Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/455581
Il-Ħadd 01 ta' Frar 2015 | illum 9 Għaldaqstant reġa' tniżżel il-ganċ u din id-darba nħass li kien hemm xi ħaġa ratba. Mill-istess ħofra ttellgħet ġebla u xi zkuk li kienu mċappsin bid-demm. Minnufih dawn ittieħdu l-Laboratorju Forensiku fejn ġie stabbilit li d-demm huwa demm uman. B'hekk is-suspett li r-riħa kienet ta' katavru fi stat ta' dikompożizzjoni kiber u b'din is-sejba ġew informati diversi uffiċjali tal-Pulizija. Tidher ras u id Meta l-Pulizija reġgħu ttawlu fil-ħofra setgħu jaraw dik li kienet qisha ras ta' bniedem u anke id umana. Qabel tkompliet l-operazzjoni biex jittella' dak li kien maħsub li huwa katavru jew partijiet minnu, stennew li fuq il-post jaslu l-uffiċjali. Ftit tal-ħin wara wasal is-Supretendent Paul Vassallo mit-Taqsima ta' Kontra l-Vizzji, l-Ispettur Chris Pullicino mill-Iskwadra tal-Omiċidji u l-Ispettur Josric Mifsud tad-Distrett. Aktar tard marru l-Assistent Kummissarju Pierre Calleja, l-Assistent Kummissarju Raymond Zammit – illum it-tnejn huma Deputat Kummissarju, u s-Supretendent Martin Bayliss tad-Distrett u oħrajn. Bis- suspett tas-sejba ta' katavru u l-karozza ta' Grech, il-każ ħa xejra oħra – dik ta' omiċidju. Għaldaqstant kien informat il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Carol Peralta, li mexxa l-aċċess fuq il-post. Kif wasal ittieħed ħdejn il-karozza ta' Grech u anke ħdejn il-ħofra fejn kienet għaddejja l-operazzjoni biex jittella' dak li kien maħsub li seta' kien il-katavru ta' Pawlu Grech. Operazzjoni diffiċli u delikata Minn hawn bdiet operazzjoni delikata biex jittella' l-katavru. Id-djuq tal-ħofra u n-nuqqas ta' dawl kompla kkomplika s-sitwazzjoni. L-ewwel ma niżel kien Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit li spezzjona l-post u kkonferma li kien hemm katavru iżda kien diffiċli biex jittella'. Wara diversi sforzi, fil-ħofra niżel is-Surġent Charlot Casha mit-Taqsima tal-Forensika fejn iddendel bil-ħbula peress li l-katavru kien f 'fond ta' aktar minn sular. Hekk kif is-Surġent Casha tniżżel fil- ħofra sab li l-katavru kien fuq il-ġenb tiegħu fuq ix-xellug. Madwaru kien hemm ħafna demm u kellu fuqu xi ġebel u aktar boroż. Parti minn rasu u kważi l-ġenb kollu tax-xellug kien maqbud bejn il-blat u kien imwaħħal. Għaldaqstant PS Casha neħħa l-ġebel u dak li kien hemm fuq il- katavru, rabatlu jdejh b'ħabel u permezz ta' Jeep tal-RIU beda jinġibed bil-mod. Kif il-katavru nqala' minn bejn il- blat seta' jittella' lejn l-art. Iżda qabel seta' jsir dan ittieħdu ritratti tax-xena u tal-oġġetti kollha li ttelgħu mill-ħofra. Dan kien għall-ħabta tal-5.30pm, seba' sigħat u nofs wara li l-Pulizija kienu informati bis-sejba tal-karozza ta' Pawlu Grech. Peress li l-katavru nstab fi stat avvanzat ta' dekompożizzjoni, il-Pulizija ma setgħux jikkonfermaw li kien ta' Grech, iżda minn dak li sabu kellhom indikazzjoni tajba li kien tiegħu. Fil-fatt il- ħwejjeġ li kellu fuqu l-katavru kienu jaqblu ma' dawk li deher bihom l-aħħar Grech kif ukoll fil-bwiet il-Pulizija sabu ċ-ċwievet tal-karozza Isuzu Gemini li kien qed jagħ¬mel użu minnha l-vittma kif ukoll il-mobile tiegħu. Meta l-Pulizija komplew jagħmlu aktar tfittxijiet fl-istess ħofra, sabu wkoll par żarbun li rriżulta li huma tal-istess Grech. Il-qattiel kien jaf eżatt fejn għandu jolqot Bil-katavru barra mill-ħofra, issa setgħu jsiru l-ewwel eżamijiet forensiċi fuqu. Il-Maġistrat Peralta ħatar lit- Tabib Forensiku Mario Scerri li mar fuq il-post. Għalkemm il-vittma deher li kellu xi daqqiet l-opinjoni tal-espert forensiku hija li min wettaq dan l-omiċidju kien jaf eżatt fejn għandu jolqot b'daqqa waħda biex jikkawża l-mewt. Fil-fatt il- vittma ngħata daqqa waħda ta' strument li jaqta' u bil-ponta fuq sidru eżatt fejn qalbu u d-daqqa kienet tinfed biżżejjed li laqtet il-qalb li rriżultat f 'waħda fatali. Kollox kien jindika li Grech inqatel fuq il-post, qrib il- ħofra fejn instab. Jidher li l-Pulizija baqgħet ma sabitx l-arma li ntużat f 'dan il-qtil minkejja tfittxijiet intensivi fejn kellu jintuża wkoll apparat elettroniku li permezz tiegħu setgħu jfittxu bejn il-blat fejn instab il-katavru bit-tama li l-qattiel ta' Grech rema l-arma hemmhekk. Il-Pulizija baqgħu għal xi jiem ma kkonfermawx li l-katavru kien ta' Grech u stennew sakemm ikollhom ir-riżultati tad-DNA. Għaldaqstant ittieħdu kampjuni tad-DNA mingħand wieħed minn ħutu fejn wara jiem ta' stennija kien ikkonfermat li l-katavru li ttella' minn dik il-ħofra fil-blat fl-inħawi tal-Aħrax tal- Mellieħa kien ta' Pawlu Grech. Suspett f 'Russu Pawlu Grech għal xi żmien kellu negozju bil-bowser tal-ilma u jidher li pprova xi negozji oħrajn li ma marx tajjeb fihom. Kien intqal li l-falliment f 'diversi negozji setgħu daħlu lil Grech f 'ħafna problemi finanzjarji li qatt ma kien eskluż li dawn il-problemi setgħu kienu l-mottiv wara l-qtil tiegħu. S'issa l-investigaturi kellhom biss suspett f 'raġel li fl-2013 kellu madwar 46 sena ta' nazzjonalità Russa li kien jgħix il-Gżira u miżżewweġ mara Maltija. Sorsi qrib il-Korp tal- Pulizija kienu qaluli li l-aħħar li Pawlu Grech deher ħaj, il-Ħamis 10 ta' Ottubru 2013 għall-ħabta tas-6.30pm, kien fil-kumpanija ta' dan ir-raġel Russu f 'Buġibba. Kien allegat li l-għada, il-Ġimgħa, ir-Russu ħalla Malta bil-katamaran lejn Katanja, minn hemm mar il- Latvja u baqa' sejjer ir-Russja. Peress li l-Pulizija kellhom suspett fih baqgħu jistennewh biex jiġi lura Malta biex ikellmuh dwar l-għibien ta' Grech. Fil-fatt hekk kif irritorna Malta nhar l-Erbgħa, 16 ta' Ottubru 2013, jumejn qabel ma nstab il-katavru ta' Grech, huwa sab lill-Pulizija mit-Taqsima ta' Kontra l-Vizzji mmexxijin mill-Ispettur Sylvana Brif¬fa tistennih. Huwa ttieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn kien interrogat fit-tul, iżda sa dak il-ħin il-Pulizija kienu qed jinvestigaw għibien ta' persuna u mhux omiċidju. Il-konnessjoni Russa Minn aktar stħarriġ kien irriżulta li kien hemm allegazzjoni li Grech kellu fiduċja assoluta fir-Russu suspettat, tant li kien awtorizzah li jkollu l-prokura biex jinnegozja f 'ismu fir- Russja. Fost in-negozju kien hemm tpartit ta' proprjetà u anke somma konsiderevoli ta' flus. Fil-fatt il-biċċa art li hemm fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun, faċċata ta' Triq Farsons, kienet ta' Grech u li kellu proġett kbir u li kien se jgħaddiha lil xi negozjanti Russi. Sal-lum din l-art fil- Ħamrun għadha l-istess. Min-naħa l-oħra, Grech kien se jakkwista medda ta' art kbira fir-Russja li kienet tinkludi foresta u fabbrika żgħira li tqatta' s-siġar u tipproduċih f 'diversi tipi ta' injam. Iżda kien allegat ukoll li Grech ma kienx wasal biex iħallas għall-proprjetà li xtara fil-Ħamrun li kienet stmata li tiswa madwar €1.5 miljun u minħabba problemi finanzjarji kien allegat li l-bank kien ħataflu din l-art. Seta' kien dan il-mottiv wara l-qtil ta' Pawlu Grech? Il-Pulizija qatt ma eskledewh, iżda l-investigaturi għandhom bżonn provi konkreti biex iressqu lil xi ħadd il-Qorti. Meta nqatel Grech? Għall-Pulizija kien importanti li jistabilixxu d-data eżatt meta nqatel Pawlu Grech. Ir-raġuni kienet biex ikun stabbilit jekk ir-Russu, li kellhom suspett fih, kienx hawn Malta jew le. Għaldaqstant kienu importanti ħafna r-riżultati forensiċi li juru b'mod xjentifiku d-data preċiża li ma jħallu l-ebda dubji ta' meta nqatel. L-ewwel riżultati kienu jindikaw li Grech kien ilu mejjet mhux aktar minn tliet ijiem mindu nstab għalkemm kien ilu nieqes tmint ijiem. Minn aktar stħarriġ sibt li d-dud, magħruf bħala 'maggots', imur fuq katavru fi ftit sigħat, l-aktar meta dan ikun barra u mhux f 'xi dar. Minn dawn il-'maggots' l-esperti forensiċi jkunu jistgħu jiddeterminaw kemm ikun ilu mejjet il-bniedem. B'hekk l-investigaturi sabu intopp peress li s-suspettat ewlieni li kellhom, ir-Russu, ma kienx Malta meta Pawlu Grech inqatel. fl-2013 ilu ġimgħa rrapportat nieqes Bħalma qed nagħmlu ma' kull storja ta' delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001. Appell Ritratti: Arkivji Nazzjonali Il-katavru ta' Pawlu Grech hekk kif ittella' mill-ħofra