Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/513063
8 illum | Il-Ħadd 17 ta' Mejju 2015 PERESS li 67 sena ilu ma kienux iseħħu serqiet, jew aħjar hold-ups, kbar bħalma seħħ nhar il-Ħamis, 22 ta' April 1948, il-poplu Malti kien ħerqan biex ikun jaf sal-iċken dettal dwar kif seħħ il-każ kif ukoll x'ġara fil-jiem ta' qabel kif ukoll fil-jiem ta' wara. Għaldaqstant meta fil-Qorti kien imissu jixhed wieħed mill-ħallelin li ngħata l-proklama biex jgħid il- verità kollha, l-istennija kienet waħda kbira. Ix-xhieda ta' Ġanni Buttigieg Qabel ma Ġanni Buttigieg beda jixhed, il-prosekutur qara l-mandat tal-Gvernatur ta' Malta li bih Buttigieg ingħata din l-immunità. Ix-xhud beda biex qal li xi tliet xhur qabel il-każ huwa kien iltaqa' mal-akkużati Ġeraldu Cassar, Salvu Fenech u Manwel Cardona ħdejn l-Għammieri biex jifthemu dwar is-serqa. Buttigieg qal li wara kienu reġgħu ltaqgħu fil-Marsa, fil-Ħamrun kif ukoll Ħaż-Żebbuġ. Fl-ewwel laqgħa li kellhom intqal x'kienu se jagħmlu bil-flus wara s-serqa. Ġanni Buttigieg qal li skont il- pjan dawn kellhom imorru fir-razzett ta' Salvu Fenech fil-limiti ta' Ħaż-Żebbuġ u flimkien ma' Ġeraldu Cassar, hu kellu jmur għall- karozza Studebaker għand Lippu Tanti f 'Ħal Luqa. L-armi kellu jieħu ħsiebhom Manwel Cardona li ġarrhom fil-karozza tiegħu sal-Blata l-Bajda. Buttigieg qal li l-armi tpoġġew fil-karozza li fiha kienu qed jistennew it-trakk. Ix-xhud żied jgħid li Cardona baqa' sejjer il- Belt biex meta t-trakk ikun telaq minn ħdejn il-bank imur javżahom. Buttigieg kompla jgħid li dan kollu sar skont kif kien ippjanat u kif Cardona wasal il-Blata l-Bajda, rikeb fil-karozza magħhom. Dwar it-tabella li kellha titpoġġa biex jitwaqqaf it- traffiku, Buttigieg qal li din kellu jieħu ħsiebha Ġużeppi Cachia u x-xhud kompla jgħid li l-flus misruqin kellhom jinqasmu bejnu u bejn il-ħames akkużati. Ftehim ieħor sar qabel is- serqa kien li jiġri x'jiġri wara s-serqa, ħadd minnhom ma kellu jitkellem u ma jikxfux lil xulxin. F'aktar xhieda Buttigieg qal kif hu u Ġeraldu Cassar kienu marru Ħal Luqa għall-karozza u ma sabux iċ-ċavetta. Issemma' wkoll l-inċident li kien hemm bejn sid il-karozza, Lippu Tanti, u l-akkużat Cassar għax meta dan tal-aħħar talab iċ- ċavetta, Tanti qallu - "Mela tridx tħalluha ħej." Skont Buttigieg il-ħallelin telqu mill-Marsa għall-ħabta tal-9.45am fejn qagħdu jistennew u l-karozza kien saqha Cassar bix-xhud Buttigieg ipoġġi ħdejh. Fuq in-naħa ta' wara kien hemm Cardona u Fenech. Kien hawn li tqassmu l-armi u Cassar ħa revolver bi tliet balal, Salvu Fenech ħa l-machine gun, Cardona kellu revolver ukoll u hu (Buttigieg) ħa revolver awtomatiku, imma mingħajr munizzjon. Buttigieg qal li matul it-triq huwa poġġa ċarruta ħadra ma' wiċċu, filwaqt li Fenech għamel maktur, Cardona għatta wiċċu b'gazzetta u Cassar m'għamel xejn, imma kellu nuċċali tax-xemx skur. Ix-xhud qal li kien hu li qal lis-sewwieq tat-trakk "stop the car" filwaqt li ppuntalu revolver. It-trakk waqaf minnufih u l-karozza li kienu fiha waqfet quddiemu. Imbagħad hu u Fenech ħarġu armati mill- karozza u marru għan-nies li kienu rikbin fin-naħa ta' wara tat-trakk u ordnawlhom biex ma jiċċaqalqux. Meta wieħed minnhom ħareġ il-bajjunetta, wieħed mill- ħallelin li kellu l-arma ippuntata lejh u qallu – "put it down." Fl-istess ħin, qal Buttigieg, Ġeraldu Cassar u Manwel Cardona, b'revolver f 'idejhom, marru għan- nies li kienu fuq quddiem tat-trakk u kif dawn niżlu kienu ordnati joqogħdu mal-oħrajn. Imbagħad Cassar tela' fit-trakk u t-tlieta l-oħrajn rikbu fuq in-naħa ta' wara u ħallew il-karozza li marru biha fuq ix-xena tar-reat. Skont Buttigieg, ir-rotta li ħadu wara li wettqu s-serqa kienet l-ewwel għall-pjazza ta' Raħal Ġdid, in-niżla taċ-Ċimiterju ta' Marija Addolorata u minn hemm għal Ħaż-Żebbuġ, fejn ħbew il-flus. Ix-xhud stqarr li għal xi ħin baqa' għassa mal-flus, imma wara telaq lejn id-dar u miegħu ħa l-inċirata tax-xita li kien liebes, par ingwanti sofor, ir-revolver u ċ-ċarruta ħadra li għamel ma' wiċċu waqt is-serqa. Buttigieg semma' wkoll li meta aktar tard dakinhar kien rah Salvu Fenech dan qallu – "Kemm int raġel!" u hu wieġbu – "Mela noqgħod hemm biex jaqbdu lili." Wara din ix-xhieda twila ta' Buttigieg bdew isirulu l-mistoqsijiet mill-avukati difensuri. Buttigieg ċaħad li kien hedded lil Karmnu Bezzina, dak li kien avviċinat biex jieħu sehem fis-serqa, illi jekk jitkellem itajjarlu rasu. Buttigieg ċaħad ukoll li kien hedded lil sid il-karozza li ntużat fis-serqa. Jixhed sid il-karozza wżata Il-Pulizija jfittxu f'wieħed mill-bjar Is-Serqa tal-Pagi tat-Tarzna fl-1948 – ir-raba' parti Stennija kbira għax-xhieda tal-ħalliel