Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/556865
28 illum Il-Ħadd 16 ta' Awwissu 2015 SPORTSillum "Padova riduni imma ma ridtx għax trattawni ferm ħażin" - Jurgen Degabriele ILPLEJER internazzjonali Malti ta' taħt il-21 sena ta' Hibernians, Jurgen Degabriele, għadu kemm irritorna minn esperjenza pjuttost negattiva ma' Padova fl-Italja. Nhar is-Sibt 8 ta' Awwissu huwa kien involut f 'logħba ta' ħbiberija ma' dan it-tim fejn daħal jilgħab fl-aħħar tmien minuti tal-konfront kontra Abano Calcio, li Padova rebħu bl-iskor konvinċenti ta' 3-0. Padova, fl-istaġun li għadda ġew promossi mis-Serie D u matul l-istaġun li ġej se jkunu qed jibdew avventura ġdida fil-Lega Pro, fl-Italja. Madankollu, sfortunatament, Jurgen Degabriele, ma tantx kellu esperjenza pożittiva f 'dan il-pajjiż ġar tagħna, anzi wieħed jista' jiddeskrivi din l-esperjenza tiegħu bħala waħda negattiva. F'kummenti li għadda lil dan il-ġurnal immedjatament mal-wasla tiegħu f 'Malta minn Padova, huwa saħaq li: "Prattikament Padova kienu qed jikkunsidraw li jżommuni, imma jien min-naħa tiegħi ma ridtx nibqa' magħhom. Ma ġejtx trattat tajjeb u dik hi r-raġuni. Qed ngħid hekk fis-sens li per eżempju l-amministraturi ta' Padova, la kienu jgħiduli meta u x'ħin kelli ninżel għat-taħriġ, meta li kieku ma kontx nara lill- plejers neżlin bil-basktijiet, ma kontx inkun naf. Dan kollu għax ma nitkellimx il-lingwa tagħhom. Ħadd ma kien ikellimni. La l-kowċ u wisq anqas il- plejers ta' Padova. Xejn ma kienu jgħiduli - la l-ħin li fih kellna nieklu, xejn! Kont nagħmel ġurnata fil-kamra tiegħi mingħajr televixin, u saħansitra, lanqas ħaduni biex għall-inqas nara l-post fejn kelli nagħmel it-taħriġ. Kont noqgħod biss fil-kamra, ħlief għall-ħinijiet tal-ikel u l-bqija ma kont nagħmel xejn," temm jgħid Jurgen Degabriele. Lura f 'Mejju tal-2011, Jurgen Degabriele, meta dak iż-żmien kien għad kellu biss 14-il sena, kellu esperjenza oħra ta' prova fl-Italja din id- darba ma' Triestina, iżda f 'din l-okkażjoni kellu esperjenza mill-aktar pożittiva ma' dan it-tim. Intant, Jurgen Degabriele, rebaħ l-unur ferm prestiġjuż tal-Aqwa Plejer Żagħżugħ fil-Kampjonat BOV Premier, waqt is-serata tal-unuri organizzata b'tant suċċess mill-MFA nhar il-Ġimgħa 19 ta' Ġunju li għadda, f 'Dar il-Mediterran ġewwa l-Belt Valletta. M'hemmx dubju li għalkemm Jurgen Degabriele kellu esperjenza mhux xierqa ma' Padova fl-Italja, huwa għandu futur mill-isbaħ quddiemu. Dan hekk kif huwa għad għandu biss 18-il sena, u għalhekk huwa jirrapreżenta l-futur tal-futbol Malti permezz tat-talent mill-aqwa li jippossjedi fil-logħba li tant iħobb - il-futbol. Jurgen Degabriele ftit wara li rebaħ l-unur prestiġjuż tal-Aqwa Plejer Żagħżugħ matul l-istaġun li għadda, fl-MFA Awards Ritratt - Domenic Aquilina "Huwa dejjem ta' pjaċir kbir li niġi Malta" - Javier Zanetti WAQT konferenza stampa li saret nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar, fi stabbiliment ewlieni fil-Gudja, ingħataw dettalji rigward training camp li qed jorganizzaw Inter Club Zanetti Malta, bil-kollaborazzjoni tal- leġġenda ta' Inter, Javier Zanetti innifsu. Dan wara s-suċċess li Javier Zanetti rnexxielu jikseb permezz ta' traning camps oħra li ospita l-eks captain ta' Inter innifsu ġewwa gżiritna. Javier Zanetti huwa l-Viċi- President ta' Inter u lagħab magħhom mill-1995 sal- 2014. Saħansitra, huwa l-aktar plejer li qatt lagħab bil-flokk tat-team nazzjonali Arġentin. It-training camp organizzat mill-Inter Club Pupi Zanetti Malta u minn Javier Zanetti nnifsu beda jiġi organizzat mill-bieraħ stess ġewwa l-Luxol Grounds, f 'St. Andrews, għal tfal ta' etajiet varji. Matul din l-opportunità unika għal gżiritna, Javier Zanetti se jkun qed jaqsam il-ħiliet uniċi tiegħu fil-futbol, mat-tfal li se jkunu qed jieħdu sehem f 'dan it-training camp. Intant, fl-istess konferenza stampa tkellem il-President tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech li saħaq li huwa grat għal-leġġenda Interista li għal darb'oħra reġa' laqa' t-talba tal-klabb Interista ġewwa Malta biex jerġa' jiġi f 'pajjiżna. F'kummenti oħra li għadda l-istess president ferm ħabrieki tal-Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech, huwa saħaq li dan it-training camp ma kienx ikun possibli mingħajr l-għajnuna imprezzabbli ta' Mc Donald's Malta. Tkellem ukoll id-Direttur ta' Mc Donald's Malta, Lee Warren, li afferma li r-ristorant ta' Mc Donald's Malta jinsab ferm kuntent li se jagħti l-opportunitá unika lil diversi tfal Maltin li jitgħallmu bosta ħiliet fil-football, minn ħadd ħlief Javier Zanetti nnifsu. Huwa kompla jgħid li jinsab ferm kuntent li seta' jagħmel il-ħolma ta' dawn it-tfal realtá. Ma setax jonqos li dan il-ġurnal isaqsi diversi domandi lil Javier Zanetti nnifsu rigward dan it-training camp u l-imħabba tiegħu lejn Malta. Huwa kien pront u mal- ewwel, wieġeb għad-domandi meta saħaq li Malta tinsab kontinwament f 'qalbu u għandu imħabba enormi lejn gżiritna, mhux inqas għall- klima mill-aqwa li tippossjedi f 'dawn il-ġranet sħan tas-sajf. Meta wieħed jikkunsidra r-rapport ferm mill-qrib li huwa jħaddan ma' Malta, dan il-ġurnal saqsa lil Javier Zanetti jekk għandux l-aspirazzjoni li jifforma skola tal-futbol f 'pajjiżna, madankollu bl-akbar umiltá, il-leġġenda Interisita tenna li sa issa għad m'hemm xejn ippjanat. Iżda huwa ma eskludiex il-fatt li din tista' sseħħ realtá fil-futur. Il-President ta' Inter Club Pupi Zanetti Malta, Paul Fenech qasam l-istess opinjonijiet ta' Javier Zanetti innifsu, u tenna li għadu ma ddiskuta l-ebda ħsieb rigward dan mal-eks captain ta' Inter. Intant, id-dħul kollu minn dan it-training camp se jmur kollu u esklussivament għall- akbar ġid tal-Fonadazzjoni Pupi li tant tagħmel ġid mat-tfal li għandhom bżonn l-għajnuna, speċjalment fil- pajjiż natali ta' Javier Zanetti, l-Arġentina. Bħala parti miż-żjara ta' Javier Zanetti f 'Malta, se jkunu qed jiġu organizzati żewġ avvenimenti kbar f 'dak li għandu x'jaqsam ma' laqgħat soċjali u opportunitajiet uniċi biex wieħed ikun jista' jiltaqa' ma' Javier Zanetti b'mod personali. Dan hekk kif illum se jkun qed jiġi organizzat BBQ kbir ġewwa lukanda ewlenija fil-Mellieħa, waqt li għada t-Tnejn se tkun qed tiġi organizzata ikla oħra ad unur Javier Zanetti ġewwa l-pjazza prinċipali tal-Mellieħa. Lee Warren, Paul Fenech u Javier Zanetti jindirizzaw lil dawk preżenti