Illum previous editions

illum 16 August 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/556865

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 35

4 illum | Il-Ħadd 16 ta' Awwissu 2015 ILPAZJENTI fil-kurituri hija problema li kienet teżisti anke fl-Isptar San Luqa, li kibret meta saret il-migrazzjoni lejn l-Isptar Mater Dei minħabba li dan l-isptar jesa' inqas sodod, f 'pajjiż bil-popolazzjoni tiegħu qiegħda tixjieħ. L-ILLUM tkellem mas- Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne dwar ir-raġuni għal dak li l-Oppożizzjoni ddeskrivietu bħala ffullar f 'Mater Dei, f 'dan iż-żmien tas-sena. Fearne qal li s-sajf huwa perjodu fejn assolutament mhix rari li jkun hemm influss akbar ta' pazjenti. "Ma ninsewx li biss biss, bħalissa l-popolazzjoni ta' gżiritna tkun kważi d-doppju bit-turisti," qal Fearne. Huwa żied jgħid ukoll li l-fatt li s-sena li għaddiet u anke din is-sena żdiedu b'mod drastiku l-ammont ta' operazzjonijiet li qed isiru f 'Mater Dei, awtomatikament iżid l-ammont ta' pazjenti. "Kif diġà solvejna l-problema tal-mediċini out of stock, kif qegħdin insolvu l-problema tal-listi ta' stennija, hekk ukoll se nkunu qegħdin naħdmu biex insolvu l-problema ta' nuqqas ta' sodod f 'Mater Dei. Il-binja tal-Medical Admission Unit li tiela ġmielha hija xhieda ta' dan. Ma qgħadniex b'idejna fuq żaqqna," qal Fearne. Huwa fakkar li l-problema ewlenija tas- sitwazzjoni tal-lum, hi li amministrazzjonijiet preċedenti bnew sptar żgħir li ma jissodisfax il-bżonnijiet tal-popolazzjoni tagħna. "Qatt ma ħasbu għal sptar tal-ġerjatrija meta għandna popolazzjoni li kulma tmur qed tixjieħ. Qatt ma ħasbu għal sptar tar-rijabilitazzjoni, meta jafu li din hija waħda mill-kawżi ta' ffullar f 'Mater Dei. Dan il-gvern jinsab għaddej b'ħidma, flimkien mal-Vital Global Healthcare biex fis-snin li ġejjin, kemm l-isptar tar-rijabilitazzjoni kif ukoll tal-ġerjatrija jsiru realtà," qal Fearne. Intant L-ILLUM huwa infurmat li fl-aħħar jiem, l-iffullar f 'Mater Dei naqas u meta jintużaw il-kurituri, isir dan għal waħdiet u mhux għal mijiet ta' pazjenti. "Huwa żball li s-saħħa u l-anzjani m'għadhomx f 'Ministeru wieħed" Intant, f 'kummenti ma' dan il-ġurnal il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Claudette Buttigieg saħqet li kien żball "kbir" li l-qasam tal-anzjani u dak tas-Saħħa kienu "mifrudin" minn xulxin. Apparti dan, Buttigieg sostniet li l-Gvern għandu prijoritajiet ħżiena f 'dan il-qasam hekk kif madwar 140 anzjan, li għandhom bżonn kura fit-tul, kienu qed jokkupaw soddod fl-isptar bil-konsegwenza li kienu qed jieħdu spazju li seta' jintuża minn pazjenti oħrajn, anke jekk l-Isptar Mater Dei inbena bil-għan li jkun wieħed akut, jiġifieri fejn il-pazjenti ma jinżammux għall-kura fit-tul. Dak li qalet Buttigieg jiġi wkoll fid-dawl ta' stqarrija mill-Partit Nazzjonalista li akkuża lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u lis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b'Diżabilità Justyne Caruana li "moħħhom biss biex fid-djar tal-anzjani jdaħħlu anzjani mid- distretti elettorali rispettivi tagħhom, minflok ma jimxu bi proċedura biex kulħadd jingħata l-istess ċans." Il-PN kompla jgħid li "minkejja diversi attentati, il-Gvern qed jibqa' jirrifjuta li jgħid min qed jiddeċiedi min jidħol f 'dawn id-djar tal-anzjani". Kjarifika tal-ILLUM dwar l-istorja tal-Isqallin Il-ġurnal l-ILLUM jixtieq jikkjarifika illi filwaqt li jżomm u jirrijaferma dak kollu illi nkiteb fl-istorja li kienet titratta negozji Sqallin, ir-ristoranti li dehru bħala parti minn collage mal-istess storja mhux neċessarjament għandhom sid jew qed jitmexxew minn negozjant Sqalli. Dan il-ġurnal kien ikkuntattjat minn xi sidien ta' ristoranti, fosthom dak tal-Pirata, illi filwaqt li spjegaw li mhux qed jikkontestaw il-materjal li deher fl-istorja ħassew li ma kienx ġust li dan il-ġurnal ippublika numru ta' ritratti ta' negozji li jistgħu mhux qed jitmexxew minn Sqallin. Dan il-ġurnal japoloġizza għal xi inkonvjent jew impressjoni li setgħet inħolqot mill-collage tar-ritratti għalkemm jerġa jirrijaferma l-informazzjoni li waslet lil dan il-ġurnal, fosthom b'ittri ta' korrispondenza, u li kienet sostnuta minn Philip Fenech mill-GRTU illi ħafna negozji minn Paceville sal-Belt qed jittmexxew minn Sqallin, li jħaddmu nies Sqallin u li jixtru l-prodotti kollha tagħhom minn Sqallija. Iċ-ċokon tal-Mater Dei u n-nies fil-kurituri

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - illum 16 August 2015