Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/546402
Il-Ħadd 26 ta' Lulju 2015 | illum 15 M hux wisq żmien ilu, meta kont għadni fuq wieħed minn dawk il-famużi billboards tal-Labour, niftakar illi kont indirizzajt il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista, ftit qabel l-elezzjoni. Dakinhar kont għidt illi l-eks Prim Ministru Gonzi kien ħalla lilu nnifsu jiddawar biċ- ċensiera u l-lagħqa (naħseb kont użajt kelma xi ftit iktar diplomatika) li jifirħulu dejjem, li jtuh il-prosit kuljum u li jfewwħuħ bil-ward. L-istess ċensiera u lagħqa li malli waslet id-daqqa elettorali umiljanti, lil Gonzi abbandunawh u tawh il-ġenb. Fiċ-ċiklu politiku dawn it-tip ta' nies, li erħilhom jħossuha waqt li jkunu qed ipappuha, huma inevitabbli u dak li kien jgħodd għal Gonzi, min-naħa tiegħi għallinqas, għadu jgħodd illum, għall- Prim Ministru Muscat. Dakinhar kont għidt li l-'Yes men' qatt m'għamlu pjaċiri lill-ebda Prim Ministru, u dan nerġa ntennieh hawnhekk. Min ibaxxi rasu għal kollox fil-politika u min jilgħaq u jinċensa mhux onest u definittivament mhux ġenwin. Il-Prim Ministru jagħmel tajjeb illi jiftakar li 'l bogħod mill-irwejjaħ sbieħ u ta' qima ta' dawk li jiddependu minnu biex jissopravivu u jimlew ħalqhom bil-flus hemm realtà oħra. X'jiswa ċertifikat għal min qed jittallab? Dan il-ġurnal diġà wera' l-fehma tiegħu illi huwa fatt innegabbli li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb, ir-riżultati qed jinkisbu u pajjiżna qiegħed fost l-aqwa pajjiżi fil-kontinent fejn jirrigwarda tkabbir ekonomiku. Il- ġimgħa l-oħra Malta ingħatat ċertifikat sabiħ u pożittiv ferm mill-aġenzija Standard & Poor's. Iżda bħala ġurnal indipendenti u li jisma' dak li għandhom xi jgħidu n-nies, ma nistgħux nieqfu hemm. Din il-ġimgħa fuq is-sit illum. com.mt irraportajna kif persuna qed tmur tittallab għall-ikel f 'Tas-Sliema filwaqt li fil-ħarġa tal-Ħadd li għadda kellna artiklu dwar ilmenti ta' ġenituri bit-tfal b'diżabilita' illi meta ċemplu biex jingħataw il-flus lura fuq siġġu tar-roti kienu infurmati li se jingħataw inqas flus. Meta staqsew għalfejn, qalulhom "m'hemmx flus". M'hemmx flus? Smajt sew jien? M'hemmx flus meta qed niftaħru kemm kiber il-kejk ekonomiku u kemm il- Prodott Domestiku Gross qed jikber? M'hemmx flus meta suppost qed inaqqsu d-defiċit kull xahar? M'hemmx flus meta qed niftaħru li qed nistagħnew? U jekk m'għandniex flus għal min verament għandu bżonn, mela għal min tridu jkollna l-flus? Għaċ-ċensiera u l-lagħqa u l-opportunisti merċenarji li qabel kienu jġibu lill-Labour pulpetta u llum jilgħaquh għax qed jimlilhom il-ħawsla bl-ewri? Tajjeb li jkollna iċ-ċertifikati, mela, u ejja niftaħru bihom, imma kif kien jgħid Muscat stess, l-aqwa ċertifikat jagħtuh in-nies fit-triq. Min għadu fil-prekarjat, grazzi għal xi kutratt li ffirma Gvern Nazzjonalista ma' xi ħabib tal-qalba, ma tantx jinteressah miċ-ċertifikati. Min ilu maqful f 'daru seba' xhur sħaħ, bħal Stella Scerri Taylor tan-Naxxar, għax il-proċess burokratiku biex ikun irranġat biċċa lift hekk jitlob, ftit li xejn jeċita ruħu minn ċertifikat. Anzi dwar dan il-każ jidher li l-affarijiet qed jimxu min- naħa tal-Ministeru. 'Its the small things that count' u qabel kull ċertifikat jiġi l-bniedem. Il-Partit tas-Santità Min-naħa l-oħra għandna lill-Partit Nazzjonalista, li kien, għadu u mid-dehra se jibqa' jilludi ruħu li huwa partit tas-santità, l-intelletwalità u l-indafa politika. Minkejja l-ħafna apoloġiji, mgħottijin taħt l-eloġji dwar il-passat glorjuż tal-PN, għadni inħoss li tal- Partit Nazzjonalista mejtin, imma literalment mejtin, biex jgħidulna "għidnilkhom, qed taraw, għidnilkhom. Aħna biss tajbin. Tal-Labour ħsara biss jafu jagħmlu." Ħa nibdew mill-ambjent, iż-żiemel il-ġdid tal-PN. Jien ma nafx x'wiċċ irid ikollok tmur tipprotesta biex issalva ż-Żonqor meta ridt tagħmel miżbla fl-istess post, mhux kantuniera l-bogħod, le fl- istess post. Ma nafx x'wiċċ irid ikollok tmur tgħid illi l-ambjent għall-qalbek biex meta kont fil-Gvern tajt il-libertà lill-industrija tal- kostruzzjoni li tibni ammont ta' art ekwivalenti għas- Siġġiewi. Tajjeb li l-PN sab il- kredenzjali ambjentali, imma sfortunatament sabhom tard wisq, sabhom meta tilef il- poter u nista nassigurakhom li malli jkollu nitfa poter jerġa jarmihom fil-landa taż-żibel. Imbagħad għandna l-għajjat u l-waħx tal-PN, il-ħin kollu u kuljum dwar dak kemm qed jaqla' u dak kemm qed idaħħal u l-ieħor x'kuntratt ħa. Ħa nkun ċar, min jilgħaq biex jimla l-ħawsla huwa merċenarju, m'hemmx diplomazija dwarha. Però taħt il-PN kien hemm min gawda u kien hemm min gawda bil-miljuni u kien hemm min stagħna u stagħna sew. U min kien jew għadu Nazzjonalist ġenwin ingħata l-ġenb. U mal-ewwel nitfa ta' poter il- PN jerġa jqaċċat lil kull min tpoġġa f 'xi post minn dan il-Gvern u jitfa' l-merċenarji u ċ-ċensiera tiegħu. U dawk li llum qed jgħajjtu għall- meritokrazija jimmutaw, u dawk li illum qed jitkażaw jdawru wiċċhom. Rajniha tiġri diġa din meta Gonzi u l-Ministri Nazzjonalisti tiegħu taw lilhom infushom €500 żieda fil-paga kull ġimgħa. Dakinhar kien "orrajt", dak inhar iċ-ċensiera qalulna "pay peanuts and you get monkeys". Illum id-diska inbidlet, għax mhux ħalqhom li qed jimtela'. Albert Gauci Cunningham huwa l-Editur tal-Illum KIF NAĦSIBHA ALBERT GAUCI CUNNINGHAM Ċertifikati u Ċensiera "Inħoss li tal-PN mejtin, imma litteralment mejtin, biex jgħidulna "għidnilkhom, qed taraw, għidnilkhom. Aħna biss tajbin. Tal-Labour ħsara biss jafu jagħmlu".