Illum previous editions

illum 3 august 2014

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/357170

Contents of this Issue

Navigation

Page 33 of 35

34 illum | Il-Ħadd 03 ta' Awwissu 2014 Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-Inter? Meta kont żgħir kont għadni indeċiż ma' min se nżomm għax kelli xi ħbieb u zijiet li kienu jġegħluni nżomm min mal-Manchester United, min ma' AC Milan, u min mal-Juventus. Iżda darba lagħbu l-Liverpool kontra l-Inter fiċ-Champions Cup u fl-ewwel rawnd il-Liverpool kienu taw 3 lill-Inter. L-għada l-bulijiet tal-iskola, dawk li dejjem kienu jifqgħulna xi ballun jew ituna xi gambetta, daħlu l-iskola jkantaw "Liverpool, Liverpool". Allura jien minn dakinhar inġbidt lejn l-Inter għax dawn żgur ma kinux il-favoriti tal-bulijiet tal-iskola. Fil-fatt fit-tieni leg, l-Inter eliminaw lil-Liverpool u baqgħu sejrin jirbħu t-Tazza. Minn hemm sirt fanatiku fuq l-Inter. Kif nibtet l-idea li tiftaħ klabb tal- Inter f 'Malta? Propjament l-Inter Club Malta twaqqaf fit-18 t'Awwissu 1978 minn Joe Bugelli u Lawrence Cutajar wara li t-tnejn li huma, separatament u bla ma kienu jafu lil xulxin, kienu għamlu sejħa lill-Interisti Maltin fuq il-gazzetti biex jiġi ffurmat klabb tal-partitarji Interisti ġewwa Malta. Jien dħalt fit- tmexxija tal-klabb wara li Joe Bugelli spiċċa minn President wara 16-il sena fit-tmun. Kemm kienet diffiċli biex jinfetaħ il-klabb? Kien ħafna diffiċli għall-predeċessuri tiegħi għax għall-ewwel ma kellhomx post fejn jiltaqgħu u kienu jagħmlu l-laqgħat jew ġewwa St. Albert the Great jew La Vallette. Xi snin wara sabu post ġewwa l-Furjana u allura l-Interisti Maltin kellhom post ġdid. Qabel ma kienx hemm it-teknoloġija li għandna llum u biex iżżomm kuntatt mal-membri kien diffiċli u kien hemm bżonn ħafna pustaġġ biex tikkomunika magħhom jew biex toħroġ xi fuljett. X'tiftakar l-iktar minn dawn l-20 sena li ilek President tal-Inter Club Malta? Bla dubju niftakar ħafna episodji sbieħ f 'dawn l-20 sena li għalaqt propju llum il-Ħadd 3 t'Awwissu. L-ewwel sfida li kelli flimkien ma' sħabi l-oħra kien li nfittxu post ġdid u ikbar minn fejn konna. Xtrajna plott ġewwa Santa Venera u bl-għajnuna tal-membri tellajna klabb kbir u sabiħ fejn issa għandna tlett iswali kbar fejn wieħed jista' jara l-logħob tal-Inter fuq skrins kbar. Niftakar ukoll meta fit-3 ta' Settembru 2002 kienu ġew l-Inter jilagħbu friendly kontra Malta fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Millenium Stand. Dakinhar kienu fetħulna l-klabb uffiċjalment ħadd ħlief Giacinto Facchetti, li kien il-Viċi President tal-Inter; Javier Zanetti u Alvaro Recoba. Però l-aktar avveniment għal qalbi u li ma ninsa qatt jibqa' dak ta' meta ġibna f 'Malta t-Tazzi kollha li rebħu l-Inter f 'sena waħda (2010), jiġifieri ċ-Champions League; it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs (Tazza Interkontinentali), is-Super Coppa Italiana; il-Coppa Italia u t-Tazza tal- iScudetto 2009/10. Qatt f 'ħajti ma rajt folol ta' nies daqs dakinhar. Kulħadd irid jieħu ritratt mat-tazzi. L-ebda Inter Club ieħor kemm fl-Italja u kemm fid-dinja ma kellu din l-opportunità li joħroġ minn ġos-Sede tal-Inter dawn it-Tazzi kollha. Għandek xi rimors jew dispjaċir f 'dawn l-20 sena ta' Presidenza? Id-dispjaċir tiegħi jkun meta nisma' li xi membru ħalla din id-dinja biex imur jiltaqa' mal-Ħallieq. Ir-rimors hu li minħabba l-klabb, ma rajtx lit-tfal tiegħi jikbru għax dejjem kien moħħni fil-klabb u kif se jitmexxa professjonalment u b'dedikazzjoni biex inlaħħqu mal-miri li kellna. Xi ħaġa li tiddistingwikom minn klabbs oħra hija dik li tippremjaw personalitajiet li mhumiex marbutin mal-futbol kif għamiltu ma' Ira Losco ftit tax-xhur ilu. X'inhi l-idea? L-idea hija dik li nirrikonoxxu personalitajiet distinti Maltin, li jkunu għamlu unur lil pajjiżna u li forsi jkollhom xi rabta mal-Inter. Is-sena l-oħra ppremjajna lil Gianluca Bezzina, Interist u li għamel xi żmien jiġi l-klabb u dis-sena lil Ira Losco li għandha missierha membru magħna. Nittama li fil-futur qarib nistiednu lil Joseph Calleja, Interist ieħor. X'inhi r-relazzjoni tiegħek ma' diriġenti ta' klabbs oħra tal-Inter fl-Italja? Għandi relazzjoni tajba ħafna ma' klabbs oħra tal-Inter ġewwa l-Italja u New York. Qabel xi logħbiet importanti ġewwa San Siro, nagħmel mezz biex niltaqa' ma' xi presidenti u kordinaturi ta' klabbs oħra u dejjem nilqgħu ġewwa l-klabb tagħna dawk li jiġu għall-vaganzi f 'Malta. Però meta jien jew xi membri oħra nkunu l-Italja u niltaqgħu ma' Interisti oħra u nsemmu lill-Inter Club Malta, dejjem niġu milqugħa b'ferħ kbir u ttrattati tajjeb għax għamilna żmien twil bħala l-ikbar Inter Supporters' Club fid- dinja. Għalhekk inġorru rispett kbir. U dik mad-diriġenti ta' Inter FC fosthom il-President Onorarju Massimo Moratti? Ma' Moratti kelli x-xorti niltaqa' diversi drabi fejn l-ewwel darba li ltqajt miegħu kien f 'San Siro propju ftit ġimgħat wara li laħaq President fejn kont akkumpanjat minn sieħbi Lawrence Cutajar u xi membri oħra tal-klabb. Però l-isbaħ żjara kienet ġewwa l-uffiċċju tiegħu tas-SARAS SRL fejn laqa' lili, lil Lawrence u magħna ħadna lil ċertu Raymond Camilleri magħruf ma' kulħadd bħala l-'Boċċa'. Għamilna kważi tliet sigħat inparlaw miegħu u minħabba fina kien ittardja konferenza stampa mal- ġurnalisti. Moratti huwa bniedem umli ħafna - jifraħ b'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-Inter fejn konna wkoll ippreżentajnielu sett badges tal-Inter ipproduċuti minn Lawrence Cutajar. Però barra Moratti kelli wkoll relazzjoni tajba ħafna ma' Giacinto Facchetti. Facchetti kien ħabib tal-Inter Club Malta u kien jgħinna f 'kollox. Niftakar meta kont tellajt żewġt itfal mill-programm "Tista' Tkun Int". Kont irranġajt kollox miegħu u grazzi għalih għamilna żewġt itfal ferħanin flimkien mal-familjari tagħhom u l-kru u l-preżentattriċi tal-programm. X'tikkummenta fuq il-President Erick Thohir? Tkellimt ma' bosta Interisti u qaluli li dan huwa iktar moħħu li jakkwista l-flus u li jsir popolari milli l-ġid ta' Inter. Taqbel ma' dawn l-Interisti? Għaliex? Ma naqbilx u ngħidlek għalfejn. Thohir kieku ried jaqla' l-flus kien ċertament jinvesti f 'xi ħaġa li jkun żgur li se tħallilu l-qliegħ. Huwa daħal għall-piż qawwi u se jħallas id-dejn kollu li ħalla Moratti fejn irid ukoll isaħħaħ lit-tim b'xi akkwisti ġodda. Li hu żgur hu li Thohir, peress li huwa manager tajjeb u imprenditur li ma jaċċettax telf ta' flus, se jaħdem bil-wisq iżjed b'mentalità maniġerjali u imprenditorjali. Moratti peress li kien ukoll partitarju kbir tat-tim, kien jaħdem ħafna b'qalbu iktar milli b'moħħu u fiż-żminijiet tal-lum dan mhux permissibli. Fil-fatt Thohir qed iqaċċat ħafna managers li kienu hemm għax huma ħbieb ta' Moratti. Bosta Interisti wkoll bħal donnhom strieħu meta tneħħa Marco Branca mid-diriġenza ta' Inter. Int kont wieħed minnhom? Għaliex? Jien għandi filosofija li tgħid li: "M'hawn ħadd fid-dinja tajjeb f 'kollox u m'hawn ħadd fid-dinja ħażin f 'kollox". Branca għamel ħafna ġid għall-Inter u grazzi għalih ġew plejers kbar bħal Milito, Stankovic, Cambiasso, Sneijder, Maicon, Julio Cesar, Lucio, Samuel u ħafna oħrajn. Meta kellu fejn jonfoq, nefaq imma meta xxotta l-but, qagħad lura ħafna. Branca tneħħa wara t-tbażwira li saret f 'Jannar li għadda fil-każ ta' Guarin fejn kien se jbiddlu ma' Vucinic tal-Juventus u qam ħafna kjass mill- partitarji tal-Inter. Għal Thohir żbalji bħal dawn ma jgħaddux. Liema kien l-aqwa tim tal-Inter ta' kull żmien fl-opinjoni tiegħek? Għalija bla dubju ta' xejn kien it-tim tas-sittinijiet immexxi minn Helenio Herrera u Angelo Moratti fejn rebaħ kollox u lil kulħadd u mhux ta' b'xejn kien jissejjaħ "La Grande Inter". Tim SPORTSillum CRISTIAN ANTONY MUSCAT John Zammit - President tal-Inter Club Malta u li propju llum qed jiċċelebra l-20 sena tiegħu bħala President ta' dan il-klabb Għoxrin sena President "Jekk lit-tfal tiegħi ma rajthomx jikbru minħabba l-klabb, ma nixtieqx li jiġrili l-istess man- neputijiet!" "Il-filosofija tiegħi tgħid li m'hawn ħadd fid-dinja tajjeb f 'kollox u m'hawn ħadd fid-dinja ħażin f 'kollox"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 3 august 2014