Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/494413
Il-Ħadd 12 ta' April 2015 | illum 15 Jien għidtlu li xtaqt is-saħħa kieku imma qalli li dik ma kinitx parti mill-offerta u aċċettajt it-turiżmu. Kienet diffiċli għax kienet xi ħaġa ġdida għalija. Barra hekk sibt ruħi f 'ġungla Slimiża bin-nies kollha ta' Refalo madwari. Indunajt li ħafna ma kellhomx fiduċja fija għax kont tabib. Li ma kinux jafu li jien bħala tabib inħares lejn it-turiżmu minn lenti aktar umana għax kont orjentat mill-pazjenti tiegħi. Kont ħloqt proġett li mit-turiżmu jiekol kulħadd u bdejt ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera fejn kont introduċejt l-BirguFest – li għadu għaddej sal-lum. Ħloqt l-In Guardia, ftaħna l-fortizzi għal pubbliku. Bdejna b'Sant'Anġlu u bdejt nagħti importanza lil-lukandi bi tliet stilel għax ta' qabli kien jagħti aktar importanza lil-lukandi b'ħames stilel." Staqsejtu jekk ħassx in-nuqqas tax-xogħol ta' tabib meta kien segretarju parlamentari, fejn mingħajr tlaqlieq wieġeb, "jien żammejt kuntatt mal-pazjenti tiegħi. Bqajt inkun hemm għall- pazjenti tiegħi. Ma kontx nagħmel operazzjonijiet iżda min kellu bżonni bħala tabib kont inkun hemm għalih." Semmejtlu li dan kien nuqqas ta' etika li għamel dan, iżda hu weġibni li ma setax jabbanduna lil pazjenti tiegħu u qalli wkoll li kieku għamel hekk kien jispiċċa bla xogħol meta wara sentejn il-PN waqgħu mill-gvern. "Wieħed irid jifhem li t-tobba jiġbdu l-voti, fejn mhux ġust li tabib jitla' fil-parlament għax jieħu l-voti bħala tabib u min jivvutalu ma jivvutalux minħabba l-programm elettorali tal-partit li joħroġ minnu." Bi tbissima qalli wkoll li meta kien segretarju parlamentari martu kienet tieħu ħsieb lill- kostitwenti diffiċli, "għax kellha mod kif teħodhom." Psaila Savona qal li hu jemmen li la l-poplu ma tellgħux ma kellux għalfejn jibqa' fil-politika u rtira mix-xena politika. "Il-politiku nadif jagħmel pjaċir lil kostitwenti u mhux viċi versa u la ma kienx hemm bżonni aktar ħassejt li kelli nwarrab u ddedikajt ruħi kompletament fuq il-prattika medika u l-familja - fejn sibt 24 siegħa żejda fil-ġurnata" Ammetta li kien ħadha bi kbira li ma telax u anke martu weġġgħet ħafna u ftit wara feġġitilha l-marda. "Nemmen li l-istress iwassal għall-kanċer u żgur li l-istress għen ħafna biex marti mardet għax sa dak iż-żmien kienet mara b'saħħitha ħafna. Kelli mara tirrispettani ħafna u tħobbni ħafna. In-nies kienu jħobbuha ħafna iżda jien kont inħobbha iżjed minn kulħadd. Tant li meta mietet neħħejt il-mustaċċi għax hi kienu jogħġbuha ħafna u wara li telqet ma kellix lil min nogħġob iżjed." Iddiskutejna t-telfa kbira li ġarrab il-PN fl-aħħar elezzjoni.Psaila Savona qal li kien hemm tliet raġunijiet - ir-rebħa bi ftit tal-2008 ta' Gonzi tefgħet is-simpatija lejn il-partit li tilef elezzjoni bi ftit, li l-PN ma ħax bis-serjetà l-bidla li kienet qed issir fil-Partit Laburista u li Gonzi ta 5 snin xogħol lil pajjiż bi traskuraġni kbira tal-partit. It-tabib Savona qalli wkoll li eżatt wara l-elezzjoni hu ġie kuntattjat mill-Ministru Konrad Mizzi li offrielu l-post ta' direttur mal- Enemalta, "jidher li mmarkawni li nista' naqleb iżda jien għażilt li nkun spetattur aktar milli nkun protagonist." Tkellimna dwar il-passat tal- partit u ma kienx jonqos li nitkellmu dwar il-preżent tal- Partit Nazzjonalista, "Il-partit qed jinbidel mhux bil-mod radikali li hemm bżonn, iżda qed jinbidel. Joseph Muscat għandu kariżma, jaf x'għandu jgħid u x'jixtieq jisma' l-poplu. Simon min-naħa l-oħra hu intelliġenti u onest u jimxi wisq id f 'id mal-irġulija. Imma għalkemm l-onestà sabiħa tinħtieġ ukoll il- makkakerija." "Malta pajjiż Laburist u jivvota PN meta jsib ruħu dahru mal- ħajt. Ħares lejn il-passat u tara li l-PN rebħu elezzjonijiet meta kien hemm bżonn l-Indipendenza, meta kien hemm bżonn titwaqqaf il-vjolenza, meta kien hemm tnaqqir fid-demokrazija u meta riedu jidħlu fl-Ewropa. Il-bqija meta ma jkunx hemm sfidi kbar il-poplu jaqa għall-Partit Laburista. Barra hekk, l-għajta li dan il-gvern għandu hemm 20 sena qed tgħin biex ħafna nies qed jingħaqdu miegħu – għax kif jgħidu if you can't beat them join them." Dwar iż-Żejtun Psaila Savona għamel dikjarazzjoni qawwija oħra meta qalli, "Il-Partit Nazzjonalista reġa' mhux preżenti fiż-Żejtun. Is-suldati u l-kapurali żvintaw u ma tagħtihomx tort għax fizzjali m'hawnx." Fl-aħħar ħassejt li kelli nistaqsih mistoqsija kemxejn taħraq meta staqsejtu għandux flus investiti fi Żvizzera u dritt weġibni, "Li dejjem kelli kienu tfal, pazjenti u kostitwenti u mhux kontijiet fl- Iżvizzera." U dan it-tabib b'viżjoni politika ferm miftuħa u moderna temm jgħidli li ma jiddispjaċih xejn li kien fil-politika għax din fetħitlu orizzonti u laqqgħatu ma' nies li l-politika biss tista' tlaqqgħek magħhom fejn semmieli meta kien spalla ma' spalla ma' Andreotti u li kien parti minn team li jkun qed ifassal il-pajjiż. Fl-aħħar semmieli xi ħaġa li għandi dubji jekk saritx qabel fil-poltiika Maltija - "Meta tlifna l-Gvern fl-1996 kont jien li wassalt lil Karmenu Vella fl-uffiċċju li kelli tat-Turiżmu u tajtu l-handover." Gonzi ta 5 snin ta' xogħol lill-pajjiż bi traskuraġni kbira tal-partit PN meta jiġi dahru mal-ħajt Il-karriera politika tiegħu bdiet meta nduna li fiż-Żejtun il-Partit Nazzjonalista ma kienx jeżisti