Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/556865
Il-Ħadd 16 ta' Awwissu 2015 | illum 17 Fl-eqqel tas-sajf għadna biċ-ċpar L -aħbar ta' ftit jiem ilu li l-gvern ħareġ garanzija bankarja 'temporanja' ta' €360m lill-konsorzju Electrogas li se jibni l-'power station' il-ġdid ta' Delimara fakkarni f 'kitbiet pjuttost riċenti li nħoss li għadhom ferm rilevanti. Fid-19 t'Ottubru 2014, fl-artiklu 'Sqaq Mudlam', meta din il-kolonna kienet l-ewwel li ndikat il-qagħda finanzjarja prekarja tal-'leading partner' ta' dak iż-żmien ta' Electogas, Gasol p.l.c., kont għidt : 'Fil-25 ta' Mejju li għadda, f 'dan il-ġurnal, kont ktibt: "Meta bdiet il- kampanja elettorali tas-sena l-oħra, l-ewwel ġimgħat ġew dominati bil- proposta tal-Partit Laburista li jinbena power station ġdid bil-gass fi żmien tnejn u għoxrin xahar u l-konverżjoni tal-power station tat-tieni fażi ta' Delimara, dik hekk imsejħa tal-BWSC, mill-heavy fuel oil għall-gass wara l-2015... Madankollu, wieħed ma jistax ma josservax li l-kuntest ta' kampanja elettorali huwa qajla l-iktar wieħed ideali sabiex jiġi determinat il-pjan nazzjonali tal-enerġija. Minflok ma saru studji bil-galbu sabiex jiġi determinat kif l-aħjar jitnaqqas il-prezz tal-produzzjoni tal-elettriku f 'pajjiżna, il-Partit Laburista mill-Oppożizzjoni ħa deċiżjoni li jinbena mill-privat power station ġdid ta' 215MW li jaħdem bil-gass u li jbiegħ l-elettriku lill-Enemalta." Aktar ma jgħaddi ż-żmien, insaħħaħ il-konvinzjoni li dina l-osservazzjoni hija korretta u li l-partit illum fil-gvern, daħal fi sqaq bil-wegħda pubblika sabiex iraħħas it-tariffi tad-dawl u l-ilma. Bl-awtoimposizzjoni ta' terminu manifestament imprattikabbli, il-partit fil-gvern poġġa ruħu fi stat negozzjali ferm dgħajjef u rrenda ruħu vulnerabbli. Verament ma tantx deher li kien hemm min verament kien interessat fi proġett b'terminu daqshekk projbittiv u mid- dehra, eventwalment l-għażla waqgħet bejn kumpanija Amerikana u konsorzju stramb magħmul minn kumpanija ftit magħrufa li għandha interessi enerġetiċi fil-punent tal-Afrika, il-kumpanija tal-gass tal-Ażerbajġan, Siemens u investituri Maltin li qatt ma kienu involuti fil-qasam tal-enerġija.' Ħmistax wara, fl-artiklu 'Stampja Mċajpra' li deher fil-ħarġa tat-2 ta' Novembru 2014, kont għalaqt hekk : 'Hemm aspett ieħor li ftit qed jissemma'. Jekk meta jitlesta ftit xhur l-oħra l-interconnector b'kapaċità ta' 200 MW, daa ma jintużax għax se jkun hemm produzzjoni żejda ta' dawl bl-impjant ta' 200 MW tal- Electrogas, l-149MW tal-eks BWSC u l-120 MW li se żżomm l-Enemalta, x'se jżomm produtturi Ewropej milli jbiegħu enerġija elettrika f 'Malta bi prezzijiet forsi irħas minn dak li qiegħed jikkontempla l-Gvern Malti ? U x'effetti jista' jkollu tali żvilupp fuq il-mudell enerġetiku li qiegħed ifassal il-Gvern? Il- konsegwenza tista' tkun li l-gvern ikollu joħroġ aktar flus ħalli jagħmel tajjeb għall-impenji li qiegħed jidħol għalihom mal-Electrogas u maċ-Ċiniżi. X'ħin tqis kollox, wieħed jinkwieta mhux għax il-power station tal- Electrogas mhux se tkun lesta sa Marzu li ġej imma jekk verament hawnx ħtieġa tagħha, tenut kont id-domanda fil- pajjiż. L-istampa għadha ferm imċajpra bin-nuqqas ta' informazzjoni li għandna imma m'hemmx dubju li l-Gvern irid joqgħod ferm attent li ma jħallix ir- retorika elettorali torbotlu idu f 'impenn finanzjarju li jista' jkun diżastruż kemm għalih kif ukoll għall-pajjiż. L-objettiv għandu dejjem jibqa' li l-pajjiż ikun jista' jipproduċi l-enerġija bl-aktar mod effiċjenti u rħis possibli. Jekk tali objettiv ma jintlaħaqx, il-konsegwenzi ekonomiċi se jkunu ferm serji...' Il-gvern baqa' għaddej bil-pjanijiet tiegħu u ma tax kas it-twissijiet li sarulu. L-avvenimenti ta' dawn l-aħħar jiem komplew iżidu x-xettiċiżmu dwar il-pjanijiet tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija. Meta l-ġimgħa l-oħra, f 'wieħed mill-jiem l-aktar sħan tas- sena, inqata' d-dawl f 'ħafna partijiet ta' dawn il-gżejjer wara li waqfet il- provvista tad-dawl mill-interconnector, sirna nafu li kważi nofs id-domanda nazzjonali kienet qiegħda tiġi fornuta mill-produtturi Sqallin permezz tal- interconnector. Fil-ħin tal-inċident, l-interconnector kien qed jaħdem kważi fil-massimu tal-kapaċità tiegħu u kien qed iġorr 190 MW ta' enerġija. F'temp ta' sagħtejn, il-provvista tad-dawl mill- interconnector ġiet ripristinata imma intant, l-Enemalta bdiet ukoll tipproduċi d-dawl mill-impjanti li kellha standby. Dan juri li l-pjani tekniċi li l-Enemalta kienet għamlet meta kkummissjonat l-impjant ferm flessibbli tal-BWSC u l-interconnector irnexxew. Ħadd ma jistenna li ma jkunx hemm ħsarat fi kwalunkwe sistema li tiġi adottata, imma ħareġ ċar li l-infrastruttura li addottat l-Enemalta, għaddiet mill-eżami għax l-interruzzjoni fil-provvista tad-dawl kienet ferm qasira. Ġaladarba dan kollu seħħ f 'jum meta d-domanda għad-dawl kienet pjuttost għolja, wieħed irid mill-ġdid isaqsi jekk verament teżistiex ħtieġa għal power station ġdida. U jekk se jkun hemm żieda fid-domanda għal enerġija elettrika, għala tali żieda fid-domanda ma tistax tiġi sodisfatta permezz ta' interconnector ieħor? Huwa fatt magħruf li fi Sqallija, hemm produzzjoni żejda ta' enerġija u tali eċċess qed jiżdied bl-impjanti ta' enerġija rinnovabbli li qed jiġu stallati madwar il-gżira. Madankollu, minħabba nuqqas ta' konnessjoni adekwata mal-kontinent, il-prezzijiet tal-elettriku fi Sqallija huma sostanzjalment ogħla milli fil-kontinent. Skont figuri ppubblikati fl-artiklu "An oversized electricity system for Italy" li ġie ppubblikat fit-22 ta' Jannar 2015 mill-'Istituto per gli Studi di Politica Internazionale', il-prezzijiet medji fl-2014 fi Sqallija kienu €80/MWh mentri fil- kumplament tal-Italja kienu €50/MWh. Fis-snin li ġejjin, il-konnessjoni mal- kontinent mistennija tissaħħaħ sew u allura loġikament wieħed jistenna li jkun hemm konverġenza fil-prezzijiet bejn l-Italja kontinentali u Sqallija. Kien hemm min qal riċentement li l-prezz tal-elettriku fis-suq tal-ingrossa fi Sqallija hu ta' €0.03/KWh, u bil-lejl, anke anqas. Ma nistax dan nikkonfermah, imma ċertament għall-produtturi li jridu joperaw l-impjant tagħhom fi kwalunkwe każ, l-esportazzjoni tal- produzzjoni żejda tagħhom lejn Malta hu balzmu: tant li diġà min qed jaħseb li jagħmel interconnector mal-Libja meta l-qagħda hemm tikkalma. Biss anke bir-rata medja attwali ta' €80/ MWh li wieħed jifhem, tittraduċi fir-rata ta' €0.08/KWh, dan huwa konsiderevolment anqas mir-rata ta' 9ċ6 li l-Gvern Malti kkommetta ruħu li jħallas lill-Electrogas, tal-anqas fl-ewwel ħames snin tat-terminu tal-kuntratt. Hija propjament differenza mhix żgħira ta' 20% u tali differenza probabbilment se tiżdied meta jinħass aktar l-impatt tal- kompetizzjoni mill-Kontinent. Għalhekk tibqa' valida l-mistoqsija jekk verament din il-power station il- ġdida hiex meħtieġa. Skont l-istudju li semmejt, fl-Italja, skont l-informazzjoni preliminari ta' Terna, is-sorsi rinnovabbli ta' enerġija s-sena l-oħra ġġeneraw madwar 119 TWh, jiġifieri 44.5% tal-produzzjoni domestika. Mill- banda l-oħra, il-produzzjoni mill-gass naturali kienet anqas minn 33% mill- produzzjoni domestika, jiġifieri madwar 20% anqas milli fl-2005 u l-2006, meta nofs il-produzzjoni Taljana kienet tiġi mill-impjanti tal-gass. Wieħed jara sitwazzjoni simili fil-Ġermanja fejn f 'jum wieħed f 'Ġunju li għadda xejn anqas minn 78% tal-produzzjoni enerġetika ġiet minn sorsi rinnovabbili bir-riżultat li l-impjanti tal-gass m'għadhomx vijabbli u qed jagħlqu. Quddiem dan ix-xenarju, id-deċiżjoni tal-gvern Malti li jikkummissjona dan l-impjant bil-gass ta' 200 MW tidher dejjem aktar u aktar azzardata u tista' tkun mażżra tqila madwar l-ekonomija Maltija fl-għoxrin sena li ġejjin. Jidher ukoll li l-ispiża kapitali involuta qiegħda tiżdied konsiderevolment. Oriġinarjament, l-impjant kellu jiswa' €166m mentri l-faċilità tal-gass kellha tiswa' €142m filwaqt li l-konverżjoni tal-impjant tal-BWSC sabiex jaħdem bil-gass kellha tiswa €68m. Il- konċessjonarju kien se jkollu kuntratt ta' għaxar snin biex ibiegħ id-dawl li jipproduċi lill-Enemalta. Issa mill-informazzjoni li ħarġet, jidher li l-power station li se tinbena minn Siemens se tiswa €175m filwaqt li f 'April li għadda tħabbar li ngħataw żewġ kuntratti ta' €275m għall-konverżjoni ta' tanker tal-gass fi 'floating storage unit u ieħor ta' €125m sabiex isir moll u faċilità ta' rigasifikazzjoni. X'ħin wieħed iqis li l-konverżjoni tal-impjant tal-BWSC issa se ssir mill-propjetarji l-ġodda Ċiniżi li jidher li ħadu 20% tal-istess impjant għal dan, jidher li l-ispejjeż tal-power station il-ġdida irduppjaw mit-€300m oriġinali għal madwar €600m. Din il-ġimgħa tħabbar li l-konsorzju se jingħata self minn erba' banek ta' €450m li 80% ġie garantit mill-Gvern Malti sakemm jiġi approvat is-'Security of Supply Agreement' mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-ftehim jorbot lill- Gvern Malti li jixtri d-dawl prodott mill-konsorzju fil-każ li l-Enemalta ma tonorax l-obbligi tagħha. Huwa tassew insolitu li gvern joħroġ garanzija bħal din lil konsorzju privat li fost l-oħrajn jikkomprendi l-kumpanija tal-istat tal-Ażerbajġan u Siemens, li ċertament jifilħu għal tali faċilità. Imma jidher li dawn ma ridux jidħlu għaliha u qed jistrieħu fuq il-ftehim imsemmi sabiex jiggarantixxi s-self li se jieħdu. U lanqas mhu ċar mnejn se jiġu l-€150m l-oħra li żgur huma meħtieġa sabiex jitlesta dan il-proġett barra l-€450m mislufa. Sfortunatament, il-Gvern qed iħalli lill-poplu fl-għama għax għad fadal bosta aspetti li mhuma ċari xejn. Jidher imma li l-gvern qed jimprovizza mat- triq u l-affarijiet mhumiex jevolvu kif ippjanat qabel l-elezzjoni. Imma l-aktar ħaġa li tħassbek hi li se jsir proġett li minimament se jiswa €600m li għalkemm se jinħarġu mill-privat, dawn se jkollhom garanzija tal-ħadid li jirkupraw il-flus kollha li se jonfqu u dan biex ikollna provvista ta' dawl li mhux se tkun irħas milli wieħed jista' jakkwista minn Sqallija u mill-kontinent bi spiża kapitali ferm anqas. F'xi ħin jew ieħor ir-risposti jridu jingħataw u l-verità se toħroġ. L-agħar jekk ir-riżultat aħħari jkun ta' detriment għall-ekonomija Maltija, kif sfortunatament jidher li ser ikun il-każ. Segwini fuq Facebook għall-aħħar żviluppi internazzjonali jew fuq Twitter @ellisjoseph. JOE ELLIS AĦBARIJIET ONLINE .cOm.mT