Illum previous editions

illum 3 august 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/357170

Contents of this Issue

Navigation

Page 14 of 35

Il-Ħadd 03 ta' Awwissu 2014 | illum 15 Fl-1992 waqqaft l-Eden Foundation u għal 15-il sena ħdimt sabiex tagħti futur aħjar lil tfal u żgħażagħ b'diżabbiltà fiżika u intellettwali sakemm fl-2007 irriżenjajt biex terġa' toħroġ għal politika bil-Partit Azzjoni Nazzjonali. Jiddispjaċik li għamilt dak il-pass? Meta waqqaft l-Eden ridt li nerfa' 'l fuq is-servizzi tad-diżabbiltà fejn anke wasalna biex illum f 'pajjiżna għandna nies b'diżabbiltà jaħdmu u kif ukoll jirċievu r-rispett li jistħoqqilhom mis-soċjetà. Ma tlaqtx għax kont xbajt imma għax ħassejt li kien hemm għajta biex jien nerġa' nidħol fil-politika u jien il-politika, kif għidt u nibqa' ngħid, inħobbha tant li għadni sal-lum ninteressa ruħi fiha. Illum nagħraf li kienet kalkulazzjoni ħażina kbira min- naħa tiegħi u li qrajt il-polz tan-nies ħażin għax għalkemm kulħadd kien jitkellem fuq il-bżonn ta' partit ieħor, ħadd ma kien lest li jiċċaqlaq mit-tribu aħmar jew blu li kien jappartjeni fih. Spiċċajt tlift l-Eden Foundation u tlift il- politika. Meta nħares lura jiddispjaċini għax l-Eden ma baqgħetx miexja fuq l-istess binarji li kelli f 'moħħi u fejn xtaqt inwassalha jien. Imma l-volontarjat għadek tħobbu għax sa ftit ilu mort tagħmel xogħol volontarju fil-Kenja… Jien għalhekk ngħid li ħajti kienet imħawra ħafna u llum għalkemm għandi 71 sena u m'għandix l-Eden Foundation u m'għandix politika, però jien immexxi dan in-negozju bħala ċermen tal-isptar Saint James fejn inħaddem 'il fuq minn 400 ruħ li mhijiex ċajta. Apparti Malta għandi n-negozju tal-isptar fil-Libja fejn kulħadd jaf bil-problemi li hemm bħalissa u għandi klinika oħra f 'Budapest, l-Ungerija jiġifieri għandi ħafna x'nagħmel u fuq xiex inħabbel rasi. Imma qed tikkunsidra li tagħmel xi xogħol ieħor ta' volontarjat din is-sena? Le m'għandix ċans. Bħalissa moħħi impenjat fuq dan in-negozju fejn għad għandi ħafna proġetti li nixtieq nagħmilhom speċjalment fil-qasam tas- saħħa u naħseb li għandi platt mimli mhux ħażin quddiemi. Qed tirreferi għal ħolma tiegħek li tibni sptar ġdid f 'Ħal Tarxien? Iva, l-isptar ta' Ħal Tarxien jibqa' ħolma għax s'issa għaddew għaxar snin nistennew quddiem il-MEPA biex jagħtuna l-permess biex nibnu dan l-isptar. Dejjem isibu xi ħaġa però l-isptar ta' Ħal Tarxien hija ħolma li nixtieq naraha titwettaq sabiex tgħolli 'l fuq il-profil tan-Nofsinhar ta' Malta. Jien li ħdimt daqstant fil-mediċina u l-qasam tas-saħħa nemmen li din hi xi ħaġa li jien kapaċi nagħmilha. U allura x'qed tistenna? Xejn ħlief il-permess tal-MEPA biex inkun nista' nkompli. X'jgħaddi minn moħħok illum meta tħares lejn il-Partit Nazzjonalista? Jiena li kont militant ħafna fil-Partit Nazzjonalista għalija hi xi ħaġa li ma nifhimx kif min kien responsabbli ħalla l-Partit Nazzjonalista f 'dan id-diżastru li jinsab fih illum. Mhux qed nitkellem dwar il-fatt li tilef b'daqstant voti għax naħseb li kien wasal iż-żmien li jkun hemm bidla, imma qatt ma kont nobsor li min kien responsabbli kien se jħalli partit daqshekk imfarrak kif fil-fatt jinsab illum. Temmen li hemm bżonn oppożizzjoni b'saħħitha biex tiskrutinja l-operat tal-gvern? Huwa fl-interess tad-demokrazija li jkun hemm oppożizzjoni b'saħħitha jekk aħna verament irridu nieħdu dan il-pajjiż 'il quddiem fil-veru sens tal-kelma u mhux sempliċiment paroli. Illum għandek gvern b'maġġoranza ta' disa' siġġijiet u kważi kważi qisna vvutajna biex ikollna dittatorjat f 'Malta għax billi tmur il-parlament u tagħti sehmek fl-oppożizzjoni, meta jkollok disa' siġġijiet maġġoranza kontrik, ikolli ngħid li trid tammira lil min qiegħed hemm jikkonfronta gvern daqshekk b'saħħtu. Fil-25 t'April li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil żar l-isptar tiegħek f 'Tas-Sliema iżda dakinhar fl-istess ħin int kont qiegħed tiffirma ftehim mal-Gvern f 'Mater Dei biex tipprovdih b'servizzi tal-MRI. Kienet sempliċiment koinċidenza li ma ltqajtx ma' Simon Busuttil? Iva assolutament li hekk kien il-każ. Jien kelli mmur niffirma dak il-kuntratt mal-gvern għan-nom tal-isptar u fl- istess ħin Dr. Busuttil wera x-xewqa li jżur l-isptar. Kienu żewġ appuntamenti fl-istess ħin li ħadd minnhom ma seta' jċaqlaq u jien bħala ċermen kelli nkun jien li niffirma l-kuntratt mal-gvern filwaqt li binti Maria laqgħet lil Simon Busuttil fl-isptar tagħna ta' tas-Sliema. Qatt iltqajt ma' Simon Busuttil minn kemm ilu Kap tal-Partit? Itqajt miegħu b'mod każwali u tkellimna kif jien inkellem lil kulħadd. Jien illum m'għandi ebda rabta politika ma' ħadd u nerġa' ntenni li jien lest naħdem ma' kulħadd dejjem jekk fl- aħjar interess ta' pajjiżna. Int minn dejjem sħaqt li pajjiżna għandu jibqa' stat sovran, x'tikkummenta fuq il-programm tal-gvern preżenti dwar il-bejgħ ta' ċittadinanza b'investiment? Bħala idea, ma kinitx ħażina imma nemmen li l-affarijiet, kif qal il-Prim Ministru stess, setgħu kienu organizzati aħjar u b'hekk kien ikun evitat dak il-ħafna tibdil u battibekki bejn iż-żewġ partiti kif ukoll xenati fl-Ewropa. Naqbel li min se jingħata ċ-ċittadinanza jrid jintrabat ma' ċertu kundizzjonijiet kif issa fil-fatt hemm. Fl-2008, bħala Kap ta' Azzjoni Nazzjonali dejjem urejt it-tħassib tiegħek fuq l-immigrazzjoni illegali u li dawn eventwalment kienu se jinvaduna. Illum x'tikkummenta? Dan hu eżempju fejn, kif għidt aktar kmieni, jien forsi użajt xi kliem iebes jew ipproġettajt il-ħsibijiet tiegħi ħażin imma min ifittex x'konna għedna fil-manifest elettorali tagħna bħala AN, hemm miktub iswed fuq l-abjad li t-twemmin tagħna kien li ngħinu lil min jitlob għall-għajnuna u nsalvaw fejn hemm bżonn. Nagħtuhom kura u sostenn però fi żmien xahar dawn l-immigranti kellhom jitqassmu b'responsabbiltà ma' pajjiżi oħra tal- Unjoni Ewropea. Li konna ngħidu aħna dakinhar qed jingħad illum. Bħala Kattoliku prattikant, kif tħares lejn is-sitwazzjoni preżenti fir-rigward tat-tmexxija tal-Knisja f 'Malta? Din oħra fejn jekk immorru lura fil-kitba tiegħi, kemm-il darba ġbidt l-attenzjoni fuq id-direzzjoni ta' kif il-ħajja soċjali kienet miexja f 'dan il-pajjiż. Kienet ċara daqs il-kristall li kien hemm xi ħaġa ħażin fit-tmexxija tal-Knisja. Hemm differenza bejn ir- reliġjon sabiħa li nħaddnu u t-tmexxija tal-Knisja. L-affarijiet ilhom snin jidhru li mhux sejrin fit-triq it-tajba biss biss jekk wieħed jara l-istatistika ta' kemm żwiġijiet ilhom sejrin ħażin ikollu stampa ċara ta' li qed ngħid. Il-Knisja għandha wkoll kriżi ta' nuqqas ta' qassisin biex taħdem. Inħoss ukoll li l-Knisja tilfet il-kuntatt man-nies tant li l-attendenza kull ma jmur qed tkompli tonqos. Nerġa' ntenni li din hi ħasra għax ir-reliġjon tagħna hi waħda sabiħa imma hemm bżonn ta' tmexxija aħjar tal-Knisja għax xi ħaġa ħażina hemm żgur. Kif tiddeskrivi d-dinja li qed ngħixu fiha llum? Dinja mħawda li għaddejja minn rivoluzzjoni għall-oħra fejn hemm bżonn ta' mexxejja kbar bħal ma kienu Ronald Reagan, Margaret Thatcher u Mikhail Gorbachev fost l-oħrajn. Hawn vakum ta' mexxejja u aħna ninsabu maqbudin f 'din id-dinja mħawda mexjin mingħajr direzzjoni. illum ninsab diżappuntat" "Aħna ninsabu maqbudin f'din id-dinja mħawda mexjin mingħajr direzzjoni" Ritratt: Ray Attard

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 august 2014