Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/556865
Il-Ħadd 16 ta' Awwissu 2015 | illum 15 F 'kull socjetà teżisti l-kriminalità u d-devjazzjoni min-normi, għaldaqstant, m'hawn l-ebda soċjetà fejn fiha ma teżistix il-kriminalità. Meta persuna tmur kontra l-valuri u n-normi tas-soċjetà, ngħidu li hija non-konformi, b'hekk il-kultura tas-socjetà fejn il-persuna tgħix, tiddetermina l-azzjonijiet tal-istess individwu. Irridu nżommu dejjem f 'moħħna li l-kulturi, jinbidlu maż-żmien u jvarjaw minn soċjetà għall- oħra. Minkejja li l-kriminalità tirreferi għal dawk l-attivitajiet li jmorru kontra l-liġi tal-art, fejn il-persuna tgħix u li għaldaqstant huma suġġetti għal sanzjoni negattiva, f 'ċertu ċirkostanzi, l-kriminalità tista' sservi biex iġġib bidla li tħalli l-ġid. Jista' jkollok personaġġ li jkun meqjus bħala kriminali f 'ġenerazzjoni partikolari, iżda f 'ġenerazzjoni oħra, l-azzjonijiet tiegħu jkunu kkunsidrati bħala strumentali minħabba li jkunu wittew it-triq għal riformi pożittivi fil-pajjiż. Id-definizzjoni ta' x'jagħmel l-att wieħed kriminali, jista' jinbidel ukoll maż-żmien. Il-Kriminalità f 'pajjiżna Rapport dwar il-kriminalità f 'pajjiżna li ħareġ ftit tax- xhur ilu, juri li matul is- sena 2014, f 'pajjiżna kienu rapportati 16,600 każ ta' kriminalità, tnaqqis ta' 900 każ fuq l-2013, iżda 6,600 każ iktar mill-2009. L-aktar lokalità fejn fiha ssir kriminalità hija San Ġiljan. Fil-każi ta' serq mid-djar, jirriżulta li San Ġiljan hu l-aktar post fejn isir dan it- tip ta' serq, u warajh hemm San Pawl il-Baħar, l-Imsida u s-Swieqi. Mir-rapport, joħroġ ukoll li l-kriminalità tiżdied bejn April u Awwissu u x-xejriet tal-kriminalità huma marbutin mal-faqar u ċ-ċaqlieq fil-popolazzjoni. Nkunu aktar proattivi Nemmen li l-kriminalità, minn dejjem kienet preżenti f 'pajjiżna u mhux każ li wieħed jallarma ruħu, madankollu, l-mod kif issir il-kriminalità dejjem qed jinbidel u għalhekk, huwa importanti li n-nies ikunu konxji wkoll ta' dawn il-bidliet. Bħalma l-globalizzazzjoni għaqdet aktar is-soċjetajiet flimkien u għamlithom aktar inter-dipendenti f 'aspetti differenti, hekk ukoll wasslet biex ikun hemm aktar kriminalità kawża tal-istess globalizzazzjoni. Interessanti l-fatt li l-kriminalità f 'pajjiżna hija marbuta mal-faqar u ċ-ċaqliq fil-popolazzjoni. Meta nkun qed naqra l-gazzetti u nara l-aħbarijiet, dejjem ninnota li l-kriminalità mwettqa minn persuni barranin li jgħixu f 'Malta, dejjem qed tiżdied, speċjalment is-serq. Fil-fatt, l-aktar postijiet fejn fihom issir kriminalità huma l-aktar postijiet fejn fihom jghixu persuni barranin. Min-naħa l-oħra, irridu nkunu realistiċi u ma nitfgħux lill-barranin kollha f 'keffa waħda. Huma minoranza żgħira ħafna li jwettqu dawn l-atti kriminali. Nemmen li jeħtieġ li l-awtoritajiet ikkonċernati jaħdmu aktar id f 'id biex jonqsu dawn il-każijiet. Jekk nafu li ċertu postijiet ikun hemm aktar kriminalità minn postijiet oħra, mhux biżżejjed li żżid il-pulizija fl-għassa tal- post ikkonċernat iżda jeħtieġ ukoll aktar kameras tas- sigurtà, aktar pulizija pajżana, kif ukoll aktar kampanji edukattivi biex in-nies ikunu avżati biex joqogħdu attenti u jkunu jafu wkoll kif għandhom jirreaġixxu jekk allaħares qatt ikunu huma l-vittmi. Attwalment, hawn nies li qed jgħixu fil-faqar relattiv jew għandhom xi vizzju partikolari, u kaġun ta' dan, qed ikollhom jidħlu f 'dinja ta' kriminalità. Dawn in-nies jeħtieġ li mhux nittimbrawhom jew nagħtuwom suppożizzjonijiet sterjotipiċi, iżda noffrulhom l-għajnuna tagħna biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom u joħorġu miċ-ċirku vizzjuż li jkunu daħlu fih. Ħafna drabi nħoss li l-liġi tagħna tikkundanna l-ħuta ż-żgħira, iżda l-ħuta l-kbira tħalliha tiġri, dan rajnih għal snin twal fil-każ tal-pushers tad- droga. Progress sar ħafna fid-dawl ta' dan is-suġġett, iżda għad fadal ħafna xi jsir. F'ċertu ċirkostanzi nħoss li aktar ma dak li jkun iħallas flus u jsib avukat tajjeb, aktar hemm ċans jinħeles mill- akkużi, minkejja li jkunu akkużi serjissimi. Nittama li r-riformi li saru u se jkompli jsiru fil-qrati tagħna, juru kompassjoni u sens ta' tolleranza lejn persuni li jkunu wettqu xi reat kriminali bħal serq minħabba faqar jew vizzji. Kevin Mercieca huwa gradwat fil-Politika Socjali u juri interess partikolari lejn is-Socjologija. Kevinmercieca24@gmail.com KIF NAĦSIBHA Riflessjonijiet dwar il-Kriminalità KEVIN MERCIECA "Ħafna drabi nħoss li l-liġi tagħna tikkundanna l-ħuta ż-żgħira iżda 'l-ħuta l-kbira, tħalliha tiġri" "Jista' jkollok personaġġ li jkun meqjus bħala kriminali f 'ġenerazzjoni partikolari, iżda f 'ġenerazzjoni oħra, l-azzjonijiet tiegħu jkunu kkunsidrati bħala strumentali"