Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/704283
F 'din il-kitba ser nitkellem fuq karikatura; figura li ma teżistix eżatt kif impenġija, imma li tolqot bosta aspetti ta' numru nies li jeżistu b'mod konkret. Għalhekk bilfors li f 'dak li se ngħid hemm xi forma ta' ġeneraliżazzjoni. Mhux kull persuna li taqa' taħt din il-kateogija hi kif se niddeskrivi (għalkemm il-konformità fost dan il- grupp, bħal f 'kull grupp ieħor fuq din il-gżira, hi xi ħaġa impressjonanti). Bosta imma, aktarx ikollhom numru ta' karatteristiċi li se ninkludi fil-karikatura Il-figura li tagħha se nagħmel karikatura hi tal-liberali tipiku lokali. Din hi persuna li tħossha moderna, hi favur id- divorzju u taqbel mad- drittijiet tal-omosesswali, tħobb is-siġar u hi kontra l-kaċċa, hi indifferenti għar-reliġjon jekk mhux dikjaratement atea (minkejja li jekk ma tasalx li tibgħat ulieda fi skola privata, tippreferi dawk tal-Knisja milli tal-istat), għandha edukazzjoni universitarja, hi favur il-multikulturaliżmu, imma spiss hi komda biss ma' Maltin tal-istess klassi tagħha), hi persuna li aktarx hi borgiża minkejja li tista' tiċħad dan u tgħid li tħobb liż-żgħir, tħossha 'ċittadin tad-dinja' u tinsa li qed tgħix fuq blata minsija mill-Mulej, hi favur il-liberalizazzjoni tad-droga, l-IVF, kull pillola kontraċettiva u bil-mod il- mod, aktarx li hi bil-miftuħ favur l-abort. Għal-liberali tipiku lokali, dawn huma kollha kwistjonijet ta' ħajja u mewt, li juru kemm pajjiż hu demokratiku, ċivili u l-bqija tal-aġġettivi ħelwin li mid-dizzjunarju liberali wieħed jista' jislet. Xellug dgħajjef Politikament, il-liberali aktarx tgħid li hi persuna xellugija. Ix-xellug tal- liberali imma, aktarx li għandu limiti ċari, u hawn jibdew il-problemi. Infatti, minkejja li l-liberali jgħid li hu favur iż-żgħir u l-ħaddiem, il-ħaddiem u ż-żgħir li aktarx jimmilita favuru jeżistu biss fid- dinja ideali. Il-ħaddiema u ż-żgħar li hawn f 'dan il-wied tad-dmugħ, aktarx li l-persuna tipika liberali ma tmisshomx, jekk mhux ukoll iqallugħ/ha. Xi raġuni biex dan jiġi ġustifikat dejjem se tinstab: dak għax kaċċatur, l-oħra għax omofobika, l-ieħor għax idaħħal ir- reliġjon f 'kollox, u l-oħra... sempliċiment ħamalla u bla gosti. Allura, rabtiet konkreti ma' min suppost qed timmilita favuru, il- persuna liberali aktarx ma jkollhiex. (Dan jgħodd ukoll għal siġar u annimali; il- persentaġġ ta' ambjentalisti li qatt ma qabad lexxuna f 'idu hu impressjonanti.) Mhux hekk biss. Kwistjonijiet bħal tal- liberalizazzjoni tad-droga, il-pillola u ċ-ċensura aktarx li jkunu għal qalb il-liberali aktar minn dawk tal-faqar, ix-xogħol prekarju u l-għoli tal- ħajja. Anke sempliċi ħarsa lejn il-media elettronika personalizzata turi dan. Titella' aħbar dwar familja li ma tistax tlaħħaq mal- ħajja u l-liberali jagħmel like fuq Facebook jew jgħid 'X'arukaża, imbagħad tiġi kkanċellata esebizzjoni ta' banda minħabba kummenti fuq il-mara tal-Prim Ministru, u l-liberali jqajjem infern. Jekk ir-reazzjoni hi riflessjoni tal-valuri, ifisser li t-tieni kwistjoni hi ħafna aktar importanti għall- karattru li qed nitkellem fuqu minn tal-ewwel. Ifisser li min jinsab taħt fis-soċjetà, fil-verità, ma tantx jista' jistenna wisq minnu. Dan l-aħħar imbagħad, ġrat xi ħaġa li turi d-dmugħ tal- liberali borġiż għaż-żgħir, spiss hu agħar minn dak tal-kukkudrill. Referendum tajjeb...dment li nirbaħ Avveniment ewlieni din is-sena kien ir-referdum Brittaniku. Il-liberali tagħna, aktarx li kien favur li r-Renju Unit jibqa' fl-UE. Interessanti kienet ir-reazzjoni wara r-riżultat. (Bħal dejjem qed niġġeneralizza.) Hu ovvju li l-maġġoranza tista' tiżbalja. Madankollu, pedament tad-demokrazija hu li ċ-ċittadin ordinarju kapaċi jagħmel deċiżjoni tajba u razzjonali. Meta ma jagħmilx hekk, il-mistoqisja intelliġenti li min jemmen fid-demokrazija jistaqsi hi, għalfejn kien hemm bosta li għażlu ħażin minkejja li jistgħu jagħmlu għażla tajba? Il-liberali lokali imma, donnu ma jasalx s'hawn. Lest jaċċetta l-għażla tal- kotra dment li l-għażla tkun dik li jrid hu. Għalhekk, kien hemm min qal li għażliet bħal dawn għandu jagħmilhom il-politiku u mhux il-poplu; għax li tħalli lill-poplu jivvota f 'affarijiet imporanti (ie. mhux tan- nejk) hi 'żball enormi'. Imma fl-aħħar mill-aħħar, lill-politiku mhux il-poplu jagħżlu? Il-liberali lokali beda saħanstira jitfa'dubji fuq pedamenti tad- demokrazija, bħal dik ta' vot għal kull ċittadin, jgħid u jistaqsi jekk min mhux edukat (bħalma jemmen li hu hu) għandux dritt jivvota. Kien hemm min ħadha kontra x-xjuħ Ingliżi għax ma jifhmux, minkejja li kienu huma li daħħlu r-Renju Unit fl-UE u li daqu lil din għal iktar minn erbgħin sena. Inkella, qal li dawn ħasbu b'mod egoist u ma tawx każ tal-futur taż-żgħażagħ. (Ovvjament, id-domma hi li ż-żgħażagħ huma xi kategorija omoġenija, fejn dak li hu tajjeb għal uħud, hu tajjeb għal kulħadd). Li l-anzjani jista' jkollhom il-bżonnijiet leġittimi tagħhom, anke għax huma kategorija mill-aktar vulnerabbli, u li jekk ivvutaw favur Brexit jista' jkun li għax l-UE mhux qed taqdi l-ħtiġijiet leġittimi tagħhom, donna m'għaddietx minn moħħu. Ħaġa li l-liberali Malti donnu ma nnutax hi li għall- grupp etniċi li magħhom ġustament iridna nintegraw, li tuża dan it-tip ta' diskors fuq ix-xjuħ hu skandlu waħxi. Ikkundanna lil kull min ivvota għal Brexit bħala razzist, u injora li l-aktar li vvutaw favur li joħorġu kienu ż-żgħar u l-ħaddiema. Issa ovvjament, dawn il-kategoriji jistgħu ikunu mqanqla minn motivi leminin u kontra l-inklużjoni. Il-mistoqsija imma li wieħed għandu jistaqsi hi, għalfejn qed jagħmlu hekk, dawn li għal snin kbar kienu s-sinsla tal-partiti xellugin? Forsi għax dawn tal-aħħar abbandunawhom? Saru liberali aktar milli laburisti? Issa jekk mil-liberali qed nitolbu jilliberana, wieħed jista' jissoponi x'nitlob fuq il-konservattivi. Michael Grech huwa opinjonista xellugi illum | Il-Ħadd 17 ta' Lulju 2016 Opinjoni 16 Mil-Liberali lliberana MICHAEL GRECH "Il-liberali lokali imma lest jaċċetta l-għażla tal-kotra dment li l-għażla tkun dik li jrid hu. Għalhekk kien hemm min qal illi li tħalli lill-poplu jivvota f 'affarijiet importanti hu 'żball enormi'" Mhux kulħadd kien kuntent bir- riżultat tar-referendum...imma dik hi d-demokrazija