Illum previous editions

27 Dicembru 2015

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/620226

Contents of this Issue

Navigation

Page 4 of 35

Il-Ħadd 27 ta' Diċembru 2015| illum 5 Aħbarijiet niżel fis-sena 2015 TELA' - Michael Briguglio Michael Briguglio reġa' tfaċċa fix-xena politika din is-sena, l-aktar minħabba li mexxa l-oppożizzjoni ta' diversi NGOs ambjentali kontra l-proposta tal-proġett għall-Università Amerikana ta' Malta (AUM) fiż-Żonqor. Il- protesta kontra dan l-iżvilupp, li kienet l-akbar waħda li saret din is-sena, u l-akbar waħda organizzata mis-soċjetà ċivili, reġgħet imbuttat lil Briguglio fix-xena politika ta' pajjiżna. Fil-fatt, għal xi ġimgħat kien hemm għajdut kontinwi li Brigulgio se jerġa' jirritorna biex imexxi l-Alternattiva Demokratika. Minn dakinhar tal-protesta, il-momentum popolari kontra l-proġett batta xi ftit u jidher li Briguglio reġa' sparixxa. Ħafna jħossu li Briguglio jista' jilgħab parti importanti fit-tmexxija ta' kawżi ambjentali u tal-grupp dejjem jikber ta' votanti 'ħodor'. Briguglio jista' jagħti wkoll vuċi lil dawk il-votanti xellugin li jħossu li l-PL illum m'għadux partit tal- ħaddiem. Jekk it-tlugħ ta' Briguglio hux momentarju jew le, jiddependi ħafna fuq x'jiddeċiedi hu stess. X'se jagħmel? Se jerġa' joħroġ mal- AD? Jew forsi qed jitħajjar joħroġ mal-PN? TELA' – Tony Abela Mingħajr ma stenna hu stess, in-nutar Tony Abela reġa' spiċċa fil-Parlament wara li rriżenja Joe Cassar. Minkejja li Abela huwa popolari fil-lokalità tar-Rabat, jidher li r-riżultat ta' din l-elezzjoni każwali ma tantx ġab ferħ u ċekċik tax-xampanja fil-PN, hekk kif il-MaltaToday irraportat kif il- Kap Nazzjonalista xtaq li jkun Joe Giglio li jieħu post Cassar permezz ta' co-option. Abela kien Segretarju Parlamentari fi żmien Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi u kien sikwit f 'nofs kontroversja. Kien spiċċa f 'nofs kontroversja minħabba relazzjonijiet passati ta' negozju ma' Indri Zammit, li kien instab ħati ta' traffikar ta' drogi. Abela dejjem qal li huwa kien waqqaf l-irbit kollu li seta' kellu ma' Zammit malli dan kien instab ħati l-ewwel darba fl-1994. Abela kien ukoll responsabbli mill-Armata meta din kienet użat forza eċċessiva biex twaqqaf protesta paċifika fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Safi. Abela jibqa' magħruf ukoll għall-batibekki li kellu mal-ġurnalisti tal-ONE, speċjalment ma' Charlon Gouder, meta darba staqsieh jekk jemigrax jekk il-Partit Laburista jitlef l-elezzjoni. TISBITA 'L ISFEL - Michael Falzon Jekk Giovanna ħadet l-akbar tisbita min- naħa tal-PN, is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon ħa l-akbar tisbita min-naħa tal-Gvern. Għalkemm il- kundanna għad trid tinqata', hekk kif għadhom għaddejjin l-inkjesti li għandhom jiddeterminaw x'ġara u ma ġarax eżattament fil-każ tal-proprjetà. Minkejja kollox, il-kumbinazzjonijiet huma naqra koroh u la jirriflettu tajjeb fuq il-Gvern u lanqas fuq Falzon innifsu. Mela fl-2007, Gaffarena sar il-proprjetarju ta' 25% tal-bini fi Triq Zekka li fih hemm l-uffiċini tal-Building Industry Consultative Council (BICC). Huwa nefaq €23,294 biex imbagħad f 'Jannar 2015, il-Gvern esproprija din il-parti tal-binja u ta lil Gaffarena €822,500 fi flus u artijiet. Mar €800,000 minn fuq. Xahar wara, Gaffarena xtara 25% oħra tal-bini għal €139,762 biex f 'April esproprija l-istess bini għal €822,500 fi flus u artijiet. Mar b'€682,738 minn fuq. L-artijiet għażilhom hu u għażilhom imissu ma' propjetajiet oħrajn, u persuna mis-Segretarjat ta' Falzon magħruf bħala l-'King tal- Lands' kien akkumpanja lil Gaffarena lejn id- Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. S'issa kien żvelat fuq il-gazzetta MaltaToday li l-inkjesta turi kif sar ħlas eċċessiv lil Gaffarena, lil hinn mil-limitu għal din is-sena. Dan il-każ kollu qajjem baraxx ta' akkużi u kontro- akkużi ta' nuqqas ta' trasparenza u ta' kollużjoni bejn politiċi, jew dawk ta' madwarhom, u l-familja Gaffarena, li sa qabel l-2013, dejjem kienet magħrufa bħala familja akkanita Nazzjonalista. TELGĦET – Destiny Destiny telgħet 'il fuq din is- sena, hekk kif il- vuċi mill-isbaħ tagħha, simili għal dik tal- kantanta soul Aretha Franklin. Destiny, bint in-Niġerjan famuż Ndubisi Chukunyere, rebħet il-qlub ta' ħafna Maltin bit-talent tagħha u fakkritna fl-isbuħija ta' soċjetà mħallta. Għallmitna wkoll kemm hu sabiħ li persuna tkun iġġudikata fuq il-kontenut tal-karattru mhux fuq il-kulur tal-ġilda. NIŻEL – Alex Pisani Alex Pisani huwa wieħed mill-Kelliema tal-Għaqda Patrijotti Maltin. Apparti li ħafna drabi l-argumenti li jġib flimkien mal-istess għaqda huma xi ftit jew wisq bażwija, għax mibnijin fuq il-biża', matul din is-sena, Pisani tpoġġa f 'sitwazzjoni kemxejn imbarazzanti. Dan ġara meta waqt il-programm Xarabank, wara ħafna dibatitti dwar kemm huwa importanti li nkunu kburin b'Malta tagħna, hu ma kienx jaf ikanta l-kliem tal-Innu Malti meta mitlub biex jagħmel dan minn mara Maltija Musulmana. Din il-mara li kważi l-Għaqda Patrijotti ġabu fid-dubju jekk kinitx Maltija għax hija Musulmana, kienet taf tkanta l-innu Malti kelma b'kelma. TELA' - Sandro Chetcuti Sandro Chetcuti tela' waħda sew hekk kif il-lobby li jmexxi, jiġifieri tal-iżviluppaturi sar ħafna iktar b'saħħtu milli qatt kien. Anke jekk ma taqbilx miegħu jew mal-ideat tiegħu, jibqa' fatt li Chetcuti huwa voċiferu ħafna u dan ifisser li l-iżviluppaturi illum għandhom leħen b'saħħtu, li huwa wkoll simpatizzanti mal-Gvern preżenti, u li qiegħed iwassal il-messaġġ tiegħu b'mod ċar. Sandro Chetcuti, ħobbu jew obgħodu, ta lezzjoni lil ħafna għaqdiet u lobby groups oħrajn li xi kultant mhux in-numru li jgħodd l-aktar, iżda kemm dak in-numru qed jitmexxa minn xi ħadd li huwa effettiv fejn jiswa l-aktar. Telgħu jew niżlu? Marlene Farrugia – Mingħajr dubju l-fattur Marlene Farrugia kompla jiddomina x-xena politika lokali. Lejn l-aħħar ta' din is-sena rreżenjat mill-Partit Laburista u minn MP tal-istess Partit, wara li ma bdietx taqbel mal-proposti tal- Gvern għal-qasma fil-MEPA, anke jekk din il-proposta kienet wegħda tal-PL fl-aħħar elezzjoni. Apparti n-nuqqas ta' qbil tagħha fuq dan il- punt, Farrugia kienet minn ta' quddiem li kkritikat lill-Gvern fuq il-proġett tal-Università Amerikana (jew kulleġġ ta' livell għoli) tant li kienet il-figura politika prinċipali mill-Gvern kontra t-teħid ta' art barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) f 'Marsaskala. Imma Farrugia ma qablitx mal-Gvern anqas fejn kien jirrigwarda l-iffriżar tal-embrijun u filwaqt li kisritha sew ma' numru ta' Deputati Laburisti, speċjalment wara li Joe Debono Grech heddidha fil- Parlament, kienet qed tfaħħar l-inizjattivi tal-PN u ta' Simon Busuttil b'mod kontinwu. Tkompli f 'paġna 6

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - 27 Dicembru 2015