Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/537303
Il-Ħadd 05 ta' Lulju 2015 | illum 5 L-MFA twieġeb lil MGA F'INTERVISTA li saret maċ-ċermen tal-Awtorità tal-Logħob, Joseph Cuschieri li dehret fil-ħarġa tal-ILLUM nhar il-Ħadd 21 ta' Ġunju, dan qal li l-MFA qatt ma talbet lill-awtorità biex toqgħod għassa għal xi partita partikolari li kien hemm xi dubju fuq ir-riżultat tagħha. L-MFA min-naħa tagħha bagħtet risposta għal din l-istqarrija ta' Joseph Cuschieri fejn qalet li l-MFA irċeviet f 'okkażjoni waħda biss informazzjoni minn kumpanija tal-betting u din kienet mill-Ingilterra. L-MFA m'għandha l-ebda awtorità li tkun taf x'qed jiġri fid-dinja tal- imħatri, iżda tipprova kull triq li hemm biex tkun taf kemm tista' x'qed jiġri. L-MFA qalet li l-fatt li ma tinfurmax lil MGA dwar xi suspetti fuq xi partiti għax l-għidut hu diffiċli li tivverifikahom u ħafna minnhom mhux ibbażati fuq veritajiet. Għalhekk temmen li hi l-awtorità tal-logħob li jista' jkollha xi patterns mhux normali f 'xi partiti li tkun taf bihom u tinforma lill-MFA dwarhom. Riċentament l-MGA kienet infurmata minn klabb partikolari li kien hemm suspetti dwar partita partikolari, l-awtorità infurmat lill-operaturi tagħha dwar din il-partita bejn Mosta u Gżira iżda ma infurmatx lill-MFA. Sadattant hu tajjeb li wieħed isemmi li aktar kmieni dis-sena l-MFA skopriet li partiti tal- futbol lokali kienu aċċessibbli għall-imħatri fit-terminals tal-casinos. L-MFA kellha laqgħat mal-operaturi tal- casinos u dawn ġew imneħħija immedjatament. L-MGA żgur li għandha għodda aħjar u kuntatti mill- MFA biex tiġġieled kontra mħatri dubjużi u illegali u għandha responsabilità li tutilizzahom għal benefiċċju ta' kulħadd mingħajr riserva. L-MFA qalet li hi tinsab fuq quddiem f 'din il-ġlieda kontra mħatri illegali u tippretendi rispett. Standards ġodda għall- aċċessibilità: kemm taf? ALBERT GAUCI CUNNINGHAM DIN il-ġimgħa l-linji gwida għall-aċċessibilità ta' persuni b'diżabilità saru standard u għalhekk issa jridu jiġu osservati. Jekk int persuna b'diżabilità dawn ifissru li ħajtek se tkun aktar faċli u kull post li żżur aktar aċċessibbli, għalik dawn l-istandards jistgħu jagħtuk nifs ġdid. Imma jekk inti sid ta' negozju jew lukanda jew anke każin tal-banda, taf xi trid tagħmel biex tkun konformi? L-ILLUM tkellem ma' Oliver Scicluna, ċermen tal-KNPD, dwar l-istandards li l-Kummissjoni se tkun qed tara li jiġu attwati fiż-żmien li ġej u kif dawn se jaffetwaw lil persuni, entitajiet, kumpaniji jew anke organizzaturi ta' avvenimenti partikolari. Lukandi u Ristoranti Scicluna spjega kif it-twettiq tal-istandards se jkun neċessarju f 'binjiet relatati ma' ikel, xorb u akkomodazzjoni biex saħansitra dawn ikunu jistgħu jżommu l-istar rating tagħhom. Fost il-miżuri li jridu jitwettqu hemm il-bdil tar-reception desk biex din ma tkunx għolja wisq, f 'każ li klijent ikun qed juża siġġu tar-roti. Apparti minn hekk, lukanda trid tkun ċerta li jkollha lifts, toilets u faċilitajiet oħrajn aċċessibbli. Kmamar tal- banju f 'kull binja pubblika Il-KNPD tisħaq li l-kmamar tal-banju f 'kull binja pubblika għandhom ikunu b'sink u mera baxxa għal dawk li ma jistgħux joqogħdu bilwieqfa u sett tat-toilet li jkun ta' ċerti qisien. Jekk mhux hekk allura għandu jsir toilet partikolari apposta li jkun jista' jintuża minn persuni b'diżabilità. Dan jinkludi l-binjiet kollha, inklużi tal-Gvern, binjiet kummerċjali u saħansitra fil-każini mxerrdin madwar il-pajjiż kollu. L-armar tal-festi fit-toroq Għal dawk li jħobbu l-festi u l-armar dawn l-istandards ma tantx se jagħmlu differenza għalkemm Scicluna jistqarr li m'hemmx wisq diskussjoni u kooperazzjoni bejn l-NCPD u l-organizzaturi u dilettanti tal-festa. Huwa qal li jixtieq li jinħolqu linji gwida għall-armar għalkemm qal li ma tantx jidher li hemm wisq tama biex isir dan fil-futur qrib. Bini tal-Gvern L-eżempju jkaxkar u jekk hemm bini li definittivament jeħtieġ li jkun skont l-istandards huwa dak tal-Gvern. Fil-fatt Scicluna jsemmi l-Evans Building fil-Belt b'mod partikolari u jgħid li dan il-post huwa kompletament nieqes mill-faċilitajiet li hemm bżonn għal persuni b'diżabilità. Trasport pubbliku Scicluna jirrikonoxxi li mas-snin it-titjib f 'dan is-settur kien wieħed qawwi għalkemm xorta għad hemm xi jsir biex il-postijiet fejn il- passiġġieri jistennew ikunu aċċessibbli, fosthom bankini aktar tajbin u 'stages' adegwati. X'qalulna dawk li tkellimna magħhom? President tal-Każin Banda San Nikola Minkejja li l-perċezzjoni hija li l-każini m'għandhomx idea ta' aċċessibilità l-ILLUM sar jaf li l-Każin Banda San Nikola għaddej bi proġett li għandu jagħmel il-każin kollu ta' tliet sulari aċċessibbli. Il-President tal-istess Każin Keith Abela qal li se jkun qed jitwaħħal lift biex b'hekk anke studenti prospettivi tal-mużika jkunu jistgħu jaċċessaw is-swali fejn isir it-tagħlim tal-mużika bil-kumdità. President MHRA Tony Zahra qal li jaqbel li jkun assigurat li f 'postijiet u lukandi ġodda l-faċilitajiet kollha jkunu 'user-friendly' għal kulħadd, inkluż persuni b'diżabilità. Huwa qal iżda li jeħtieġ li l-affarijiet isiru b'mod raġonevoli u mhux b'riġidità esaġerata. Huwa qal li l-problema mhix il-lukandi l-ġodda, imma dawk antiki, speċjalment jekk ikunu boutique hotels fil-belt jew fil-Kottonera.