt il-passi deħlin aktar 'il ġewwa. Smajt leħen missieri. Leħen ommi. "Mia?" staqsieha missieri. Waqaft nitħabat mal-bieb. Ridt ngħajjatlu iżda leħni ma sibtux. Stennejt ftit. Issa kienet se tgħidlu li kont qiegħda hawn ġew u kienu ser jiġu jiftħuli żgur! Imbagħad smajt lil ommi tibki. Lanqas weġbitu. Rajt il-pum tal-bieb ta' kamarti jdur bil-mod. "Ridt niżfen il-valz magħha..." beda jgħid missieri hekk kif tfaċċaw it-tnejn li huma fil-bieb. Rajthom hemm quddiemi. Hemm barra kienet għadha x-xita. Kienet ilha nieżla ġimgħa sħiħa. Kienet naddfet kollox. Naddfet il-kruha li kienet ħalliet warajha l-gwerra. U fl-aħħar attakk kienu mietu ħafna nies. Ħafna ismijiet li llum ħadd minnhom m'għadu jissemma'. U waħda minnhom kont jiena... Jiena Mia. Vittma tal-gwerra. "Irrid niżfen il-valz magħha," qal missierha, hekk kif daħal f 'kamritha, ġera lejn is-sodda tagħha u beda jgħannaq l-imħadda u jibki. "Il-passi għadni niftakarhom..." weġbitu. "Bqajt nipprattikahom... papà!" Iżda ħadd minnhom ma semagħha. Leħinha ntilef mar-riħ, mal-isħab. Mad- dawl. Sharon Calleja Il-valz ta' Mia

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 December 2017