Illum previous editions

ILLUM 7 Frar 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/637218

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 07 ta' Frar 2016 | illum 23 Vetturi Ingranat Din il-ġimgħa, l-inċident li seħħ fl-attività ta' 'PaqPaqli għall-istrina' is-sena l-oħra, reġa' beda jissemma' mhux ħażin wara li ħareġ ir-rapport tal-kawża tal-inċident. Skont dan ir-rapport, it-tort ta' dan l-inċident li fih korrew mhux inqas minn 23 persuna, huwa primarjament tax-xufier ingliż, Paul Bailey. Apparentament, dan ix-xufier kien għaddej b'veloċità eċċessiva li wasslet għal dan l-inċident. Bħalikieku dan inġieb Malta biex isuq bil-mod, ġo 'runway' vojta, bi tliet karozzi, b'saħħa u kapaċità fenomenali. Li naħseb li fil-fatt ir- rapport ikkonkluda, huwa li l-kumpanija tal- assikurazzjoni tal-Ingliż hija l-iktar kumpanija li qiegħda f 'pożizjoni li tikumpensa lill-vittmi u allura, għall- benefiċċju tal-vittmi u l-organizzaturi, dan ikun l-aħjar konklużjoni. Min- naħa tiegħi, nifhimha li jekk hekk kellu bżonn isir, sewwa sar. Aħjar hekk milli kieku r-rapport kien inkonklussiv u l-vittmi jitħallew jixxejru mar-riħ. Nispera li l-kumpanija tal-assikurazzjoni ta' Bailey taċċetta dan it-tort, u l-vittmi jieħdu kemm jista' jkun kumpens xieraq. Mhux għax il-flus isolvu kollox, però żgur li jtaffu xi ftit mit- tbatija. Però moralment, naħseb ftit huma dawk li verament jemmnu li x-xufier kellu xi tip ta' tort. Jekk issaqsuni ta' min huwa t-tort, nuża frażi li tliet snin ilu konna nisimgħuha lejl u nhar: it-tort huwa tagħna lkoll. It-tort huwa tas-sistema li tgħabbi bir-responsabbiltà lill-organizzaturi biex jieħdu ħsieb kollox huma jew inkella ma jsir xejn. It-tort huwa tal-fatt li m'għandniex ċirkwit professjonali fejn jistgħu jsiru attivitajiet bħal dawn. Inutli nippruvaw inwaħħlu fl-organizzaturi jew fil-President. Il- problema hija fil-mentalità tagħna lejn is-saħħa u s-sigurtà li ilha magħna żmien twil u inzerta ġrat dakinhar. Li kieku xi ħadd ilmenta fuq in-nuqqasijiet qabel ma ġara l-inċident, il-kotra kienet tqum u tgħidlu biex jagħlaq ħalqu u ma jtellifx il-pjaċir ta' ħaddieħor. Li kieku, kien jibqa' jsir l-istess, sena wara sena. Imma wara l-inċident kulħadd sar espert u kulħadd kien basar. U x'jagħmlu l-awtoritajiet biex inċident bħal dan ma jerġax isir? Jiddeċiedu li inċident bħal dan, jista' jsir biss b'karozza u jagħmlu avvenimenti simili kważi impossibli biex jiġu organizzati darb'oħra. Ħafna mill-avvenimenti relatati mal- isport tal-karozzi ma jrendu l-ebda qligħ u ħafna drabi huma mmexxija minn voluntiera dilettanti. Jipprovdu spettaklu għal min hu dilettant, u ħafna drabi, il-poplu jew ma jħallas xejn, jew il-ħlas imur għall-karità. Dawn l-organizzaturi mhumiex negozjanti u ma jdaħħlu xejn. Anzi, jiġu mgħobbija bir-responsabbiltà jekk jinqala' xi ħaġa. Dawn għandhom jiġu mgħejuna b'kull mod possibli billi l-istat jipprovdilhom l-apparat kollu li hemm bżonn, u pariri ta' nies esperti fis-saħħa u sigurtà mingħijr ħlas jew burokrazjia żejda. Bħal ħafna affarijiet oħra, meta l-awtoritajiet jippruvaw iwaqqfu jew jillegalizzaw passjoni, ħafna drabi kulma jkunu qegħdin jagħmlu hu li jifirxu l-periklu. Jagħmel ħafna iktar sens li tagħti inċentiv biex l-affarijiet jiġu regolarizzati. Il-passjoni fl-isport tal-karozzi ilha tintwera hawn Malta, kif kont ktibt ftit ġimgħat ilu, minn wara l-gwerra. B'xi mod jew ieħor, mill-bieb jew mit-tieqa, xi ħaġa dejjem issir. Niftakar fis- snin disgħin meta ammont kbir ta' karozzi kienu jitilgħu Ħal Far il-Ħadd filgħodu u speċjalment wara nofsinhar fix-xitwa u l-Ħamis filgħaxija fis-sajf. Ma kienx hemm Facebook u mobiles ftit li xejn, però b'xi mod, kulħadd kien jiftiehem, u kien ikun hemm siegħa gost ta' veru. Ftit ftit, l-awtoritajiet bdew jagħmluha iktar diffiċli għal dawn id-dilettanti. It-triq bdiet dejjem tidjieq bil-bini tal-fabbriki u l-Pulizija tat- traffiku bdew jgħaddu minn hemm ta' spiss. X'imkien riedu jiżvugaw dawn id- dilettanti wara ġimgħa xogħol. Meta d-dilettanti ingħataw l-opportunità li jorganizzaw irwieħhom u ingħataw 'runway' ta' kwart ta' mil f 'Ħal Far, ftit 'il bogħod minn fejn kienu jiltaqgħu b'mod iktar permanenti. Il-livell għola u l-inċidenti naqsu ħafna, u llum hemm sigurtà kbira. Illum il- ġurnata għadhom jinżammu l-istess appuntamenti bħalma kienu qabel u ġieli anke s-Sibt, mingħajr ma jagħtu fastidju lil ħadd. Li kieku ma ngħatatx din l-opportunità li l-affarijiet jirregolarizzaw ruħhom, kieku llum qegħdin jiltaqgħu f 'xi post ieħor kontra l-liġi. Il-'Hill Climbs' huwa sport ieħor interessanti f 'Malta li huwa ta' livell għoli ħafna. Nista' nimmaġina li wara l-inċident ta' PaqPaqli għall- Istrina, ma tkunx faċli għall- organizzaturi biex japplikaw għall-permess. Mhux aħjar nindunaw b'dan il-potenzjal li għandna u nagħtuhom kull għajnuna li għandhom bżonn biex l-attività tkun sikura u mingħajr inċidenti? Inċident jiġi evitat mhux billi ma toħroġx permess għall-attività imma billi jsiru ċertu tiswijiet fit-toroq, u 'crash barriers' f 'ċertu tidwir. Nagħlaq billi ngħid li l-bżonn ta' 'track' professjonali li fiha jkunu jistgħu jinżammu ħafna mill-attivitajiet relatati mal- isport tal-karozzi u muturi, qatt ma nħass il-bżonn tagħha iktar mil-lum. B'dak il-mod, inkunu qegħdin niggarantixxu li għamilna l-almu tagħna biex inċident bħal dak tas-sena l-oħra ma jerġax isir. Andrew Pisani It-Tort Tagħna lkoll Il-Porsche 918 Spyder involut fl-inċident Karozza tipparteċipa fil-'hill Climb' f 'Malta

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 7 Frar 2016