Illum previous editions

illum 3 august 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/357170

Contents of this Issue

Navigation

Page 6 of 35

Il-Ħadd 03 ta' Awwissu 2014 | illum 7 L-għibien ta' tifla ta' sitt snin 103 snin ilu Seta' kien każ ta' pedofelija minn qarib? ILGAZZETTA illum kompliet tinvestiga l-każ ta' Modestina Cefai, it-tifla ta' sitt snin li għebet il-Ħadd, 27 ta' Awwissu 1911 fir-Rabat, Għawdex. Persuni li tkellimna magħhom qalulna li l-għibien ta' tifla ta' dik l-età ma kienx komuni aktar minn 100 sena ilu u l-kelma "pedofelija" lanqas biss kienu jafu x'inhi, anzi probabbli lanqas kienet teżisti. Però, hemm min ma jeskludix li Modestina setgħet kienet vittma ta' pedoflu u lanqas ma jeskludi li seta' kellu kunfidenza mat-tifla. Fejn marret Modestina f 'nofsinhar? Kienu diversi persuni li għalihom kienet stramba kif tifla ta' sitt snin kienet barra fit-triq fis-sħana ta' Awwissu f 'nofsinhar. Staqsew jekk din ħarġitx tilgħab barra jew jekk sempliċiment ħarġet mid-dar mingħajr ħadd ma nduna. Bl-assistenza ta' Dr Joe Azzopardi, tkellimna ma' diversi anzjani li wieħed minnhom għandu 90 sena u jiftakar sew x'kienet tirrakkonta ommu u qraba oħrajn. Jingħad li t-tifla telqet mid-dar tal-ġenituri tagħha għall-ħabta ta' nofsinhar u mxiet mid-dar għall-Bażilika ta' San Ġorg. Kien hemm min jiftakar li mat-tifla kien hemm mara, x'aktarx xi zija tagħha, u kienu jgħaddu lejn Pjazza San Franġisk, daru fuq il-lemin għal Triq Palma, xellug fi Triq id-Dejqa u lemin fi Triq il- Karità li twassal għall-Bażilika ta' San Ġorġ. Wara l-quddies, jew forsi funzjoni oħra, kienu jmorru lura d-dar mill-istess toroq. Kien ingħad li dakinhar li sparixxiet Modestina, it-tifla waqfet għand in-nannu tagħha li kien joqgħod x'imkien lejn Triq id-Dejqa u z-zija baqgħet sejra lejn id-dar. Wara li Modestina ħalliet lil nannuha ma dehritx iżjed. Raġel anzjan jirrakkonta li missieru kien jgħidlu li t-tifla qatt ma ħarġet lura minn Triq Palma għall-Pjazza San Franġisk għax hemm, fuq it-turġien tas-salib kien ikun hemm xi rġiel miġburin u kienu qalu li lit-tifla ma rawhiex ġejja lura. F'din il-parti hemm ftit djar, uħud anke saru ħwienet u għaldaqstant Modestina setgħet inqatlet u ndifnet f 'dawn l-inħawi fejn mhux eskluż fis-sit ta' madwar fejn bħalissa hemm għaddej xogħol ta' skavar. Sorsi li tkellmu magħna qalulna li kien hemm għajdut li mhux l-ewwel darba li raw lil xi ħadd jagħti xi ħelu lil Modestina u li dan seta' mhux biss kien jaf sew lit-tifla imma anke kien jaf sew lill-familja Cefai. B'hekk it-tifla kienet komda miegħu u jekk kien hemm min rah, allura kienet xi ħaġa normali. Fejn qalu li rawha Kif rajna fil-ħarġa tal-ġimgħa l-oħra, il-Pulizija kienu rċevew mill-inqas seba' rapporti fejn kien hemm min qal li ra lit-tifla li iżda ma rriżulta xejn fil- pożittiv. Fost dawn kien hemm min ra lil Modestina fl-inħawi magħrufin bħala "Għerxija", fl-inħawi tal-għolja Ta' Kuljat, fi Triq Vajringa, fl-inħawi ta' salib it-toroq Mons. Vella, Triq l-Assunta, Triq Gedrin u Triq id-Dawwara Tomba kif ukoll qrib is-Salib fi Pjazza Sant Agostino. Uħud minn dawn it-toroq ma kinux fit-toroq li kienet tmur iċ-ċkejkna Modestina għall- quddies. Il-familja tat-tifla Modestina Cefai kienet l-iżgħar waħda fil-familja Cefai. Il-ġenituri tagħha kienu Joseph Cefai, li kien magħruf bħala Ġużeppi u Josepha Cefai, xebba Micallef, li kienu jsejħulha Ġużeppina. Modestina kienet l-iżgħar fost 12-il aħwa, tmint ibniet u erba' subien. Dawn kienu Catherina li twieldet fil-31 ta' Mejju 1884, Antonius li twieled fil-25 ta' Mejju 1886, Maria Antonia li twieldet fit-2 ta' April 1889, Joseph Maria li twieled fit-18 ta' Marzu 1890, Aloysius li twieled fl-20 ta' Lulju 1891, Modesta Maria li twieldet fl-24 ta' Lulju 1892 li iżda mietet x'aktarx ftit wara, Antonius li twieled fis-16 ta' Diċembru 1893, Maria Concepta li twieldet fil-11 ta' Novembru 1896, Aloysia li twieldet fit-3 ta' Frar 1899, Maria Antonia li twieldet fit-8 ta' Marzu 1900, Laurentia li twieldet fit-2 ta' Diċembru 1902 u Modesta li twieldet fit-18 ta' Diċembru 1904. Din tal-aħħar hija t-tifla li għebet u li Joseph u Josepha semmewha għal oħtha Modesta li mietet. Kien hemm min jgħid li oħt Modestina, Laurentia, li kienu jsejħulha Dolora, kienet mietet minħabba li kienet inkwetat ħafna dwar l-għibien ta' oħtha ż-żgħira. L-appell Kienet bl-għajnuna ta' Dr Joe Azzopardi, lekċerer fl-Università ta' Malta u riċerkatur, li wasalna għal informazzjoni uffiċjali kemm fil-ħarġa tal-ġimgħa l-oħra kif ukoll f 'dik tal-lum. Għal darb'oħra Dr Azzopardi tenna l-appell tiegħu u qalilna li l-ħolma tiegħu u x-xewqa tal-qraba ta' Modestina dejjem kienet li jinstabu l-fdalijiet tagħha biex ikunu jistgħu jagħtuha d-difna li jixirqilha fil-qabar tal-familja tagħha. Tislima lit-Tabib Alexander Cachia Zammit KMIENI din il-ġimgħa tħabbret il-mewt tal-eks Ministru Nazzjonalista Alexander Cachia Zammit, fl-età ta' 90 sena. It-Tabib Cachia Zammit, li kien magħruf ma' kulħadd bħala t-tabib Sandy, jibqa' marbut l-aktar maż-Żejtun, fejn qatta' l-parti l-kbira ta' ħajtu fejn fost oħrajn kien ukoll President tal-Banda Beland. Cachia Zammit għamel snin twal involut fil-politika, fejn ikkontesta l-ewwel elezzjoni tiegħu fl-1955 mal-Partit Nazzjonalista u ġie elett mal- ewwel. Hu serva bħala Ministru tas-Saħħa u Ministru tax- Xogħol u s-Servizzi Soċjali taħt it-tmexxija ta' Ġorġ Borg Olivier bejn l-1962 u l-1971, kif ukoll bħala Deputat Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta' Eddie Fenech Adami bejn l-1971 u l-1987. Sandy Cachia Zammit kien irtira mill-politika fl-1987 u wara serva għal numru ta' snin bħala Ambaxxatur ta' Malta għas-Santa Sede. Id-dar ta' Modesta Il-Bażilika San Ġorġ

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 august 2014