Illum previous editions

illum 5 july 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/537303

Contents of this Issue

Navigation

Page 28 of 35

Il-Ħadd 05 ta' Lulju 2015 | illum 29 SPORTSillum Rebecca Camilleri tkompli tibrilla bħala waħda mill-aqwa atleti ta' kull żmien LATLETA Maltija, Rebecca Camilleri, kompliet tikkonferma lilha nnifisha bħala waħda mill- aqwa atleti li qatt ipproduċiet l-atletika f 'pajjiżna, billi kisbet riżultati mill-aqwa kemm fil- Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-Islanda, kif ukoll fil-Logħob Ewropew li saru f 'Baku fl- Azerbajġan, billi kisbet żewġ midajli tal-fidda ferm prestiġjużi. Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma' Rebecca Camilleri nnifisha, propju ftit wara li rritornat mil-Logħob Ewropew f 'Baku, fejn bħas-soltu kienet ferm disponibbli għalina u tatna dawn il-kummenti ferm dettaljati: "Hekk kif ninsab biss ftit jiem wara li rritornajt mil-Logħob Ewropew f 'Baku, ninsab inħares lura lejn l-istaġun 2014/15 li għadu kif intemm, bix-xogħol intensiv li kien jinkludi, l-isfidi, il-fallimenti u s-suċċessi fost l-oħrajn. Dan kollu jġib tbissima kbira fuq xuftejja. Matul dan l-istaġun l-għarus tiegħi Federico Gorrieri, baqa' jinsisti miegħi biex ma naqtax qalbi u nibqa' niġġieled qatigħ, għax fit-tmiem tal- istaġun, kont se naħsad il-frott wara tant taħriġ u sagrifiċċji. M'hemmx għalfejn ngħid li huwa kien tabilħaqq korrett u kellu raġun 100%. B'għajnuna enormi min-naħa ta' Federico, f 'din l-aħħar sena tal-PhD, fejn kelli wkoll part time job, hekk kif kont qed ngħallem l-Ingliż, nitħarreġ sitt darbiet fil- ġimgħa u flimkien mal-għarus tiegħi, qegħdin nippjanaw għaż- żwieġ tagħna, irnexxieli nilħaq it-tragwardi tiegħi u nesperjenza mumenti indimentikabbli flimkien ma' Federico u l-atleti sħabi, fejn għal darb'oħra kkompetejt għal Malta f 'żewġ kompetizzjonijiet prestiġjużi: Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-Islanda, kif ukoll fil-Logħob Ewropew fl-Azerbajġan. Se nibda bl-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saret fl-Islanda li kienet ikkaraterizzata minn kesħa tremenda! Il-kundizzjonijiet klimatiċi sfortunatament ma kinux favorevoli għall-atleti. Dan hekk kif it-temperaturi niżlu għal bejn l-4 u l-5 Gradi Celcius, u għalhekk il-Maltin kienu żvantaġġjati, minħabba li aħna mdorrijin ngħixu fi klima sħuna. Madankollu t-tim Malti kellu wirja inkredibbilment tajba u ta prova assoluta tal-abilità u d-determinazzjoni tiegħu. Ħallejt dik il-kompetizzjoni bir-rebħ ta' midalja tal-fidda madwar għonqi fil-Long Jump, b'qabża ta' 6.15m. Id-distanza ma kinitx waħda li kont ħerqana għaliha, iżda, f 'temperatura ta' 4 Gradi Celcius, ma kontx naf x'kelli nistenna! F'dak il-punt kont qed nittama biss, li noħroġ minn din il-kompetizzjoni, mingħajr ma nweġġa'! L-atleta mill-Islanda għelbitni biex rebħet il-midalja tad-deheb fit-trakka ta' pajjiżha, b'qabża rispettabbli ta' 6.50m. Inqas minn ġimagħtejn wara, bħala tim Malti sibna lilna nfusna f 'Baku fl-Ażerbajġan f 'temperatura ta' xejn inqas minn 35 Degrees Celcius. M'hemmx dubju li hawnhekk sibna kundizzjonijiet iktar favorevoli għalina l-atleti Maltin. Kont determinata u kunfidenti li nagħti l-aħjar wirja tiegħi, li nieħu gost b'kull mument, u li nakkwista l-iktar punti possibli għat-tim tiegħi. Il-livell f 'Baku kien iktar għoli minn dak tal- Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-Islanda, b'pajjiżi bħas-Slovakkja, l-Awstrija, l-Iżrael u ħafna iktar jieħdu sehem. Kont naf li kellha tkun sfida għalija, iżda ikbar mhi l-isfida, ikbar huwa l-premju. Il-kompetizzjoni li ħadt sehem fiha f 'Baku nhar it-Tnejn 22 ta' Ġunju kienet waħda mill-iktar kompetizzjonijiet eċitanti fit-18-il sena tiegħi, li ili nikkompeti fl- atletika. 13-il atleta ħadu sehem fil-kompetizzjoni tal-Long Jump, f 'dik li kienet ġurnata verament sħuna. Konna lkoll qed inħossuna determinati, madankollu s-sħana kienet qed tagħmel il-parti tagħha fuq kull atleta. Fit-tieni qabża tiegħi assigurajt it-tieni post b'qabża ta' 6.11m, waqt li wara l-ewwel tliet rounds, kienet fuq quddiem l-atleta mill-iSlovakkja b'qabża ta' 6.21m. Kont naf li din kienet qabża fil-limiti tiegħi, iżda kelli biss qabża waħda biex nipprova nilħaqha. Fir-raba' u l-aħħar round, l-atleta Awstrijakka li kienet tinsab fit- tielet pożizzjoni qabżitni b'qabża ta' 6.18m! F'dan il-punt waqajt fit-tielet pożizzjoni u kien fadal qabża waħda biss, u li kienet l-aħħar waħda tiegħi fil-Logħob Ewropew. Il-pressjoni kienet waħda għolja! Għamilt l-isforz u l-almu tiegħi kollu; il-folla kienet warajja 100%, u fl-assenza ta' riħ li kellu jiffavurixxini, ipproduċejt qabża li kienet l-aħjar waħda tal- istaġun - dik ta' 6.38m - 3 ċentimetri biss inqas mill-aqwa qabża tiegħi li rnexxieli nagħmel f 'Malta, matul is-sena li għaddiet fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika. Din il-qabża ta' 6.38m wasslitni għall-ewwel post. L-aħħar atleta, li kienet dik mis-Slovakkja li għandha snin ta' esperjenza internazzjonali fl-ogħla livell tal-Long Jump ippruvat l-aħħar qabża tagħha, li kien l-aħħar ċans tagħha li terġa' tirbaħ l-ewwel post. U fil-fatt irnexxielha tagħmel qabża inkredibbli ta' 6.68m - 2 ċentimetri biss inqas mill-istandard li jwassal għall-kwalifikazzjoni Olimpika. Ovvjament, kont iddiżappuntata, iżda f 'dak il-punt tirrealizza xi ħaġa ikbar milli tirbaħ il-midalji u tikseb ir-rebħ. Kont għadni kemm esperjenzajt wieħed mill-iktar mumenti eċitanti fil-ħajja tiegħi. Kont tlift għas-spejjeż ta' atleta Olimpika - persuna mill-aqwa u ħabiba fl-isport. Għollejna lil xulxin, (u minħabba l-fatt li hija kważi metru itwal minni, irnexxielha tgħollini mill-art!), u fraħna bir-rebħa tagħha flimkien. Qatt mhu se ninsa dak il-mument, hekk kif irnexxieli nasal s'hawn, wara snin twal ta' sagrifiċċji u ħidma intensiva. Iżda kien kollu worth it. Inħossni xxurtjata li kont f 'Baku fejn kelli l-opportunità li niġġieled b'mod sportiv, li niċċelebra, li naqbeż fi stadium mill-isbaħ, u quddiem folla tassew inkredibbli. Hekk kif għada nagħlaq 30 sena u ftit jiem oħra se niżżewweġ, u għalhekk se nsir Mrs Gorrieri, ma nafx meta se nkun kuraġġuża biżżejjed, biex nitlaq din il-karriera mill-isbaħ fl-atletika. Għalkemm naf li fadalli ħafna affarijiet sbieħ quddiemi, xejn mhu se jkun qed jieħu post dak kollu li l-atletika tatni f 'ħajti; dak li sawritni u għamlitni min jien; il-persuni li laqqgħetni magħhom, bl-aktar wieħed speċjali minnhom, ikun bla dubju ta' xejn il-futur raġel tiegħi Federico! Nissopponi li jekk ikollna wild, nieħu żmien ta' mistrieħ mill- atletika, u nżomm post speċjali f 'qalbi għall-isport tiegħi. Min jaf x'għad joffri l-futur! Nixtieq nieħu din l-opportunità biex ngħaddi messaġġ lil kull tifel jew tifla, adult u veteran biex ninkoraġġixxihom li jħobbu u japprezzaw kull mument tal-ħajja tagħhom, kemm jekk dan ikun sabiħ, kif ukoll jekk ikun ikrah, f 'dak il- mument. Ngħidilhom ukoll biex jgħoddu l-barkiet fil-ħajja tagħhom u jaħdmu qatigħ f 'dak li jħobbu jagħmlu. L-opportunità tista' tiġi darba biss, titilfuhiex, għax tista' tkun l-isbaħ mument tal-ħajja tagħkom. Nixtreq nirringrazzja b'mod speċjali lill- familja u lill-ħbieb kollha tiegħi, għall-imħabba u l-appoġġ kollu li jtuni, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet lokali tal-isport tas-sapport kollu li jagħtu lill-atleti Maltin. Issa wasal iż-żmien għalija li nieħu pass żgħir lura mill-impenji tiegħi fl-atletika u nipprepara bis-sħiħ, u nħares 'il quddiem għal dik il-ġurnata li ninsab ċerta li se tkun tabilħaqq l-isbaħ waħda ta' ħajti - il-ġurnata taż-żwieġ tiegħi," temmet tgħid l-atleta ewlenija Maltija li tispeċjalizza fil-Long Jump, Rebecca Camilleri.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 5 july 2015