Illum previous editions

ILLUM 27 March 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/658015

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 27 ta' Marzu 2016 | illum Opinjoni 23 Kejkijiet, demokrazija u meritokrazija (2) Taħdita bejn John Baldacchino u Charles Miceli Lil min se nogħġbu? John Baldacchino: Fil- ktieb li ktibt mal-Professur Kenneth Wain, Democracy without Confession (2013) fost l-oħrajn iddiskutejna dak li qabel l-elezzjoni rajna bħala ġejjieni diffikultuż għal Joseph Muscat bħala Prim Ministru li ried jimplementa dak li kien wiegħed f 'kuntest meritokratiku. M'għandekx għalfejn tkun profeta biex tbassar li biex jimxi fuq prinċipji ta' meritokrazija, Muscat kellu jiffaċċja l-istess problema li ffaċċja Alfred Sant qablu meta ddeċieda li l-Gvern hu ta' kulħadd u allura jrid jaħdem ma' kulħadd. Issa hawn nerġgħu niġu għall-kejk politiku u għat-tgergir min-naħa ta' dawk il-Laburisti li qed jgħidu li huma baqgħu b'xiber imnieħer għax in-Nazzjonalisti baqgħu jirrenjaw, filwaqt li n-Nazzjonalisti minn naħa tagħhom, qed jgħidu li Muscat ma żammx kelmtu u qed idaħħal il-ħbieb tal- ħbieb f 'kull rokna li jsib. Hawn il- verità tinstab x'imkien fin-nofs bejn dak li qed jgħidu tal-PN u dak li qed jgħidu dawk il-Laburisti 'mweġġgħin'. Imma ta' min iżid jgħid li meta Muscat u Sant insistew fuq il-meritokrazija, kienu qed jitkellmu dwar kultura politika li la f 'Malta u lanqas f 'ħafna pajjiżi oħra demokratiċi ma teżisti; u hawn ninkludi pajjiżi bħar-Renju Unit fejn il-meritokrazija ssemmiet biss minn Tony Blair u fejn la qabel u lanqas warajh m'għadek tisma' b'dan il- kunċett - li fil-fatt huwa primarjament kunċett Amerikan li trid taqrah fl- isfond tal-istorja tal-Istati Uniti. Wara r-Rivoluzzjoni Amerikana, l-idea tal- libertà kienet li xi ħadd jirnexxi skont il-merti tiegħu jew tagħha u mhux skont il-klassi li, kif nafu, fil-ġerarkija Brittanika kienet waħda aristokratika. Dan kien il-qofol tad- demokrazija Repubblikana Amerikana u anke jekk il-kwistjoni tar-razza damet ma ssolviet u ħafna ċittadini Amerikani ma kellhomx l-istess opportunitajiet, fl-Amerika l-meritokrazija għadha għan ewlieni, tant li Barack Obama mhux l-ewwel darba li jiddeskrivi ħajtu bħala eżempju tal- meritokrazija Amerikana. Issa tista' tistaqsi għaliex f 'Malta il-meritokrazija m'għandhiex l-istess sinifikat? Ir-raġuni ta' dan hija storika fejn l-idea ta' mertu għandha sinifikat differenti. Fil-fatt imkien ħlief fl-Amerika ma tisma' wisq dwar il-meritokrazija. Dan ma jfissirx li kullimkien huwa ddominat mill-klijenteliżmu u l-korruzzjoni. Anzi għall kuntrarju. Flok meritokrazija issib diskors ta' akkontabilità, ta' sistema ta' Servizz Ċivili imparzjali, speċjalment meta fl-istess sistema kull Gvern għandu n-nies tiegħu impjegati bħala konsulenti politiċi li huma apertament tal-istess ideoloġija tal-Gvern. Dan huwa aċċettabbli sakemm għandek qasma ta' poteri (bejn, per eżempju l-Gvern, il-Parlament u l-Ġudikatura) u fejn iċ-Ċivil jibqa' newtrali anke jekk min jaħdem fih se jkollu is-simpatiji politiċi personali tiegħu jew tagħha. U allura dan ifisser li nagħlqu għajnejna għall- korruzzjoni? Le. Anzi għall-kuntrarju. Il-kwistjoni hawn mhijiex il-koruzzjoni bħala tali (li għandha tkun meqruda darba għal dejjem) imma kif jitkejjel il-kejk politiku u kif għandu jitqassam. U hawn se niġu għall-problema reali, li tmur lil hinn mill-battibekki tal-PN u l-PL u lil hinn mill-kwistjoni superfiċjali ta' jekk il-mertikorazija ta' Muscat u Sant tistax tiġi użata f 'Malta bħalma ssib fl-aspirazzjonijiet politiċi Amerikani. Fil-fehma tiegħi, il- Prim Ministru Muscat u l-Gvern tiegħu għad għandu ħafna x'jagħmel f 'dak li huwa t-tqassim tas-sensibbiltà politika fejn il-parteċipazzjoni għandha tkun imqassma b'mod ekwu. Dan m'għandux x'jaqsam mal-pjaċiri (vera jew fittizji). Dan jolqot il-kuntest tal-influwenza politika u l-vuċi ta' dawk li qed jgħidu tajjeb li hemm uħud (ħafna minnhom meqjusa bħala inkompetenti u pjuttost fanatiċi) li għax qed jidhru li għandhom influwenza żejda, dawn qed jidhru wkoll jagħmlu ħerba minn dan it-tqassim ta' sensibbiltà politika li biex taħdem b'mod demokratiku trid issensel kunsens effettiv, anke jekk id-demokrazija hija kkaratteriżżata mid- dissens u l-argument. Din hija dilemma għal kull Prim Ministru (bħalma rajna mill-esperjenza ta' kull Prim Ministru mill-Indipendenza 'l hawn), għax filwaqt li huwa rappreżentant ta' Partit (jew Moviment), dan ukoll għandu bżonn jaħdem ma' kulħadd — inklużi dawk li ma jaqblux miegħu politikament. Issa kif se tagħmel dan mingħajr ma żżomm lil xi wħud min-niesek milli jaħtfu il-kejk politiku li f 'demokrazija jrid jinqasam ma' kulħadd? Charles Miceli: Fl-opinjoni tiegħi qed titkellem dwar teoriji aktar milli dwar fatti. Il-politika, f 'Malta partikolari, sfortunatment ma teżistix lil hinn miż- żewg partiti l-kbar. Rajna sforzi mis-soċjetà ċivili, bħal ngħidu aħna fil-każ taż- Żonqor, imma dawn malajr ġew hijacked mill-partiti politiċi. Anke f 'raħal fejn hemm aktar nagħaġ milli n-nies, il-kunsill lokali bilfors irid jitmexxa taħt il-bandiera ta' partit jew ieħor. Jekk ma ssibx ukoll f 'raħal daqs tikka żewġ każini tal- banda, wieħed b'simpatija mal-ħomor u l-ieħor qalbu perżuta għall-bluni. Imma mbagħad meta niġu fis-si u n-no, id-deċiżjonijiet anke l-aktar dawk inokwi, jittieħdu minn ċirku żgħir ta' nies qrib il-mexxej. Id-delegati u l-kunsilliera, sfortutament aktar iva milli le, qegħdin hemm biex iċapċpu u għar-ritratt tal- okkażjoni. U hawn qed nitkellmu fuq il-kejk iż-żgħir. Għax il-kejk il-kbir lanqas inxommuh. Ħa nispjega ruħi. Qed nara l-kejk politiku bħala wedding cake. Veru kejk wieħed imma magħmul minn erba' kejkijiet fuq xulxin, wieħed iżgħar mill-ieħor. U n-nies imweġġgħin għax ma misshomx żbiba mill-kejk iż-żgħir: promozzjoni, dar tal-Gvern, reserved parking quddiem il-bieb. U l-kok tal-kejk iż-żgħir fil-magħluq jgħidlek li r-riċetta mhux hu jagħmilha. Huwa sempliċiment iżid il- melħ u l-bżar. Għalhekk aħjar ma tkellimnix dwar demokrazija. Għax naf li qed tgħaddini biż-żmien. "Laburisti li qed jgħidu li baqgħu b'xiber imnieħer għax in-Nazzjonalisti baqgħu jirrenjaw, u Nazzjonalisti jgħidu li Muscat qed idaħħal il- ħbieb tal-ħbieb f 'kull rokna li jsib" John Baldacchino Charles Miceli

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 27 March 2016