Illum previous editions

illum 12 April 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/494413

Contents of this Issue

Navigation

Page 15 of 35

16 illum | Il-Ħadd 12 ta' April 2015 Il-Punt ILBIERAĦ morna nivvutaw f 'referendum li kien ilu jinħema għal bosta snin. Min ivvota iva u min, bħali, ivvota le. Il-kaċċa fir-rebbiegħa hija (ma nabbużax nuża l-verb fil- passat) kwistjoni taħraq. Jien ngħid li kienet u se tibqa'. Naf li qed nissogra bl- ikrah nikteb b'dan il-mod l-għada li jista' jkun diġà nafu jew ma nafux ir-riżultat tar-referendum, iżda li jinteressani huwa x'se jiġri minn hawn 'il quddiem. Fejn sejrin minn hawn? Għandna biss żewġ xenarji x'nixtarru: rebħu l-kaċċaturi jew rebħu dawk li ma jridux aktar tajr jinqatel fl-istaġun tar-rebbiegħa. Nagħmlu sew nippruvaw nidħlu fiċ-ċpar li żgur se jibqa' jkun hemm idawwar il-kwistjoni kollha kemm hi. Lil Malta nafuha. Nafu kif ċerti kwistjonijiet li suppost ilhom li ġew deċiżi – indipendenza, ħelsien, il-lingwa, id-dnub il-mejjet, il-qtil politiku tal-innoċenti eċċ – għadna, b'xi mod jew ieħor, inħossu r-ruħ tagħhom tlum fuq sitwazzjonijiet li jinħolqu minn żmien għal żmien illum. Dan ifisser li l-giljottina tar-referendum niżlet ilbierah fuq ras jew oħra, imma d-dell tal-kwistjoni se jibqa' jkarkar fuq is-soċjetà tagħna fl-istil antipatiku Malti fejn kulħadd għandu raġun hu u mhux l-ieħor jew l-oħra. Ma rridx ngħid li d-deċiżjoni kuraġġjuża li jsir ir-referendum ma messhiex ittieħdet, għax hekk konna nkunu soċjetà ferm aktar dgħajfa milli attwalment aħna. Lanqas ma rrid ngħid li l-fatt li l-kwistjonijiet jibqgħu jkarkru tul l-għexieren tas-snin ikun qed inaqqas mill-merti demokratiċi li għandna bħala nazzjon. Dwar il-festi nazzjonali, pereżempju, kien hemm kompromess banali, imma realment sadd ħafna ħluq għal ħafna snin. Anzi jidher li dwar din il-kwistjoni resqin lejn deċiżjoni oħra li forsi tkun tirrifletti l-burdata tas-Seklu 21. Dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea wkoll għad baqa' tregħid iserrep mal-art u xi ċaqliq tal-linef imdendlin, imma l-verità hi li l-poplu Malti wera maturità enormi u, permezz tal-politiċi ewlenin, aċċetta u ħaddan id-deċiżjoni demokratika li ttieħdet fir- referendum tal-2003. L-istess jista' jingħad dwar iż-żwieġ ċivili lura fis-Snin 70, ir-referendum tad-divorzju, u issa l-liġijiet tal-unjoni ċivili u l-identità tal-ġeneru. Deċiżjonijiet ċari imma li xorta waħda jħallu tapit irqiq ta' rmied magħmul mid-dubju u l-oppożizzjoni ta' minoranza li għaliha l-progress donnu jfisser it-teħid lura tal-pajjiż lejn il-medjuevu. Jiġifieri jekk qegħdin naħsbu li dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa (għal xi wħud, jekk mhux ukoll il-kaċċa kollha kemm hi.) ilbieraħ kien hemm deċiżjoni finali, għallinqas fil-psike tal- Maltin u l-Għawdxin, sejrin imqarrqin. Ir-referendum huwa strument demokratiku iżda li jaqta' miż-żewġ naħat. Jekk ilbieraħ rebħu l-kaċċaturi, dawk li nstigaw ir-referendum issa se jbaxxu rashom u jaċċettaw darba għal dejjem li l-kwistjoni ndifnet? Niddubita sewwa. U jekk ilbieraħ rebħu dawk ta' kontra l-kaċċa (fir-rebbiegħa), l-kaċċaturi lesti li jaċċettaw ir-riżultat u jibdew jimxu mal-liġi kif trid tkun emendata? Niddubita daqstant. Il-kwistjoni se tibqa' tbaqbaq, daqqa fid-deher, u daqqa fil-ħabi. Il-punt tiegħi huwa li għalkemm il-pajjiż għadu kemm wettaq eżerċizzju mill-aqwa bħala parti mill-proċess demokratiku, l-partijiet direttament involuti issa jridu juru li jħaddnu sens akbar ta' responsabbilità u maturità biex ma nibqgħux aktar imwikkijin b'sitwazzjoni fejn qisu kulħadd għandu raġun u allajbierek ħadd m'għandu tort. Mil-lum, tikber il-ħtieġa tal-infurzar tal-liġi – 'l hemm jew 'l hawn. L-awtoritajiet, l-aktar il-pulizija, jridu jkunu għal lest biex jintervjenu kemm jekk ikunu l-kaċċaturi li ġew jaqgħu u jqumu mill- verdett tal-poplu, kif ukoll jekk "ta' kontra l-kaċċa" jibqgħu jippersistu fl-indħil fejn m'għandhomx jindaħlu, aktar u aktar bl-użu ta' barranin li qishom iridu jagħmlu minn Malta propjetà fewdali tagħhom. Għad jgħaddi ż-żmien twil u nkunu għadna nisimgħu u naqraw dwar il-kaċċa, favur jew kontra, iżda l-importanti għan-nazzjon finalment huwa l-fatt li kien hemm deċiżjoni u trid tiġi rispettata. Li d-dibattitu jkompli mhu se jweġġa' lil ħadd, anzi x'aktarx li maż- żmien jibda jdejjaq lil dak li jkun. Min minna llum ma jaqbadx u jaqleb l-istazzjon hekk kif jitfaċċa xi ħadd li għadu jitkellem fuq dnub mejjet, immoralità u ċensura mmuffata bħal dik li ftit aktar minn sentejn ilu naffret lill-awturi tagħna u n-nies tal-palk? U bieb il-Belt, it-teatru bla saqaf u l-binja tal-parlament il-ġdid? Issa hemm qegħdin. Bid-dibattitu dwarhom m'aħniex se nħottuhom, imma se jibqa' jkun hemm min jippersisti. L-istess dwar kull kontroversja nazzjonali li kellna s'issa mill-kwistjoni tal-lingwa fis-Snin 20 sal- lum. CHARLES FLORES Wara r-referendum FEJN SEJRIN MINN HAWN? L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl illum@mediatoday.com.mt Ittri Korruzzjoni mill-Poter? MICHAEL CAMILLERI BIRKIRKARA F'MARZU whistleblower minn Għawdex tefa dawl fuq attività ta' korruzzjoni organizzata li kienet finanzjata minn flus il- poplu. Ilmenta li ħafna xogħlijiet f 'każini, ħwienet, irziezet u djar privati madwar Għawdex, saru b'materjal tal-gvern minn ħaddiema tal-gvern u għas-spejjeż tal-gvern. Qal li r-raġel tal- Ministru kien protagonist f 'din l-attività. Mill-investigazzjoni li qed issir daħal tagħrif li l-ogħla uffiċjali taċ-ċivil f 'Għawdex intalab biex jirreżenja meta mar jgħarraf lill-Prim Ministru Gonzi b'dik l-attività. Ara sa liema livell kienet magħrufa bil- moħbi dik il-korruzzjoni organizzata, jekk din l-informazzjoni hi korretta. Bilfors nemmen li hija korretta sakemm ma' nismax għal liema raġuni oħra dak l-uffiċjal għoli kien fil-fatt irreżenja. Saħħaħt din il- fehma wara li tfaċċa t-tieni whistleblower li qed jgħid li ma ttiħdux passi meta kien għarraf lil Whip tal-PN David Agius b'każ tal-istess tip ta' attività. Issa nkixef ukoll li kważi sena ilu l-whistleblower kellem lil-Kap il-ġdid u saħansitra bagħat email lis- Segretarju Ġenerali preżenti tal-PN bid-dettalji ta' fejn u għal min saru x-xogħlijiet. Kif dawn qatt ma rrapurtaw dan il-każ ta' serq sfaċċat ta' flus il-poplu? Is-silenzju kien aktar profond minn hekk. Nirrabja meta nara li mill-kotra kbira tal-Għawdxin li kienu jafu bil-ħmieġ, ħadd ma tkellem xejn ħlief dak l-uffiċjal għoli li kien kellem lill-Prim Ministru f 'widintu. Ma niskanta xejn li l-pulizija ma sabu ebda traċċa ta' prova fl-uffiċini tad-dipartiment tal-gvern f 'Għawdex. Ċert li l-korrotti għamlu x-xogħol illegali bl-akbar attenzjoni li ma jħallu xejn li jista jġibhom legalment esposti. Veru klijenteliżmu tal-politiċi onesti tal-PN. Fin-nuqqas li jinstabu provi dokumentati, nemmen li xorta jistgħu jinbdew proċeduri kriminali fuq xhieda verbali ta' ħaddiema u klijenti li kienu nvoluti fl-attivitajiet. La jafu fejn saru x-xogħlijiet, il-pulizija jafu wkoll għal min saru u min ħadem fihom kif ukoll min ordnalhom biex jagħmlu x-xogħol. Jekk din mhix biżżejjed biex bil-provediment tal-atti l-ġodda tal-preskrizzjoni u tal-whistleblower jinħarġu akkuzi, allura dawn il-liġijiet ma jissodisfawx l-aspettattivi tal-eletturi u jeħtieġ li jkunu rtukkjati biex jingħalqu x-xquq li moħħhom, jiskappaw korrotti tal-poter li meta jħammġu jżommu sapuna legali fil-but, biex joħroġu jfuħu u jibqgħu jiddandnu bl-onestà politika. Il-poplu għandu dritt għal servizz ġenwin mid-deputati li jafda jirrappreżentawħ fil-parlament u obbligat jinsisti li ssir ġustizzja ma' dawk li jittraduh bil-poter li jafdahom. www.gourmettoday.recipes

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 12 April 2015