Illum previous editions

ILLUM_11 ta' Ottubru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/584250

Contents of this Issue

Navigation

Page 23 of 35

FIRENZE, il-kapitali tat-Toskana bla dubju hi l-isbaħ belt fid-dinja (skont jien u miljuni ta' turisti li jżuru l-belt tat- twelid tar-Rinaxximent). Mużew ħaj, belt mimlija arti, belt mimlija kultura, belt b'arkitettura tipika. Il-belt fejn twieldu l-crème de la crème ta' dawk li kitbu l-istorja artistika Taljana: Dante, Leonardo, Brunelleschi, Michelangelo, Donatello, Galileo Galilei, Franco Zeffirelli u Roberto Cavalli huma l-ftit minn dawn il-personaġġi li bidlu mhux biss l-Italja iżda d-dinja kollha tal-arti. Ftit tax-xhur ilu ddeċidejt li nqatta' ġimgħa fil-qalba tal- isplendur Toskan. Iddeċidejt li noqgħod f 'lukanda 2 star fejn il-ġar tiegħi ma kien ħadd għajr Dante Alighieri għax il-lukanda kienet biss żewġ bibien 'il bogħod mid- dar fejn għex Dante li llum hi konvertita f 'gallarija tal-arti kontemporanja. Iċ-ċentru storiku ta' Firenze hu mimli pjazez mill-aktar eleganti, palazzi rinaxximentali, ġonna, knejjes, mużewijiet u gallariji tal-arti. U biex jirnexxilek tiskopri kull ċentimetru ta' din il-belt, kulma għandek bżonn hu żarbun tajjeb għall- mixi, mappa u saqajn tajba. Ikolli nammetti li biex dortha sew domt tlett ijiem sħaħ b'10 sigħat ta' mixi kuljum, fejn żort l-Uffizi u palazzi Pitti fid-dettal. Għajjejt fuq li għajjejt iżda kien 'worth it.' Forsi stajt neħodha aktar bil- mod u nagħmel jumejn oħra fil-belt, meta minflok, użajt l-istess ġranet biex żort bliet oħra affaxxinanti fil-viċin, bħal San Gimignano li hi belt medjevali fortifikata u Siena, li wieħed jista jilħaqhom bi vjaġġ mhux daqstant twil bil-kowċ u li jiġik ferm irħas milli tmur bit-tren. Biex jirnexxilek tidħol l-Uffizi li hu mużew bl- akbar kollezzjoni ta' arti li jġibulek għajnejk wara widnejk, normalment trid toqgħod fil-kju għal ħafna ħin. Iżda hemm żewġ modi kif tista tiskappa dan il-kju, jew li taqta' l-biljetti minn fuq l-internet li jiswewk id- doppju iżda tqabbeż il-kju. Inkella tmur kmieni mat-8.30 am ħalli x'ħin jiftaħ tkun minn ta' quddiem fejn fi kwarta jirnexxilek tagħmilha. Kif tkun hemm, ma tistax ma timmeraviljax ruħek tħares lejn il-wiċċ li jimmesmerizzak ta' Venus ta' Botticelli, jew il-faxxinu tax-xogħol tal-istess maestro, 'Primavera', u ħafna u ħafna aktar. Qattajt erba' sigħat sħaħ nippassiġġa u niċċassa lejn il-kapulavuri filwaqt li ma ndunajtx li saqajja bdew juġgħuni bl-għajja. Ġurnata oħra u ġurnata oħra twila ta' mixi. Qsamt il- famuż Ponte Vecchio u hemm sibt jistennieni Palazzo Pitti, ħallast €12 oħra u sibt ruħi fil-Giardini Boboli. Nammetti li ddeċidejt li ma nżurx il-gallarija tal-arti li kien hemm, għax ridt inħalli għajnejja biex jitpaxxew b'David ta' Michelangelo fl- Accademia għaż-żjara ta' wara. Barra l-arti, Firenze hi belt attiva u ħajja, mimlija bi ħwienet tal-aqwa moda, ristoranti, pubs u anke suq li jarma kuljum fejn fih jinbiegħu kull tip ta' ġgieget tal-ġilda, basktijiet tal-ġilda u ingravajjet mill-isbaħ u jkolli nammetti li ma stajtx ma nixtrix nofs tużżana ingravajjet ta' Firenze (għalkemm ma nafx jekk kinux magħmulin iċ-Ċina). U xi ngħidu għal kċina Toskana, skwiżita u unika fejn il-pappa col pomodoro, il-bistecca alla fiorentina mdemmija u la ribollita jinżlu għasel b'xarba inbid Chianti. Malli tinżel ix-xemx Firenze timtela bil-'buskers', żgħażagħ ikantaw fit-toroq u jiżfnu fil-pjazez waqt li t-turisti Ġappuniżi kollha jiġbdu r-ritratti tal-istatwi li jżejnu Piazza della Signoria. Dawk kollha li jridu jispiċċaw il-lejl b'xi xarba tajba, jistgħu jsibu lokal fiż-żona ta' Santa Croce (speċi ta' Paceville). Min- naħa tiegħi għażilt li nagħmel passiġġata romantika qalb l-opri ta' arti ta' Firenze fejn għamilt waqfa għal ġelat tajjeb minn waħda mill- ġelateriji artiġjanali li hemm. Ma semmejtx id-Duomo u d-diversi knejjes li hemm f 'Firenze, fejn żgur li jekk iżżur Firenze se tidħol fid-Duomo u titla' anke fil-koppla ta' Brunelleschi li hi koppla li ħafna periti jistudjaw fuqha sal-lum. Barra hekk, attenti għax kull knisja li hemm trid tħallas madwar €4 biex tidħol għax kollha huma meqjusa bħala opra tal-arti. Dejjem jekk ma jkollokx karta tal-identità ta' Fiorentino li tista tidħol b'xejn biex titlob. Hemm madwar 12-il knisja li wieħed jista' jżur f 'Firenze. 24 illum | Il-Ħadd 11 ta' Ottubru 2015 ILVJAĠĠI TALBUŻU • Il-benniena tar-rinaxximent fejn twieldu l-artisti li bidlu d-dinja tal-arti • La bisteccha Fiorentina ma' tazza inbid Chianti hi xi ħaġa li trid idduq bilfors • Hi belt attiva u ħajja, mimlija bi ħwienet tal-aqwa moda, ristoranti, pubs u anke suq li jarma kuljum Id-Duomo ta' Brunelleschi Firenze: Mużew ħaj L-istatwa ta' Nettuno fi Piazza della Signoria Il-Ponte Vecchio: pont medjevali fuq ix-xmara Arno

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM_11 ta' Ottubru 2015