Illum previous editions

27 Dicembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/620226

Contents of this Issue

Navigation

Page 3 of 35

4 illum | Il-Ħadd 27 ta' Diċembru 2015 Aħbarijiet Min tela' u min niżel minn Albert Gauci Cunningham TELA' – L-Arċisqof Charles J. Scicluna Twieled il-Kanada u meta ġie lura mal-familja f 'Malta mar jgħix Ħal Qormi. Kemm ilu parti mill-ġerarkija tal-Knisja Kattolika, l-Arċisqof ta' Malta Charles J. Scicluna dejjem baqa' tiela. Wara li l-Papa Benedittu XVI ħatru membru fil-Kongregazzjoni għad- Duttrina tal-Fidi fl-2012, sena wara, l-Vatikan tah ir-responsabbiltà li jinvestiga abbuż minn membri tal-kleru fl-Arċidjoċesi ta' Edinburgh. Lura f 'pajjiżna, Charles J. Scicluna sar Isqof Awżiljarju biex imbagħad din is-sena reġa' tela' l-iskaluna u kien maħtur Arċisqof ta' Malta. Definittivament, meta mqabbel mal-Arċisqof ta' qablu Pawlu Cremona, Scicluna huwa bil-wisq aktar kontroversjali u voċiferu. Issa din tista' tkun xi ħaġa tajba jew ħażina, skont mill-liema angolu qed tħares lejha. Sa ftit żmien ilu bosta kienu jgħidu li l-Knisja tilfet il-vuċi tagħha u allura kienet qed titlef ir-relevanza tagħha. Illum, ħafna mill-istess nies qed jilmentaw li l-Knisja qed tiftaħ ħalqha wisq u saħansitra "qed tindaħal" fit-tmexxija tal-pajjiż. Scicluna qal le għall-kaċċa fir-rebbiegħa, ħareġ kontra l-programm ta' ċittadinanza, kontra l-iffriżar tal-embrijuni, kontra l-proġett taż-Żonqor, kontra l-bidliet fil-liġi taċ- ċensura, kontra l-binjiet li hemm fl-Armier, u qabel ma sar Arċisqof kien l-akbar kritiku tal-liġi tal-Unjoni Ċivili għal persuni tal-istess sess. Fl-2015 tela', imma fl-2016? Veru li lill-Knisja għamilha ħafna iktar relevanti fid- dibattitu pubbliku imma jekk ir-relevanza tal-Knisja se tibqa' unikament marbuta mal- bżonn kontinwu li l-Arċisqof jeħodha kontra miżuri jew pożizzjonijiet li jkun ħa l-Gvern, anke jekk fuq bażi morali, it-tlugħ tal-Arċisqof jista' jkun momentarju. Ikun momentarju iktar jekk l-Arċisqof se jissolida l-idea li qed tifforma, li jitkellem meta jkun kontra biss u mhux meta jittieħdu miżuri li jkunu pożittivi. NIŻEL – Joe Cassar Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista ma kellux sena tajba ħafna hekk kif matul l-2015, meta l-kwistjoni Gaffarena telgħet fil- quċċata tal-aġenda politika, il-gazzetta MaltaToday kienet żvelat kif Gaffarena kien ħallas kont ta' €8,150 għal xogħlijiet li saru fid- dar tal-MP Nazzjonalista. Il-MaltaToday kienet żvelat ukoll kif Gaffarena kien ħallas €800 biex titwaħħal sistema CCTV mad-dar tal- istess Cassar. Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista kien qal li dan kollu kien 'frame-up' fuqu minn Gaffarena. Dawn l-akkużi waslu biex Cassar jirreżenja minn kelliem tal-PN kif ukoll minn Deputat Nazzjonalista. Il-fatt li din kienet l-għażla tiegħu (jew tal-anqas hekk ikkomunikaha l-PN), kienet suġġett ta' diskussjoni u analiżi politika. Hemm min qal li l-fatt li r-riżenja fil-fatt tat spinta lil Cassar, fil-fatt ħafna raw ir-'rebħa' tal-Gvern fuq l-Oppożizzjoni bir-riżenja ta' Cassar, bħala waħda pirrika għax fil-fatt, ir-riżenja ta' Cassar tefgħet ħafna pressjoni biex Joseph Muscat jieħu azzjoni fil-konfront ta' Michael Falzon. TISBITA 'L ISFEL – Giovanna Debono L-akbar tisbita 'l isfel matul l-2015 ħaditha l-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono, sal-aħħar leġiżlatura Nazzjonalista meqjusa bħala l-factotum tan- Nazzjonalisti u tal-Gvern ta' Gonzi f 'Għawdex. L-ewwel akkużi fil-konfront ta' Debono kienu żvelati wkoll fuq il-gazzetta oħt, MaltaToday li fit-8 ta' Marzu żvelat skema sħiħa ta' allegat xogħol li kien qed isir, allegatament mingħajr ħlas lil individwi li setgħu kienu votanti potenzjali ta' Giovanna Debono. L-allegat abbuż kien jiċċentra madwar ir-raġel tal-eks Ministru Anthony Debono. Minn meta ħarġu l-allegazzjonijiet, Debono irreżenjat mill-PN u żammet postha fil-Parlament bħala deputat indipendenti. Intant fil-Qorti, wieħed mill- whistleblowers Joe Cauchi, xehed kif 75% tax-xogħlijiet saru lil individwi privati. L-ilment ewlieni kien li Debono ma kienx ħallas għal xogħolijiet li kienu saru mill- Ministeru għal Għawdex fuq din l-allegata skema ta' 'xogħol għall-voti'. Debono kellu l-assi tiegħu ffriżati mill-Qorti, l-ewwel darba f 'Mejju b'mod temporanju imbagħad b'mod permanenti f 'Novembru. Ir-raġel ta' Giovanna qed jaffaċċja 13-il akkuża fosthom miżaproprijazzjoni ta' fondi pubbliċi. Fil-kwistjoni kollha kien spiċċa daħal ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni hekk kif saru akkużi li Simon Busuttil kien iltaqa' mal-whistleblower li kien infurmah dwar dak kollu li kien qed jiġri f 'Għawdex qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Fil-fatt, Busuttil kien akkuża lill-whistleblower Joe Cauchi li kien qed jigdeb taħt ġurament u qal li huwa "imbruljun" (self-confessed crook). L-episodju Giovanna ma kienx wieħed pjaċevoli għall- PN matul l-2015 u l-unika nies li setgħu għorku jdejhom fil-partit kienu kandidati oħrajn Nazzjonalisti li fil- waqa' ta' Giovanna qed jaraw it-tlugħ tagħhom. TELA' – Joseph Muscat Il-Prim Ministru tela' ftit din is-sena, l-aktar minħabba li fl-unika test elettorali li kellna matul l-2015, anke jekk naqqas fil-voti, il-Partit Laburista xorta jidher li baqa' jgawdi l-appoġġ ta' maġġoranza komda. Fil-fatt fl- elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali il-PL kiseb 53.5% tal-voti. Politikament din is-sena ma kinitx l-aqwa waħda għal Muscat hekk kif minkejja ekonomija b'saħħitha u suċċessi f 'diversi oqsma kellu jaffaċċja bosta każijiet ta' allegat abbuż, fosthom tal- Cafè Premiere u ta' Gaffarena. Dawn tefgħu dell ikrah fuq il-Gvern u ċajpru l-immaġini pozittiva ħafna li Muscat kellu bħala Prim Ministru sal-2014. L-aktar settur tal- votanti li Muscat aljena din is-sena kienu l-ambjentalisti. L-aktar li żamm u/jew rebaħ appoġġ kien mal-lukandiera, negozjanti u kuntratturi. TELA' – Simon Busuttil Il-Kap tal-PN tela' ftit ukoll. Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, minkejja li l-PN kiseb 44.6% tal-voti u allura tilef dik l-elezzjoni, meta mqabbel mal-istess round ta' elezzjonijiet irnexxielu jnaqqas id- distakk b'8.5%. Kienet sena pożittiva għal Busuttil ukoll hekk kif il-PN ħareġ b'numru ta' proposti, fosthom dawk fl-ekonomija u dawk dwar il-governanza. Minkejja kollox iżda, l-Kap tal-PN xorta għadu ma jistax ikisser għal kollox dak id- distakk li jagħmel lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat aktar popolari. Dan jista' jkun minħabba diversi fatturi. Il-PN qed jidher kontinwament fuq l-attakk tant li xi kultant, mingħajr ma jrid, jikxef sens ta' paranoia. Xi kultant, ikun wisq fuq id-difiża u jirraġuna daqslikieku kulħadd irid 'jirrombla fuqu'. L-iktar fattur li għadu qed iżomm lil Busuttil lura, huwa l-passat. L-aħħar ħames snin ta' Gvern Nazzjonalista huma tant bagalja tqila fuq il-PN, li kważi għal kull akkuża li jagħmel il-PN ikollu erba' oħra simili ppuntati lejh. Veru li l-passat trid tħallih u timxi 'l quddiem, però Busuttil huwa selettiv ħafna. Meta jrid, ifakkarna f 'kemm "konna aħjar taħt il-PN", u meta ma jaqbillux, jgħid li ma jistax jitkellem dwar il-passat, "għax ma kontx hemm jien." Għas-sena d-dieħla, Busuttil jista' jkompli jikber fl-istatura tiegħu u jista' jkompli jagħmel aktar avvanzi fost il-votanti li abbandunaw lill-PN fl-2013. Imma ħafna se jiddependi wkoll fuq kemm il-Gvern se jaqbad momentum fl-aħħar sentejn sħaħ tal- leġiżlatura. NIŻEL – Ian Borg Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ma tantx spiċċa s-sena bit-tajjeb, b'akkużi ta' nuqqas ta' trasparenza fil- każ ta' proprjetà li xtara fir-Rabat, fiż-żona magħrufa bħala ta' Santa Katerina. It-tromba politika li ħalliet lil Borg xi ftit jew wisq imbenġel, bdiet hekk kif ir-rapport tal-Ombudsman dwar il-każ spiċċa fuq il- midja. Ir-rapport jgħid li Borg uża "metodi malizzjużi" meta minflok applika f 'ismu għall-iżvilupp, applikaw missieru u l-project manager. Ir-rapport jitfa' dubji wkoll fuq bidliet li saru fil-MEPA li permezz tagħhom, tneħħa l-uniku ostaklu li kien qed iżżomm il-permess milli joħroġ. L-Ombudsman jgħid li l-varjazzjonijiet u informazzjoni li tħalliet barra mill-MEPA ma kinux riżultat ta' żbalji umani iżda, "attentat deliberat biex jitneħħa l-ostaklu għall-iżvilupp." L-ostaklu kien jirrigwarda l-ammont ta' art li fuqu jista' jsir l-iżvilupp u l-fatt li dan kien fattur li ċertu wieħed Kevin Bugeja ma kienx ingħata permess fuq l-istess art, sena qabel ma spiċċat f 'idejn Borg. Fl-aħħar jiem, il- Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, f 'rapport li ppublikat, qalet li s-Segretarju Parlamentari Borg mhux ħati ta' ebda att ta' korruzzjoni. Il-Kummissjoni, li hija mmexxija mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano, qalet li ma sabet "ebda prova ta' att kriminali jew attentat biex isir att kriminali taħt il- Liġijiet Maltin li jirrigwardaw il-korruzzjoni." Borg ċaħad bil- qawwa li xi ħadd fil-Mepa kien influwenzat mill-pożizjoni tiegħu fil-Kabinet. "Lanqas biss kienu jafu li jien kont wara l-applikazzjoni u saru jafu biss wara rapporti fuq il-midja." Ian Borg qal li anke l-Ombudsman Joseph Said Pullicino stess żamm ċertu distanza mir-rapport li għamel l-Ombudsman tal-Ippjanar David Pace u qal li ma jistax jiggarantixxi li ma fihx żbalji.

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - 27 Dicembru 2015