Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/640305
minn John Busuttil Jekk trid tgħix fi ħrafa ħajja, il-belt pittoreska u medjevali ta' Bruges (Brugge bil-flemish), hi l-belt ideali. Vjaġġ ta' siegħa u kwart bit-tren mill-Gare du Midi ta' Brussell, iwasslek f 'dinja tal-ħrejjef, jew aħjar kif ngħidu bil-Malti, belt bi djar tal-pupi. Belt bi knejjes storiċi, pjazez medjevali, imdawra b'kanali u trejqiet mimlija 'cobbles' u mdawra b'fetħiet imħaddra u bis- siġar li jagħtu nifs lil dinja maħnuqa. Belt stupenda, belt li tibqa' fil-memorja tiegħek għal dejjem. Iżda għandha difett wieħed: jafu wisq nies biha u għalhekk dejjem imdewda bit-turisti, u fis-sajf ħafna aktar mix-xitwa. Normalment wieħed iżur Bruges għal ġurnata waħda fejn, ħa ngħiduha kif inhi, jirnexxielek iżżurha kollha. Iżda biex vera tgawdiha b'mod rilassanti u żżur anke xi mużew milli hemm u tagħmel xi passiġġati ħelwin, jekk tqatta' lejl hemmhekk b'ikla tajba f 'wieħed mill-ħafna ristoranti li ssib fiċ-ċentru, żgur li tkun imprezzabli, speċjalment il-mod kif tkun imdawla filgħaxijiet titfgħek bħal speċi f 'dinja tal-ħrejjef. Bruges hi belt li tisraqlek qalbek. Belt mimlija storja li għamlitha dik li hi, jiġifieri l-belt bit-titlu mogħti lilha mill-UNESCO bħala wirt dinji. Għax din il-belt irnexxielha żżomm il-misteri tal-Medju Evu u fl-istess ħin hi metropoli internazzjonali li fiha ssib li trid. Issib kull ħanut tad-dittà tal- ħwejjeġ, fwejjaħ, make-up, u naturalment ċikkulata galore. Iċ-ċentru li jdur kollox miegħu hu l-pjazza tas-suq, li hi pjazza enormi mdawra b'arkitettura Medjevali u bil- karrozzini għaddejjin mimlija turisti bil-kamera f 'idejhom bil-ħoss taż-żwiemel ifaqqgħu saqajhom fuq il-ġebel imqabbeż. Pjazza li tista' titgawda waqt xi pranzu 'open air' fil-bosta ristoranti li hemm imdawrin magħha, filwaqt li tara turisti ma jafux minn fejn se jibdew biex jieħdu ritratt tajjeb. Jien ħadt wieħed 'panorama' u rriproduċejtu hawn. Fiċ- ċentru ta' din il-pjazza, ħafna mill- bini indurat mhux oriġinali. Iżda fin- numru 16 wieħed isib il-Craenenburg Café, fejn fl- 1488 Massimiljanu tal-Awstrija, eredi tal-Hapsburgs ġie arrestat mill-mexxejja tal-belt wara li pprova jirrestrinġilhom il- privileġġi li kellhom. Jekk iżżur Bruges, ma tistax ma tagħmilx dawra mal-kanal fuq dgħajsa li tieħdok tul il-kanali pittoreski tagħha. Dawra li tiswik madwar €8... titilfuhiex! Normalment, il-barklor ikun xi student u b'Ingliż ferm tajjeb, jgħaddilek informazzjoni dwar il-belt waqt id-dawra tiegħu b' battuti ħelwin li jifqgħek bid-daħk u lejn it-tmiem tad-dawra, jitfagħlek botta għat-tips għax jgħid li t-tips jużahom jew biex jistudja, jew inkella biex jixrob xarba birra li biha jitħajjar jistudja!! €1 jew €2 iżjed mhux se tfaqqarkom. Li tara l-belt mill-kanali hi differenti ħafna milli kif taraha minn fuq l-art. It-tnejn sbieħ imma t-tnejn trid tagħmilhom. Djar ta' meditazzjoni għan- nisa li riedu dinja spiritwali barra l-kunvent Il-Beguines kien moviment reliġjuż ta' xebbiet jew romol li riedu jgħixu ħajja reliġjuża mingħajr ma jinqaflu f 'monasteru jew kunvent. Għalhekk, f 'ħafna mill- bliet Belġjani u Olandiżi kienu nħolqu dawn il-postijiet imsejhin 'Begijnhofs' fejn dawn in-nisa kienu jgħixu u jitolbu. Dik ta' Bruges bla dubju hi waħda jekk mhux l-isbaħ waħda minnhom u tħabbatha ma' dak ta' Amsterdam. Mill-1930 dan il- 'beguinage' ittieħed mis-sorijiet Benedittini li d-djar ikkonvertewhom f 'kunvent. Kulħadd jista jidħol f 'din il-wesa' iżda jekk jogħġobkom, tagħmlux wisq storbju għax ittelfulhom il-paċi. Din il-'begijnhof ' tmur lura għas-seklu 13, anzi għall-1245 biex inkun preċiż, u hi waħda mill-aktar priżervati fid-dinja. L-aħjar li wieħed iżurha hi fir-rebbiegħa meta l-wesa' tkun imdewda bid- daffodils'. Mela f 'din is-speċi ta' bitħa, wieħed jista' jara speċi ta' treehouses, djar tal-injam mas-siġar għoljin. Dawn huma skulturi mill-artist Ġappuniż Tadashi Kawamata li għamel tużżana djar tal-injam li jagħtu dehra ta' xi ħadd li qed jittawwal minn fuq, lejn kull min ikun għaddej minn taħthom. Huma skulturi poetiċi li jesploraw il-konfini bejn l-arti, l-arkitettura u n-natura. Huma preżenza f 'dan l-ambjent ta' nisġa bejn l-ispirtu avventuruż ta' tfajjel li dejjem joħlom li jinqata' f 'dar fuq siġra mal-ispiritwalità intrinsika, il-paċi u l-formalità tal-Beguinage. Meta wieħed ikun qed iżur dan il-post, hemm sinjali li jitolbuk iżżomm is-silenzju u t-tfal mhux permessi li jidħlu hemm u jagħmlu l-istorbju. Wara dan kollu, jekk issibu ħin, morru passiġġata fil- foresti li jdawru lil din il-belt. Hawn min isejjaħ din il-belt bħala Venezja tan-naħa ta' fuq tal-Ewropa. Jien personalment ma naqbilx. Għax din il-belt mhix Venezja, anke jekk mimlija kanali, din il-belt hi unika bħalma Venezja hi unika. kif tasal hemm: Bla dubju li l-mod kif tasal hemm hu bit-tren minn Brussel u jiswiek biss €19. Il-Ħadd 14 ta' Frar 2016 | illum 25 Vjaġġi Bruges: Il-belt medjevali tal-ħrejjef • Belt mogħtija l-unur ta' wirt dinji mill-UNESCO • Craenenburg Cafe jinsab f'dar medjevali fejn Massimiljanu kien arrestat • Tista' tara Bruges minn fuq il- kanali bi €8 Dehra tal-belt minn fuq il-kanali Il-begijnhofs bid-djar tal-injam fuq is-siġar: skultura tal-artist Ġappuniż Tadashi Kawamata Dehra panoramika tal-pjazza prinċipali tas-suq