Illum previous editions

illum 3 august 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/357170

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 03 ta' Awwissu 2014 L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 400 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew email illum@mediatoday.com.mt Ittri Flok ma nkomplu nisimgħu aktar ċuċati! LINO ELLUL SAN ĠWANN JEKK b'fidi assoluta jiena nemmen fi Kristu bħala Alla Bin il-Missier kif ukoll bħala Alla u bħala Bniedem Bin il-Verġni Marija; żgur li jiena nemmen ukoll li fil-Knisja li waqqaf l-istess Kristu minn dejjem kienu jeżistu u għadhom jeżistu l-piki u l-ambizzjonijiet, li allura dawn wasslu għal firdiet kbar fostna l-Kristjani! Iżda għalija żgur li dan ma jfissirx li din id- diżordni fil-Knisja ta' Kristu jaħti għaliha Kristu! Illum f 'pajjiżna qed nisimgħu ħafna tfesfis dwar it-tmexxija tal-Knisja Kattolika li mhux qed jagħmel ġid fil-Knisja ta' Kristu f 'pajjiżna! Aktar u aktar meta skont il-ġurnal ILLUM tad-29 ta' Ġunju, kif ukoll tat-13 ta' Lulju 2014, dan it-tfesfis fil-miftuħ u ferm perikoluż, qed isir minn xi saċerdoti ministerjali! Jiena għandi rispett assolut lejn is-saċerdoti ministerjali kollha, għaliex dawn kollha jirrappreżentaw lil Kristu, dawn kollha jaħfru d-dnubiet f 'isem Kristu u dawn kollha jikkonsagraw il-ħobż u l-inbid fil-ġisem u fid-demm ta' Kristu, f 'isem Kristu! U jekk allura jiena ma nista' qatt nippretendi minn dawn is-saċerdoti l-perfezzjoni u l-qdusija li kellu Kristu, żgur li b'daqshekk ma jfissirx li jiena nista' nippretendi li xi saċerdoti ministerjali għandhom ikun xewka fil-Knisja ta' Kristu! Għalhekk żgur li jiena ma nista' qatt nippretendi, li jiena jew xi ħadd fostna għandu jindaħal min għandu jkun l-Arċisqof tad-Djoċesi ta' pajjiżna, jew min għandu jkun il-Kappillan tal- Parroċċa tagħna! Fil-fatt bir-rispett kollu nixtieq ngħid lil dak is-saċerdot li skont Illum tat-13 ta' Lulju "qed iqaddes biex jimla l-vojt" li dan suppost li jaf, li la l-Ewkaristija u l-anqas ħadd minn dawk il-ministri staordinarji li qed iqarbnu fl-isptar Mater Dei u fl-isptar Karin Grech, ma jistgħu qatt jaħfru d-dnubiet tal-morda tagħna; u meta allura l-esperjenza b'ħames ġimgħat fl- isptarijiet għallmitni, li fiż-żewġ sptarijiet tagħna hemm nuqqas kbir ta' saċerdoti ministerjali, (qabel ma jkompli jkun tard u tard wisq) ikun ferm aħjar għalih u għal ħafna saċerdoti oħra bħalu, jekk dawn imorru jieħdu ħsieb lil dawk ix-xjuħ fostna li jinsabu viċin biex jidħlu fl-eternità; flok ma nkomplu nisimgħu aktar ċuċati! Residenti ta' Marsaskala fil-periklu RESIDENT IMXEBBA ALBERT BUGEJA WIED ILGĦAJN DAN l-aħħar qed ikun innutat li tal-ħwienet fi Triq ix-Xatt f 'Marsaskala qed joħorġu l-imwejjed bis-siġġijiet taħt il-bankini. Qed jitpoġġew tabelli 'Reserved' fil-post fejn is-soltu jipparkjaw il-karozzi taħt il-bankini. Dan qed isir fi tmiem il-ġimgħa. Donnu li tal-ħwienet mhux biżżejjed li qegħdin jingumbraw il-bankini b'mod li n-nies ma jkunux jistgħu jgħaddu minn fuq il-bankini, imma issa qed jazzardaw ukoll ipoġġu l-imwejjed u s-siġġijiet anke taħt il-bankini. Dan ifisser ukoll li min jgħaddi min-naħa tal-ħwienet ikun irid jgħaddi minn nofs it-triq b'riskju kbir għalih. Mhux hekk biss, imma barra milli hu ta' riskju kbir għan-nies, huwa wkoll riskju għal dawk li jkunu fuq dawn l-imwejjed u siġġijiet. Għaliex filwaqt li dawn ikunu fuqhom, minn ħdejhom, u biex ngħid hekk imissu magħhom, jgħaddu wkoll il-karozzi. Min hu responsabbli għal dan? Il-Pulizija jew id-Dipartiment tal-Lands? Ma nafx min minnhom, qiegħed jiġġennen biex jagħti permessi bħal dawn. U min hu responsabbli għandu jerfa' r-responsabbiltà għaliex illum jew għada se jkun hemm inċidenti żgur. Jekk min qed joħroġ l-imwejjed u s-siġġijiet taħt il-bankini qed jagħmel hekk b'abbuż, jiġifieri mingħajr permess tal-Pulizija jew ta' xi awtorità oħra, allura Il-Punt Ħsara lil ġismi ŻAGĦŻUGĦ jew żagħżugħa l-ġmiel tagħhom, ħalib ommhom fi snienhom, blanzuni b'ħajja quddiemhom kollha tama u risq, ħfief daqs friefet u b'ebda tikmixa fuq wiċċhom. Kmieni wara nofsinhar minflok ma xxierku m'oħrajn l-istess għomor u qagħdu l-pjazza jittantaw ix-xemx għaddejja, jinbxu lil xulxin u jiksru l-ħemda bid-daħq u l-għajjat tagħhom, marru issakkru f 'kamarthom ta' djarhom. Ġerrew il- purtieri, qaflu l-bibien u bi xfafar u mwies qattgħu l-ġilda sabiħa u tenera ta' ġisimhom. Għaliex? Aħna l-kbar u x-xjuħ li nokorbu fuq iż-żmien ħelu li għaddielna, li niġru u ninfilġu biex nirqaqu u niġu magħlubin bħal meta kellna 18-il sena ma nistgħux nifhmu. Is- sinjuruni jonfqu l-flejjes kbar biex jixtru t-tajn tal- Baħar il-Mejjet u jindilku bih bit-tama li l-ġilda terġa' ssir żagħżugħa. Oħrajn jagħmlu operazzjonijiet u jġebbdu 'l hawn u 'l hemm ħalli t-tikmix idub fix- xejn. Imbagħad jiġu dawn iż-żgħażagħ u jagħmlu dawn il-bluhat ta' ħsara lil ġisimhom. Għaliex? L-ewwel nett il-prevalenza ta' ħsara li l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ jagħmlu apposta u għax iridu huma fuq ġisimhom stess mhijiex daqshekk rari. Studjużi jgħidulek li ċ-ċifri jvarjaw minn 5% sa 7%. Il-ħsara li ssir tikkonsisti bosta drabi fi qtugħ bi xfafar jew imwies u ħruq. Jintużaw ukoll labar jew imsiemer jew strumenti bil-pont biex jittaqqbu bihom. L-importanti hu li jiċċarċar id-demm u ssir ħsara lill-ġisem. Ħafna miż-żgħażagħ li jagħmlu dawn l-affarijiet jispjegawlek li hekk biss huma jkunu jistgħu jsibu tarf mal-uġigħ emozzjonali, mad-dwejjaq, mal-ħsibijiet koroh, ma' memorji negattivi u mal-biża'. Huma jippruvaw logħba ta' tpartit. Jippruvaw ibiddlu l-biża', id-dieqa u l-qtigħ il-qalb ma' uġigħ fiżiku. Huma jħossuhom waħedhom u meta jweġġgħu lilhom infushom jimmaġinaw li qed isibu tarf il-kobba. L-uġigħ fiżiku suppost jieħu post l-uġigħ mentali u emozzjonali. Hemm ukoll sens ta' ħtija, rimors jew sogħba kbira li mħallat ma' dan kollu jkompli jħawwad il-borma. Bla dubju l-bniedem ma jfieqx. Bejn ruħ u ġisem m'hemmx firda u l-ħsara fiżika hi rifless tal-ħsara ġewwinija u bil-maqlub. Minflok ma jfieq mill-qtigħ il-qalb iż-żagħżugħ li qatta' ġismu b'xafra jidħol f 'ċirku vizzjuż u jħaffer il-ħofra tiegħu stess. Minflok ma tirbaħ il-mistħija, it-tfajla li ħarqet ġisimha tirgħex aktar quddiem in-nies għax tintebaħ li qed ifesfsu fil-widnejn u jiskartawha. Il-kelb il-magħkus ikun qed idur għalih id-dubbien. Il-ħasra hi li min jinqabad f 'dal-vizzju mhux la kemm joħroġ minnu daqshekk malajr. Anzi bosta drabi l-ħsara tista' tkun permanenti, tqajjem mard mentali u kultant twassal għal tentazzjonijiet ta' suwiċidju. Il-kawża ta' dan kollu hu d-diżordni li hawn. Għalkemm m'hemm xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx u kull dnub jew marda, kull weġgħa jew turufnament jitħaddtu dwaru Omeru qabel Kristu dan il- fenomenu qed jiżdied. Ir-raġunijiet huma bosta. Il-familji ċkienu u t-tifrik fiż-żwieġ kotor. Ir-rabtiet komunitarji fiżiċi naqsu. Is- sens ta' komunità fis-soċjetà naqas u dejjem aktar qed jirrenja l-individwaliżmu li ġabna nies iżolati minn xulxin u maqtugħin. Dan donnu jidher kontradittorju għaliex il- komunikazzjoni virtwali turi xort'oħra. Mhux ilkoll familja waħda llum bil- Facebook? Mhux kulħadd ħbieb għax inti friend tiegħi? Mhux kulħadd iperreċ u juri ritratti dwar anke l-iżjed affarijiet ta' ġewwa mal-erbat irjieħ tad- dinja? Madankollu kollox hu virtwali. Ironikament l-espressjoni fiżika tal- uġigħ juri li minkejja kollox xejn ma jieħu post il-komunikazzjoni fiżika. Bl-uġigħ fiżiku ż-żagħżugħ irid juri imqar lilu nnifsu li l-uġigħ hu ta' veru. Importanti ferm li nkunu konxji ta' din il-problema fis-soċjetà. Meta nkunu nafu b'xi ħadd li qed jagħmel hekk jeħtieġ li noħorġu barra minn triqitna biex ngħinuhom. Nispjegawlhom u nuruhom b'imħabba biex joħorġu mill-fosdqa tagħhom. Nuruhom li huma maħbubin. Ngħidulhom li bil-ħsara fuq ġisimhom mhuma se jieħdu xejn u anzi jistgħu jmorru lura. Bla dubju r-riħ mhuwiex fil-qala biex dil-pjaga tintrebaħ. Il-pjagi tal- pornografija, vjolenza domestika eċċ kif se żżommhom? Kultant tħossok tagħżaq fl-ilma u qed tneħħi biss l-għanqbuta u mhux il-brimba. Biex żagħżugħ jinqala minn dak il-qtigħ il-qalb irid l-imħabba tal-ħbieb, ta' komunità. Jiġuni quddiem għajnejja l-ħbieb u s-sens ta' komunità tal-għaqdiet fil-ħajja tal-parroċċi. Niftakar l-Azzjoni Kattolika, il-ħarġiet u l-hikes, l-irtiri, id-discos, il-marċi, il-mixja Neokatekumenali. Kollox jgħin biex inħossuna ħbieb u ma nkunux waħedna. Illum? Kulħadd imkaħħal mal-monitor fiċ-chatting jew fil-pornografija. Mur ġibhom lura l-għaqdiet u liema komunità se ddur bik meta nofs l-għaqdiet għaxja ta' mewt? Il-pronto soccorso u l-counsellor jiswa mitqlu deheb biex ġuvnott jinqata' minn din l-imġieba. Iżda wara li jfieq hemm ċans li jirkadi fl-istess vizzju meta jerġa' jmur id-dar u jsib l-istess ċirkustanzi. Ħbieb irridu naħdmu u nxammru jdejna biex lill-vulnerabbli ngħinuhom tassew. Min ikollu bżonn jitkellem jista' jitkellem ma' Kellimni. com servizz offrut liż- żgħażagħ b'mod anonimu. IVAN BARTOLO

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 august 2014