Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/494413
Il-Ħadd 12 ta' April 2015 | illum 19 K ważi ħames snin ilu, fl-14 ta' Novembru 2011, kont ktibt dawn il-kliem "Skont leġġenda urbana, il-Prim Ministru futur ta' Singapore, Lee Kuan Yew qatta' xi żmien hawn Malta sabiex jistudja t-tarznari tagħna. Kemm Singapore kif ukoll Malta wirtu tarznari Ingliżi minħabba li kienu bażijiet navali Imperjali importanti. Apparentement, il-konklużjoni ta' Lee Kuan Yew wara l-mawra tiegħu f 'Malta kienet li għandu jagħmel kollox il-kontra ta' kif kien qed isir f 'Malta. Ma nafx kemm din l-istorja hija minnha imma ċertament, iż-żewġ pajjiżi qabdu toroq diversi li taw riżultati ferm differenti." Lee Kuan Yew miet fit-23 ta' Marzu 2015 fl-età venerabbli ta' 91 sena u għalkemm, kien ilu li rriżenja minn prim ministru 25 sena, il-mewt tiegħu qanqlet emozzjonijiet kbar f 'Singapore. Folol damu sa tmien sigħat jistennew ħalli jsellmu l-katavru tiegħu qabel ma sar il-funeral tiegħu fid-29 ta' Marzu 2015. Imma anke madwar id-dinja, l-mewt ta' Lee Kuan Yew m'għaddietx qisu mhu xejn u bosta kienu dawk li tkellmu dwar il-ħajja u karriera ta' dan il- bniedem straordinarju li mhux biss sawwar is-sisien ta' Singapore moderna imma anke kellu influwenza qawwija lil hinn mill-pajjiż żgħir tiegħu. Kissinger kien stqarr li Lee huwa l-aktar persuna li qatt tgħallem minnha. Mill-banda l-oħra, meta kien qed isawwar ir- riformi fiċ-Ċina, Deng Hsiao Ping, li bħal Lee u Sun Yat-Sen, il-fundatur tar- Repubblika taċ-Ċina, kien membru tal- minoranza Ħakka li hija kkonċentrata fil-lbiċ taċ-Ċina u f 'Taiwan, ħares b'attenzjoni kbira lejn il-mudell ta' Singapore. Tant li bagħat 22,000 uffiċjal Ċiniż biex jistudjawh u jimplimentawh fiċ-Ċina wara il-mewt ta' Mao u l-waqgħa tal-klikka tal-Erbgħa. Fiex kien jikkonsisti l-mudell ta' Singapore? Singapore taħt Lee ħaddnet bla tlaqliq il-kapitaliżmu imma mhux il-valuri tad-demokrazija liberali li ntgħaġnu fil-punent meta ssawwar il-kapitaliżmu. Fid-demokraziji tal- punent, il-valuri liberali bħal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, tal- assoċjazzjoni eċċ jmorru id f 'id mal- kunċett ta' suq ħieles. Forsi Singapore kien l-ewwel post li sawwar mudell li għalkemm kien iħaddan il-libertà ekonomika bl-aktar mod assolut, kien pjuttost miġbud fejn tidħol il-libertà politika. Illum minn dawn il-postijiet għandna bosta: sa ċertu punt, ir- Russja u ċertament iċ-Ċina u Dubai biex nagħtu xi eżempji. It-tama hi li l-libertà ekonomika f 'xi ħin jew ieħor tagħmel il-wisgħa għal-libertà politika kif għamlet f 'bosta pajjiżi ewropej fis- seklu dsatax u kif għamlet riċentement, l-Ungerija meta ħarġet mill-fosdqa tal-ekonomija statali. Bħalma hu l-każ fiċ-Ċina u l-Vjetnam illum, il-partit komunista ungeriż kien żamm il- monopolju tal-poter għalkemm telaq ir-riedni minn fuq l-ekonomija. Dan il-proċess dam sejjer sakemm wasal punt fejn il-kontradizzjonijiet fis- sistema kienu wisq lampanti u l-partit komunista tilef ukoll il-monopolju tal-poter. Il-libertà ekonomika pprattikata f 'Singapore ma fissrietx li l-istat abdika mir-responsabilitajiet tiegħu, anke dawk ekonomiċi. Fil-fatt, l-istat baqa' presenza kostanti u importanti fl- iżvilupp ekonomiku. U dan ma setax jonqos meta wieħed jiftakar li llum Singapore għandha populazzjoni ta' kważi 5.5m ppakkjati f '718 km kwadru ta' art (sabiex nieħdu idea Malta fiha 316km kwadru imma għandha populazzjoni ferm anqas). L-istat bil- fors kellu jintervjeni sabiex jassigura li jkun hemm djar biżżejjed għal dawn il-ħlejjaq kollha. Imma mhux biss : sistema ta' tifdil sfurzat għenet sabiex jiġi akkumulat il-kapital tant meħtieġ fl-ewwel snin ta' indipendenza u sabiex jassigura pensjoni adekwata lil min jirtira mix-xogħol. L-istorja ta' Lee Kuan Yew u ta' Singapore moderna huma prattikament l-istess. Twieled fl-1923 ġo familja ta' Ċiniżi li kienet diġà xi tlett ġenerazzjonijiet issettiljata fil-port li Sir Thomas Stamford Raffles waqqaf fl-1819. Singapore hija gżira li tinsab fl- istrett li jaqsam il-peninsula Malajana fit-tramuntana mill-gżejjer li llum jiffurmaw l-Indoneżja fin-nofsinnhar. L-Ingliżi użaw din il-gżira kemm għal skopijiet ta' kummerċ kif ukoll bħala bażi navali mportanti. Lee Kuan Yew kien dejjem ferm kompettiv : fl-1939 ġie l-ewwel fl- eżamijiet tas-Senior Cambridge mill- Malaya kollha u kien destinat li jmur jistudja l-Ingilterra kieku ma faqqgħetx il-gwerra. Lee daq il-brutalità ta' l-okkupazzjoni ġappuniża meta l-Ingilterra ċediet il-fortizza tagħha fil-15 ta' Frar 1942 u kellu xorti li ma nqatielx. Matul il-gwerra, kien jaħdem mal-aġenzija tal-aħbarijiet ġappuniża u anke tgħallem il-ġappuniż. Lee Kuan Yew wara qal li meta l-Ingilterra ċediet Singapore kien l-agħar jum ta' ħajtu u rrealizza li Singapore ma setgħetx aktar tistrieħ taħt l-umbrella ngliża. Il-brutalità ġappuniża ukoll nislet fih is-sens li Singapore kellha toqgħod fuq saqajha. Imma l-viżjoni ta' Singapore indipendenti damet ma tnisslet. Wara l-gwerra, Lee Kuan Yew mar jistudja l-London School of Economics fl-1946 imma kien qed jimmira aktar fl-għoli u wara mar Cambridge fejn iggradwa fl-1949 fil-liġi b'double-starred first class honours kif għamlet ukoll il- mara tiegħu ta' sittin sena, Kwa Geok Choo. Fl-awtobijografija tiegħu, "The Singapore Story", l-ewwel darba li tkellem dwar martu kien meta hija għaddietu fl-eżamijiet tal-Ingliż u l-ekonomija. Fl-Ingilterra, involva ruħu fil-politika u kkampanja mal-Partit Laburista. Meta rritorna Singapore fl-1950, kien diġà jaf li ħajtu ma kinetx ser tkun biss fil-qasam legali. Madanakollu, il-professjoni legali servietu sew lil Lee Kuan Yew għax sar populari bid-difiża li kien jagħmel ta' trejdunjonisti u politiċi li l-Ingliżi kienu jressqu l-qorti fiż-żminijiet aġitati tas-snin ħamsin. L-oratorija ta' Lee Kuan Yew għenitu ferm biex jikkonvinċi l-ġurijiet imma ironikament, meta kellu l-poter f 'idejh, abolixxa l-ġurijiet għax kien iħoss li ġurijiet ikunu wisq influwenzati mill-emozjonijiet mentri l-imħallfin, li jinħatru mill-gvern, ikunu aktar kliniċi. Fl-elezzjoni tal-1959, il-People's Action Party li Lee kien waqqaf rebaħ l-ewwel elezzjonijiet tas-self- government u Lee baqa' prim ministru ta' Singapore 31 sena sħaħ sal-1980, ministru sal-2011 u deputat sal-mewt. Madankollu, fil-bidu, Lee ma kienx jemmen li Singapore tista' tkun nazzjon indipendenti u kkampanja għall- għaqda mal-Malaja. Eventwalment, Singapore ħa l-indipendenza mir-Renju Unit fil-31 t'Awwissu 1963 u ħmistax wara ngħaqad mal-Malaya, Sarawak u Borneo fil-Federazzjoni tal-Malasja minkejja opposizzjoni f 'Singapore għal din l-għaqda. Naħseb li l-qarrej jista' diġa jinnota diversi paralleliżmi bejn il-karriera ta' Lee Kuan Yew u tal-mexxej malti Dom Mintoff u speċjalment fir-rigward tal-politika ta' Mintoff ta' integration ma' pajjiż akbar minna. Imma anke l-politika ta' integration ta' Lee kienet destinata li tfalli għax sentejn biss wara, Lee ħabbar bid-dmugħ f 'għajnejh fuq it-televiżjoni li Singapore tkeċċiet mill-Federazzjoni Malasjana. Singapore spiċċat waħedha f 'ambjent ma tantx feliċi. Il-provvista tal-ilma kienet tiddependi totalment fuq il-Malasja u l-Indonesja kellha atteġjament ferm aggressiv fil-konfront ta' Singapore u l-Malasja. Fl-istess ħin, l-Ingilterra kienet qed tnaqqas il-preżenza navali tagħha fl-Asja u dan kien ifisser "rundown" fil-faċilitajiet navali, sitwazzjoni li hija għalina familjari ukoll. Huwa l-mod kif Lee issupera l-isfidi li pajjiżu kellu fl-1965 li poġġewh fil-pantheon ta' l-istatisti moderni, tant li ġie deskritt bħala l-ewwel statista globali. Irnexxielu jgħaddad il-bosta gruppi etniċi li jikkomponu d-demografija ta' Singapore, jiġifieri ċ-Ċiniżi li huma tlett kwarti tal- populazzjoni, il-Malajani (13%) u l-Indjani (9%) f 'soċjetà multi-etnika li bażikament tgħix fil-paċi. Barra minn hekk, Singapore irnexxielha tilħaq livell tal-għixien impressjonanti. Fl-1965, il-Prodott Gross Domestiku per capita ta' Singapore kien daqs tal-Malażja u ferm anqas mill-Amerika u l-Ġappun. Fl-2011, skond il-Bank Dinji, il-PGD reali per capita f 'Singapore ikkalkulat bil-metodu magħruf bħala purchasing- power parity kien $50,000 mentri fl- Amerika kien ta' $42,000, f 'Hong Kong €38,000, fil-Ġappun u f 'Malta $30,000 u fil-Malasja $13,000. Singapore huwa regolarment meqjus bħala wieħed mill-aktar pajjiżi fejn huwa faċli li tagħmel in-negozju u fejn m'hemmx koruzzjoni (Lee kien jemmen li l-ministri u l-politiċi għandhom jitħallsu tajjeb imma ma kienx jiddejjaq jagħmel eżempju minn min jiżgarra). Imma l-mudell ta' Singapore m'huwiex xi utopija : il-prezz tas-suċċess ekonomiku kien tnaqqir sostanzjali tad-demokrazija parlamentari tant li fl-aħħar elezzjoni tal-2011, il-partit ta' Lee rebaħ 81 minn 87 siġġu minkejja li kull ma ġab 60% tal-voti. L-oppożituri ta' Lee spiss spiċċaw il-ħabs jew tilfu kawżi ta' libell li sarulhom bir-riżultat li fallew. Kienet dina d-dikotomija bejn libertà ekonomika u klima politika kkontrollata li tant appellat lil Deng Hsiao Ping. Wieħed irid jara kemm iċ-ċittadini ta' Singapore, li llum hija mmexxija minn ibnu, ser jibqgħu jissagrifikaw il-libertà personali tagħhom minkejja l-ġid ekonomiku li jgawdu. Forsi l-aħħar paralleliżmu li wieħed jislet bejn Lee u Mintoff u bejn Singapore u Malta hu dak li ġara wara mewthom. Blogger adoloxxenti li kkritiha l-wirt ta' Lee f 'videoblog ġralu bħal ħafna kritiċi ta' Lee qablu, ġie arrestat. Igħata l-libertà proviżorja bil-kundizzjoni li ma jikkummentax pubblikament sakemm tinqata' s-sentenza u jista' jeħel sa tlett snin ħabs. F'Malta ukoll kellna blogger li kienet pjuttost kritika ta' Mintoff wara mewtu b'mod li wieħed jista' jsejjaħlu irriverenti imma ma ġralha xejn. Meta nitkellmu b'ammirazzjoni fuq il- mudell ta' Singapore (u wisq aktar fuq dak ta' Dubai) irridu nitfgħu kollox fil- keffa. Il-valuri Konfuċjani li jenfasizzaw l-edukazzjoni, id-dixxiplina u r-rispett lejn il-ġerarkija huma sbieħ imma dawn m'għandhomx ikunu għad-detriment tal-valuri universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, frott id- demokrazija liberali. Possibilment dan il-bilanċ huwa l-akbar sfida li Lee ħalla lil Singapore wara mewtu. Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph L-Ewwel Statista Globali JOE ELLIS Lee Kuan Yew - bniedem ta' ħajja u karriera straordinarja