Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/455581
Il-Ħadd 01 ta' Frar 2015 | illum 21 Editorjal ILLUM, MEDIATODAY LTD, VJAL IRRIĦAN, SAN ĠWANN SĠN 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Imejl: illum@mediatoday.com.mt W ara snin li wieħed ikun għamel iħallas taxxi u bolol tas- sigurtà soċjali taf tispiċċa f 'xi kuritur ta' sptar u bla dinjità. F'ħin meta l-bniedem ikun tant fraġli u tant ikollu bżonn kwiet, serħan il-moħħ, solidarjetà u karezzi, isib ruħu mitluq fuq sodda, bla kumdità ta' xejn f 'kuritur... kulħadd għaddej minn ħdejh. Minn żagħżugħ għal anzjan, minn persuna li ma jafu ħadd għal xi personalità, kulħadd xi darba jew oħra, xi ħin jew ieħor, se jkollu bżonn xi tip ta' kura jew xi viżta urġenti l-Isptar Mater Dei. Kull persuna li jidħol minn dak il-bieb tal-emerġenza żgur li ma jmurx bħala ġita jew għal xi weekend break. Lanqas imur biex jikxef għajnu x'għandu, jew x'jaħseb li għandu. Meta l-bniedem iħossu ma jiflaħx, iħossu bżonn min jgħinu, żgur li ma jkunx għaddej mill-aktar mument feliċi anzi jkun mument fejn iħossu mill- aktar vulnerabbli. Barra li psikoloġikament ikun imkisser, jaf ikun muġugħ u jkollu bżonn privatezza, solidarjetà minn tal-familja u li jistrieħ, iżda wisq probabbli meta jmur l-isptar Mater Dei isib ruħu f 'xi kuritur. F'dak l-isptar hekk imsejjaħ 'state of the art' qed titnaqqar u titneħħa d-dinjità tal-pazjent. Il-pazjent jispiċċa fuq sodda mal-ħajt, waħdu bħal biċċa għamara tal-kuritur, lanqas biċċa komodina fejn ipoġġi flixkun ilma, fejn jekk jgħid 'aħħ' iħares lejh kulħadd. Fejn l-ebda membru tal-familja ma jista' jpoġġi ħdejh, għax spazju għal siġġu m'hemmx. Fejn jekk għandu bżonn jixrob jew jaqdi l-bżonnijiet naturali tiegħu jrid litteralment jikxef 'patattu' quddiem kulħadd. Irid jgħajjat, jekk ikollu leħen, biex xi ħadd iwasslu fejn irid imur, u jekk ma jkollux leħnu jwassal jispiċċa jumilja ruħu quddiem kulħadd. Anke jekk pazjent ma jridx juri li qiegħed l-isptar kulħadd għaddej minn ħdejh u ħafna jistaqsuh wkoll il-mistoqsija impertinenti, "X'għandek?" Jekk ma jkunx il-każ ukoll li jkun hemm xi personalità televiżiva, muġugħa ma tarax art u jgħaddi xi ħadd minn ħdejha u jgħidilha 'Prosit tal-programm.' U xi ngħidu għal privatezza meta t-tabib jew speċjalista jrid jgħaddi l-informazzjoni dwar il-pazjent lil xi qarib jew inkella lilu jew lilha stess u jrid jagħmel dan quddiem kulħadd, fil-kuritur. Litteralment il-pazjent imneżża minn kull dinjità. U dan għadna ma semmejniex l-aktar fattur makabru, li wara ħajja mimlija nżul u tlajja, wara ħajja li fiha persuna jkun ħallas tant taxxi u bolla u jispiċċa jħalli din id-dinja wiċċu mal-ħajt u f 'kuritur. Tal-mistħija jew aħjar tal-biki li omm, missier, nannu jew nanna jagħtu l-aħħar tislima lid-dinja, lil uliedhom u neputijiet fil-kuritur ta' sptar. Mingħajr ebda dinjità. Tal-mistħija li l-awtoritajiet Maltin iħallu mhux biss li pazjent ikun bla dinjità iżda jmut bla dinjità. Ikun żball jekk dan in-nuqqas jintuża bħala ballun politiku. Iżda xi ħadd irid iqajjem kuxjenza dwar dan in-nuqqas ta' dinjità fil- pazjenti tal-isptar. M'hemm l-ebda skuża għax ta' qabel ħallewlna sptar li kien aktar jinteressahom li jkollna lobby u mini market 'state of the art' milli jkollna post li jixraq lil pazjent Malti. Inutli li l-awtoritajiet tal-lum li ilhom hemm kważi sentejn jibqgħu jippuntaw subgħajhom lejn min għandu t-tort. Il-poplu Malti jrid soluzzjonijiet u mhux tfigħ ta' tajn. Il-poplu Malti jrid jara li kull pazjent li jidħol l-isptar ikun trattat b'dinjità u mhux umiljat. Il-poplu Malti ħallas biex ommu u missieru jmutu mewta komda u b'dinjità u mhux weħidhom f 'kuritur ta' sptar. Id-dinjità tal-pazjent fl-isptar