Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/570052
Il-Ħadd 13 ta' Settembru 2015 | illum 19 Editorjal ILLUM, MedIaToday LTd, VjaL Ir-rIĦan, San Ġwann SĠn 9016 Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075 Ittri u Kummenti, Imejl: illum@mediatoday.com.mt It-tazza li ma tfur qatt I lbieraħ tħabbar li fir-Renju Unit il-Partit Laburista għandu mexxej ġdid, Jeremy Corbyn. Ir-reżistenza li ffaċċja mill- midja u mill-partit tiegħu stess kienet pjuttost kbira hekk kif saħansitra l-eks Prim Ministru Laburista Tony Blair kien ħareġ jgħid li rebħa għax-xellugi kienet se tfisser il-mewt ċerta tal-Partit Laburista Ingliż, li issa ilu fl-Oppożizzjoni mill-2010. Ix-xellug u ċ-ċentru xellug, mhux biss fir-Renju Unit iżda madwar l-Ewropa kollha, kien ilu jaffaċċja kriżi ta' identità għal bosta snin fejn riżultati elettorali wrew li anke fl-eqqel tal- kriżijiet ekonomiċi b'miżuri ta' awsterità imposti fuq il-popli, il-votant xorta pprefera partiti taċ-ċentru lemin. Jidher iżda li f 'dawn l-aħħar snin huma ħafna dawk il-votanti Ewropej li tajjeb jew le, reġgħu qed jaraw tama f 'partiti li għalihom il-ġustizzja soċjali u l-elevazzjoni tan-nies mill-faqar jiġu l-ewwel u qabel kollox. Huwa ċar li qed jinbena moviment fl-Ewropa, li jaf jibni saħħa kbira, ta' nies li m'għadhomx jikkuntentaw bin-numri, li xebgħu jħallsu biex isalvaw il-banek u li ma jifilħux jgħixu aktar bil- loqom waqt li qaqoċċa nies jiffuxnaw fil-ġid. Ir-rebħa li għamel aktar kmieni din is-sena Alexis Tsipras fil- Greċja ġabet magħha ħafna inkwiet u mistoqsijiet. Però l-akbar inkwiet kien ta' min jinsab komdu. Ara l-Griegi, dawk tkellmu mod ieħor. Għal darba, tnejn urew lill-Ewropa u lill- kumplament tad-dinja li mhux se jaċċettaw aktar li jiġbru l-loqom u jgħixu fil- miżerja. Għal darba, tnejn wrew li mhux lesti aktar li fl-2015 imorru f 'xi kju biex forsi xi ħadd itihom loqma ħobż u platt għaġin. U l-Laburisti Ingliżi lbieraħ ukoll għamluha ċara li mhux se joqgħodu għat-theddid u l-biża' ta' min jinsab komdu u alleaw ruħhom ma' persuna li, ħobbu jew obgħodu, iħaddan il-prinċipji soċjali li suppost kull partit taċ- ċentru xellug iħaddan. Anke lokalment, għidniha minn dan l-editorjal u nibqgħu ngħiduha, il- Gvern, suppost ċentru- xellugi Malti, ma jistax jibqa' jiffesteġġja ma' kull ċertifikat ekonomiku pożittiv u jieqaf hemm. Tajjeb li raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan- negozji u jalla jraħħas aktar, imma min jaħdem f 'dak in-negozju gawda jew se jgawdi parti minn dak il-ġid? Tajjeb li niftaħru bil-profitti kbar li għamel dak il-bank u dak il- kuntrattur jew dak in- negozjant, imma l-persuni li jħaddem qed jaraw titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet? Tajjeb li ngħidu li l-pagi f 'Malta qed jiżdiedu. Imma ta' min qed tiżdied? Ta' kulħadd jew tal-ftit? Tajjeb li niċċelebraw ir- ratings pożittivi ta' Fitch u Moody's, imma min jaqlagħha u jiekolha mhux bir-ratings jgħix. U biex inkunu konsistenti ma' dan il-ħsieb, li se jibqa' jkun ċentrali għall-ġurnal ILLUM, ikollna bilfors nagħmlu referenza għall- istorja fuq il-faċċata tal- lum biex inġibu eżempju. Hija aħbar ferm pożittiva li l-valur tal-proprjetà f 'Bormla trippla f 'dawn is-sentejn, aħbar li definittivament tfisser ħafna għal din il-belt. Iżda jkun żball li fl-ewforija ninsew li ż-żieda fil-valur tal-proprjetà ma tfissirx li se nħassru b'gomma l-problemi soċjali u l-faqar li għad hemm f 'Bormla. Ifisser li min jinnegozja fil- proprjetà se jagħmel festa mistħoqqa u jaqla' aktar flus. U min m'għandux proprjetà tiegħu? Min f 'Bormla qed jgħix bl- eżatt? Min f 'Bormla qiegħed f 'impjieg prekarju u qed jikri? Min f 'Bormla jgħix bir-relief ? Dawn x'se jgawdu? Għalhekk kull Gvern ċentru-xellugi jew anke xellugi jeħtieġ jifhem li, iktar iva milli le, it-tazza ta' fuq ma tfurx waħedha anzi tikber biex ma tfur qatt. Għalhekk kull partit li jrid jissopravivi din iċ-ċaqliqa lejn ix-xellug fl-Ewropa jeħtieġ jifhem li meta t-tazza ta' fuq ma tfurx, jeħtieġ ikun hu stess li jferra, ħalli mill-ġid igawdi kulħadd u ma jaqa' lura ħadd. Hekk titlob il- ġustizzja soċjali.