Illum previous editions

illum 17 May 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/513063

Contents of this Issue

Navigation

Page 13 of 35

14 illum | Il-Ħadd 17 ta' Mejju 2015 K ont ili aktar minn sena ma niltaqa' mal- Perit Karmenu Vella magħruf aktar bħala l-'Guy' iżda jien nafu meta kien involut l-Football maż-Żurrieq u anke qabel. Għalhekk meta għamilt kuntatt mal-uċċju tiegħu l-Kummissjoni Ewropea Brussell, kien hu li ċempilli u tani appuntament biex niltaqgħu. Ġejt milqugħ b'tgħannieqa mill-Kummissarju, li Brussell hu personalità mill-aktar għolja u rispettata - fejn anke l-membri Parlamentari Ewropej iħarsu lejn il- Kummissarji Ewropej bħala persuni li jgħollu l-livell ta' kull laqgħa meta jkunu preżenti huma. Ħafna mill- assistenti tal-Membri Parlamentari, anke dawk Maltin, qaluli li qatt ma rnexxielhom jiltaqgħu miegħu u kollha xtaqu li jagħmlu dan. Iżda Karmenu Vella hu persuna mill-aktar fabbli u mhux talli laqgħani fl-uffiċju mill-isbaħ tiegħu fil-bini tal-Kummissjoni il-Berlaymont, talli dik li kellha tkun intervista ta' tliet kwarti spiċċat f 'parlata ta' 'l fuq minn sagħtejn. Tkellimna fuq kollox, fuq politika, futbol Malti, fuq iż-Żurrieq u fuq il-Kummissjoni Ewropea u dwar ir-rwol tiegħu bħala Kummissarju. Irnexxieli wkoll nattendi għal konferenza li mexxa dwar l-ekonomija l-blu, fejn kellu diskors brillanti. Ir- rappreżentant Taljan Roberto Ferrigno tad-WWF laqgħu bħala nifs ġdid għall- ambjentalisti u kellu kliem ta tifħir għal mod kif kien qed imexxi 'l quddiem l-ambjent fil-Parlament Ewropew, speċjalment dak marittimu. Fil-fatt fil-kurituri tal-Parlament Ewropew kien hemm kliem sabiħ dwaru fejn qalu li dan hu l-aktar Kummissarju tal-Ambjent li qatt intlaqa' tajjeb mill- ambjentalisti. Wieħed irid jifhem ukoll li Karmenu Vella bħala Kummissarju, għalkemm hu Malti, ma jirrappreżentax lil Malta. B'hekk ma setax jitkellem wisq fuq Malta iżda fuq dak kollu li jolqot lill- Ewropa kollha. L-ewwel ħaġa li staqsejtu kien x'differenza jara mill-politika Maltija u dik Ewropea wara 38 sena fil- Parlament Malti - "Hemm xi differenzi. Żgur li hi inqas polarizzata, u żgur li m'hawnx il-politika partiġġjana bejn il-kummissarji. Hawnhekk il-kummissarji huma naturalment responsabbli għall-oqsma rispettivi tagħhom, iżda naħdmu wkoll f 'tims." "Kull kummissarju jiġi minn sistema politika differenti, madankollu hemm l-għanijiet ewlenin li jgħaqqduna fil- ħidma tagħna. Tabilħaqq magħqudin fid-diversità." Kompla jgħidli wkoll li jkollhom kuntatt dirett ma' dawk li l-politika tagħhom taffetwahom, "Organizzazzjonijiet Non-Governattivi (NGOs), għaqdiet rappreżentattivi u l-bqija. F'dawn il-laqgħat hemm it-trasparenza. Bħala kummissarju per eżempju, kemm jien kif ukoll il-membri tal-kabinett tiegħi nistgħu niltaqgħu biss ma' għaqdiet, NGOs jew entitajiet li isimhom jidher f 'dak li jissejjaħ ir-Reġistru ta' Trasparenza. "Iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-għanijiet tal-politika, kemm Maltija kif ukoll dik Ewropea huma l-istess – aktar impjiegi, tkabbir ekonomiku, investiment u l-bqija." Ma stajtx ma nistaqsihx dwar l-ambjent ta' pajjiżna fejn il-Gvern Laburista qed jiġi bbumbardjat mill-ambjentalisti dwar li hu orjentat aktar lejn l-iżviluppaturi fuq siti sensittivi - "Dan suġġett lokali. Jien Kummissarju għall-EU nominat minn Malta u mhux Kummissarju għal Malta. L-ambjentalisti u l-għaqdiet li jirrappreżentawhom, xogħlhom hu li jiġbdu l-attenzjoni tagħna fejn jaħsbu li jistgħu jitjiebu l-affarijiet." Karmenu Vella qalli li fil-fatt ma tantx ikollu kuntatt regolari mal-Prim Ministru, "Naturalment xogħli jeħtieġ ukoll lil minn żmien għall-ieħor nitkellem mal-ogħla awtoritajiet ta' pajjiż. Kelli okkazjoni niltaqa' xi drabi mal-PM, kif ukoll ma' Maltin oħra, iżda dan is-suġġett qatt ma ttella' jew ġie diskuss. Din mhux materja tal-UE." Mela allura x'inhi l-politika tal- ambjent tal-Unjoni Ewropea? "L-UE tieħu l-ambjent bis-serjetà ħafna. L-acquis ambjentali huwa vast ħafna u jkopri diversi setturi u attivitajiet. L-UE hija mexxejja fuq livell globali u qed taħdem ħafna biex ikun hemm aktar implimentazzjoni kif ukoll żvilupp sostenibbli. Il-politika tal-ambjent tal-UE, li jien responsabbli għaliha hi waħda li ċ-ċittadini Ewropej jirrelataw ħafna magħha għaliex għandha impatt fuq il-ħajja tagħhom ta' kuljum. Fil-fatt, fir-rapporti maħruġin mill- Eurobarometer minn żmien għal żmien, l-ambjent jidher dejjem fost l-aktar tliet politiki relevanti għaċ- ċittadini Ewropej." Mill-ambjent qbadtlu fuq is-sajd fejn bla dubju s-sajjieda Maltin huma inkwetati fuq is-sajd tat-tonn u l-kwota li għandhom."L-interess tal-Kummissjoni fil-qasam tas-sajd huwa li jkun hemm sajd sostenibbli. It-tonn hija speċi fejn kien hemm problema. Huwa għalhekk li kellhom jiġu stabbiliti kwoti għat-tonn. Dawn il-kwoti ma jiġux stabbiliti mill-UE, iżda jiġu rrakkomandati mill-ICCAT (Il-Kummissjoni Internazzjonali għall- Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku) abbażi tat-tagħrif xjentifiku l-aktar riċenti li tkun ġabret dwar l-istat ta' din l-ispeċi. Din is-sena il-kwota żdiedet" qalli l-Kummissarju. Nisimgħu ħafna b'sajjieda jgergru u jeqirdu li mhux qed jiġbru fondi biżżejjed jew inkella li x-xogħol tagħhom sejjer lura. Karmenu Vella qalli li s-sajjieda Maltin għandhom l-istess aċċess għall-informazzjoni li tinsab fis-sit elettroniku tal- Kummissjoni bħalma għandhom is-sajjieda kollha fl-Istati Membri tal-Ewropa. "Barra minn hekk isiru numru ta' laqgħat, anke Malta minn xi entitajiet Maltin, fejn jiġi spjegat x'jista' jsir b'dawn il-fondi u x'inhu l-proċess. Naturalment, qatt mhu biżżejjed. Iżda nemmen li hemm ħafna interess mis-sajjieda f 'dan it-tip ta' tagħrif. Fuq nota ġenerali, Malta hija fost l-aqwa mill-pajjiżi f 'dak li jirrigwarda l-użu tal-fondi Ewropej. Ta' min ifakkar li fondi li ma jintużawx tajjeb jittieħdu lura." Il-Kummissarju Vella hu l-persuna li bħalissa qed jippromwovi l-istrateġija għat-tkabbir blu – jiġifieri li l-enerġija tibda tittieħed mill-baħar. Minkejja li 70% mid-dinja hi magħmula mill- baħar, aħna għall-enerġija nieħdu mit- 30% li baqa' jiġifieri mill-art. Karmenu Vella hu l-ixprun li qed imexxi l-idea ta' tkabbir blu, li l-ambjentalisti jagħżlu li jsejħulha Ekonomija Blu. Kull sena l-Ewropa tonfoq €400 biljun fi fuel li jrid jinġieb minn reġjuni xejn stabbli. Għalhekk Vella jemmen li enerġija mill-baħar hi dak li jmiss u skont hu jrid li l-Parlament Ewropew jkollu vuċi soda f 'dan ir-rigward. Jemmen ukoll fl-akwakultura - fejn l-Unjoni Ewropea qed tgħin lill-membri tagħha sabiex jiżviluppaw din l-industrija ħalli s-sajd jkun sostenibbli. "Tassew li l-Unjoni Ewropea qegħda tagħti ħafna importanza lil tkabbir blu. Fil-fatt dan hu qasam li jaqa' direttament taht ir-responsabilità tiegħi u li qiegħed nagħtih ħafna importanza. Hemm ħafna potenzjal li għad irid jiġi esplorat u anke skopert. Il-tkabbir blu huwa suġġett ta' relevanza kbira għal Malta, li jolqotha direttament. M'hemmx dubju li f 'Malta hemm ħafna attivitajiet ekonomiċi li huma blu u li jiddependu fuq jew inkella jinvolvu attività fil- baħar. Nistgħu nsemmu l-cruises, ix- shipping, cargo handling, transhipment u l-bqija. M'hemmx dubju li dan huwa settur ta' importanza kbira għal Malta. "Fil-Kummissjoni bħalissa għaddejja wkoll ħidma fuq l-governanza tal- oċeani – ser titnieda konsultazzjoni pubblika f 'Ġunju waqt konferenza li ser inkun qed nindirizza fil-Portugall imbagħad ser nipparteċipa wkoll fil-Laqgħa Għolja tal-Oċeani li ser isir fic-Ċili f 'Ottubru. Għaddejjin ukoll b'diskussjonijiet maċ-Ċina." Għadek tisma' nies anke f 'Malta li ma jħossuhomx Ewropej u għalhekk staqsejt lill-Kummissarju jaħsibx li ċ-ċittadin iħossux qrib l-Ewropa, inkella jekk l-Ewropa hux viċin iċ-ċittadin (ħudha minn liema naħa trid). Karmenu Vella b'konvinzjoni qalli li jemmen li ċ-ċittadin Ewropew iħossu li parti mill-Ewropa. Is-Sibt li għaddha ċċelebrajna Jum L-Ewropa li jfakkarna f 'dak li ħafna jqisu l-bidu veru tal-proġett Ewropew. "Jiġifieri l-amalgamar tal-industriji tal-faħam u l-azzar ta' Franza u tal-Ġermanja fl- 1950. Dik id-deċiżjoni tatna benefiċċji li 65 sena ilu, lanqas il-persuni l-iktar ottimisti ta' dak iż-żmien ma kienu jobsruhom. Dawn il-benefiċċji, li ilhom disponibbli għal Malta għal dawn l-aħħar 11-il sena, żiedu l-prosperità tagħna, żiedu s-sigurtà tagħna u taw lill-Ewropa podju ekonomiku globali." Kollox qed jindika li f 'Malta hawn rekord negattiv f 'dak li hu ambjent u fl-istess ħin Juncker taha d-dekasteru tal-ambjent lil Malta. Dan ifisser li kien xi tip ta' messaġġ mill-Ewropa biex Malta tieħu aktar ħsieb l-ambjent? Karmenu weġibni li min jaħseb hekk għandu żball enormi għax, "Malta m'għandhiex rekord ħażin u tinsab fost dawk il-pajjiżi li għandhom l-inqas numru ta' ksur ta' liġi." Malta m'għandhiex rekord ħażin fl-ambjent u tinsab fost dawk il-pajjiżi li għandhom l-inqas numru ta' ksur ta' liġijiet John Busuttil illum@mediatoday.com.mt Meqjus bħala nifs ġdid Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 17 May 2015