Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/637218
Għażiż Toni, Meta ġejt avviċinat minn din il-gazzetta biex nibda nikteb artiklu mil-lum b'mod regolari, stajt nifhem li issa bil-kariga l-ġdida tiegħek, ma tkunx tista' tkompli tikteb fil-ġurnali kif kont tagħmel. Għalhekk hu xieraq li fl-ewwel artiklu tiegħi nitkellem miegħek biex intik tislima kif jixraqlek u ringrazzjament minn qalbi tax-xogħol kollu li għamilt. Naħseb inkun qed nagħmel hekk ukoll f 'isem il-ħafna qarrejja li probabbli kienu jixtru din il-gazzetta anke biex jaqraw l-artikli tiegħek li dejjem kienu sbieħ u interessanti. Jiena m'inix prolifiku bħalek fil-kitba u m'jien lanqas ikkulurit bħalek fit- tħaddim tal-kelma, imma se nipprova biss li nikteb b'mod interessanti mqar in-nofs li kont tikteb inti. Jekk nagħmel dan, għalija, inkun ilħaqt standard ta' kitba sabiħa. Jiena ġejt imrobbi f 'familja appassjonata fil-politika. Biżżejjed ngħid li missieri qatta' ħajtu impjegat fi ħdan il-Union Press, u ta' kuljum kien iġibilna d-dar kopja tal-pubblikazzjonijiet kollha li jiġu stampati mill-GWU bħalma huma l-ġurnali u l-magazines. Għad li l-familja tiegħi, il- politika kienet tiddiskutiha prattikament kuljum u l-ħin kollu, dejjem konna kritiċi u analitiċi, u dak li hu iswed konna ngħidulu iswed u dak li hu abjad ngħidulu abjad. Madwar il-mejda tal-ikel meta kont tfajjel, niftakar lil missieri jitkellem dwarek bi kliem sabiħ, li inti kellek il-kuraġġ tieħu d-deċiżjonijiet, u li meta titkellem, tagħmel dan b'konvinzjoni. Sirt nafek meta mbagħad jiena bħala student tal- liġi, kont bdejt nagħmel il-prattika l-Qorti mal- Avukat Karmenu Mifsud Bonnici. Karmenu hu avukat ta' esperjenza kbira u għad li forsi politikament ma nistax naqbel ma' kull pożizzjoni li ħa jew jieħu, fil-qasam tal-liġi bla dubju ta' xejn hu avukat bravu ħafna, dejjem ippreparat u ġentlom li bħalu qatt ma ltqajt. Il-prattika jiena kont bdejtha kmieni ħafna għax litteralment kelli ġenn biex nibda nduq il-ħidma fil-Qorti li kienet u għadha togħġobni ħafna. Wara ftit jiem li bdejt il-prattika, nimmaġina kont għadni fir-raba' sena tal-kors, Karmenu kien qalli: 'Ara dan Toni Abela, tafu?' U kien laqqgħani formalment miegħek, Ton. Sintendi jien kont diġà nafek fil-ħajja pubblika, imma mhux personalment. Karmenu qallek, 'Ton tiftakar meta ltqajna jien u int l-ewwel darba?' U int qbadt titbissem. Irrakkontajtuli kif Karmenu kien jgħallem żewġ suġġetti fil-kors tal-liġi l-Università. Ħabta u sabta wara ftit ġimgħat li kien beda l-kors, jitfaċċa ġuvnott bid-daqna u ismar, liebes ilbies stramb. Karmenu kien staqsieh bl-Ingliż jekk kienx barrani u jekk kellux bżonn xi ħaġa. Dak il-ġuvnott kont inti, frisk minn mawra li milli fhimt kienet pjuttost twila li kont għamilt l-Indja bħala żagħżugħ! U għad li mas-snin id- daqna qsaret u nbidlet f 'mustaċċi a la D'Artagnan, fil-fond ta' qalbek bqajt dak iż-żagħżugħ non- konformist imma qalbu tajba, ribell imma b'ruħ tad-deheb li f 'dinja politika fejn jikkritkawlek anke kif tqiegħed għajnejk waqt dibattitu inti bqajt l-istess Toni Abela tul is-snin kollha. Nista' nixhed li f 'kull dibattitu li jkollna fil- Grupp Parlamentari mbagħad wara fil-Kabinett ukoll, meta tintervjeni inti, dejjem ikun intervent favur iż-żgħir, favur il-ħaddiem u favur min għandu bżonn iktar għajnuna fis-soċjetà. Inti għaraft il-mument meta għandek tagħti ċans lil ħaddiehor. Mhux kull politiku kapaċi jagħraf meta għandu jagħmel dan. Inti għaraftu dan u ġibt l-interess tat-tiġdid u l-bidla fil-partit l-ewwel u qabel kollox. Meta jkunu qed jieklu flimkien il-familji u jiddiskutu l-politika, persważ li se jkunu qed jgħidu li Toni Abela huwa Toni Abela: inimitabbli u awtentiku. Karattru ġenwin, soċjal-demokratiku konvint, avukat bravu u kittieb prolifiku. Jiddispjaċini jekk xi darba nqastek anke jekk bla ma naf, u nħeġġek biex numru ta' snin oħra, tikteb dik l-awtobijografija li tant ilek tgħid li se tagħmel. Kelma tal-aħħar. Issa nbidel l-istatut biex Membru Parlamentari wkoll ikun jista' jressaq ismu biex iservi lill-Partit Laburista bħala deputat Mexxej għall-Affarijiet tal- Partit. Min se jiġi elett, se jibni fuq il-ħafna tajjeb li għamilt inti. Hemm opportunità li nimmodernizzaw il-partit, u nkomplu nġibuh l-iktar organizzazzjoni aġġornata u relevanti fi żminijietna. Il-Ġimgħa stess, jiena bi pjaċir kbir issekondajt lill-Ministru Konrad Mizzi biex ikun kandidat għall- post ta' deputat Mexxej. Sintendi, speċjalment fil- ħin li qed nikteb, jiena ma nafx kemm se jkun hemm nominazzjonijiet għall- kariga. Fil-Partit Laburista hemm ħafna talent, però nemmen li Dr Konrad Mizzi huwa l-aħjar għażla fil-mument biex bil-ħiliet kbar li għandu, ikompli jtejjeb il-Partit u joħloq sinerġija aħjar fil-ħidma tagħna. Grazzi Toni u nselli għalik, Owen Owen Bonnici se jkun qed jikteb fil-gazzetta ILLUM kull nhar ta' Ħadd illum | Il-Ħadd 07 ta' Frar 2016 Owen BOnnici Ittra miftuħa lil Toni Abela "Toni Abela huwa Toni Abela- inimitabbli u awtentiku"