Illum previous editions

ILLUM 17 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/704283

Contents of this Issue

Navigation

Page 22 of 35

Il-Ħadd 17 ta' Lulju 2016 | illum Rakkont 23 minn Sharon Calleja GĦALKEMM ir-ristorant fil-kantuniera tal-pjazza mdaqqsa tar-raħal, li kien wiret Ġiġi kien ġie restawrat kemm-il darba, kien inbena bl- element uniku tal-ġebla Maltija, imżejjen b'bosta ornamenti prestiġġjużi ta' valur u antikitajiet li kien jiddistingwih minn ħwienet oħra, u kien għadu jgawdi minn klijentela tajba. Ġiġi kien jaċċerta ruħu li jipprovdi servizz mill-aqwa u li jservi ikel tradizzjonali Malti bnin, b'riċetti li kienu jmorru lura għal żminijiet l-antenati tiegħu. Ġamri ħareġ minn ġol- kċina u ħassu jistrieħ hekk kif ra li l-imwejjed tar- ristorant ta' zijuh kienu għadhom kollha vojta. Ħares lejn l-arloġġ antik li kien hemm fuq it-tavolin fil-ġenb tal-kamra kbira u arjuża mimlija mwejjed għall-kumdità tal-klijenti. Beda jitbissem waħdu. Forsi llum ma kinux ser jinqalgħu nies u kien jaqbad u jagħlaq minnufih. Kien jaf li hu ma kienx tal-qatgħa biex jaħdem bħala kok u jservi l-ikel f 'ristorant, iżda peress li zijuh kien kważi kaxkru hawnhekk biex jidħol jaħdimlu mqar għal ftit, kellu jaċċetta u jiġi jaħli saħħtu hawn. Kienet inqalgħatlu problema mal- ħaddiema u kienu ddeċidew li jieqfu kollha mix-xogħol sakemm jagħtihom iż-żieda. X'affarijiet dawn! Kieku seta', kien imur għalihom hu stess u qabel jiġu lura ma jistrieħx! Kemm hi kiefra l-ħajja. Kieku s'issa kien ikun diġa qed jonħor. Zijuh kien daħħlu f 'basla u ma kienx jaf kif kellu joħroġ minnha. Kull filgħodu kien jistenbaħ ma' sebħ il- jum sabiex imur jaħdem fl-għelieqi li kien wiret mingħand missieru. Qatt ma ried jaf bi skola. Moħħu fir-raba'. Ħsibijietu reġgħu ġabuh lura f 'din il-kamra mimlija mbarazz u mwejjed bla sugu fejn kien kważi se jinqatgħalu n-nifs. Lemaħ sikkina tal-laħam fuq mejda minnhom. Qabad is-sikkina u beda jdawwarha minn naħa għal oħra sabiex jgħaddi l-ħin. "Din sorpriża għal għeluq sninek, ħanini," qal Pepeto lil Laura hekk kif daħlu ġewwa l-ħanut ta' Ġiġi id f 'id. Laura tbissmet u ħarset lejn ir-raġel tagħha b'imħabba. Malli daħlu fir-ristorant prestiġġjuż li Pepeto tgħidx kemm kien ilu jiftaħar bih li jsajjar tajjeb u bnin, inħasdu. Ġamri kien għadu qed jikkummiedja bis-sikkina f 'idu. Eżatt malli rahom, Ġamri ħeba s-sikkina wara dahru u daħal jiġri fil-kċina. "Isma', inti ċert li hawn ridt iġġibni?" staqsiet Laura lil Pepeto. "Għax donnu..." Poġġew bilqiegħda mingħajr kliem u Pepeto rranġa ftit l-ingravata għax kien qed jinkwieta li kien se jaqa' għaċ-ċajt. Laura ħarġet il-mera ċkejkna li kienet iżżomm magħha u bdiet tirranġa ftit l-irtokk. Għaż-żmien li kellha, kienet għadha żżommha u tieħu ħsieb tagħha nnifisha. Kellha ammiraturi mhux ħażin, iżda lil Pepeto kienet tħobbu u tirrispettah. It- tnejn li huma kienu ġejjin minn familji tat-tajjeb b'edukazzjoni tajba u xogħol rispettabbli. Wara xi ftit ħin, ħareġ Ġamri minn ġol-kċina jpoġġi xi tazzi fuq xi mwejjed. "Skużi!" beda jsejjaħ Pepeto lil Ġamri ħalli jiġi jaqdihom. "Wejter..." Ġamri injorahom kompletament. "Skużi?" reġa' sejjaħ Pepeto, b'vuċi aktar soda. "Dan naħseb ma jismgħax," qaltlu Laura xi ftit irritata. "Issa sew... kif se nfehmuh?" weġibha Pepeto. Pepeto mar quddiemu u beda jipprova jagħmillu l-mossi ħalli jfittex iġibilhom il-menù. Ġamri ħares lejh bl-ikrah u mar lura fil-kċina. Kien eżattament dak il-ħin li daħlu Jimmy u Betty. Koppja mhux tas-soltu. Ilbies partikolarment skullat. Attitudni vulgari. Jimmy kien liebes flokk żgarbat. Betty kellha takkuna ogħla minn għonqha li kien dritt qisu ta' għattuqa. Poġġew bilqiegħda qrib il-mejda ta' Pepeto u Laura. Laura bdiet tħoss fawra tiela' għal rasha xħin rat il-mod ta' kif kien qed iħarsilha Jimmy waqt li kien qed iteftef f 'Betty. Dan kien ristorant fejn jiġu l-ħamalli! Bdiet trewwaħ bis-sarvetta li kien hemm fuq il-mejda. Ġamri reġa' daħal u poġġielhom muftieħ imdaqqas fuq il-mejda quddiemhom. Laura kien ilha ma tara muftieħ bħal dan minn meta kienet għadha tifla. Pepeto u Laura baqgħu jħarsu lejh skantati. Pepeto beda jagħmillu l-mossi biex jara għalfejn kien ġabilhom muftieħ. Jimmy u Betty infaqgħu jidħku. "Tista' tgħidli biex qed tidħqu?" staqsiehom Pepeto xi ftit maħruq. Jimmy qam bilwieqfa u resaq quddiem Pepeto. "Trid tgħid xi ħaġa sieħbi?" staqsieh b'leħen awtorevoli. Pepeto beda jibża' u talbu skuża. "X'raġel kuraġġjuż għandek," tbissem Ġamri lil Laura b'mod sarkastiku. "Mela inti titkellem fejn trid?" staqsa Pepeto b'għoqla tiela' fi griżmejh. Ma qabadx lil martu u telqu 'l barra dak il-ħin, kollu rispett tal-ħabib tiegħu Ġiġi. Ordnaw l-ikel, wara li għal ftit Pepeto ma reġax tilef il-paċenzja għaliex ovvjament il-wejter għoġbu jieħu l-ordni tal-oħrajn qabel tagħhom. Kultant, Laura bdiet tħares minn taħt lejn il-koppja l-oħra u bdiet tħossha titqażżeż. Kienu qegħdin iġibu ruħhom b'mod dispreġġjattiv! Xi ftit tal-ħin wara, daħal Ġiġi. Pepeto qabad konverżazzjoni ambigwa miegħu u Laura bdiet titlob li joħroġ l-ikel ħalli tfittex titlaq 'il barra. Il-problema kienet li l-wejter kien sparixxa fil-kċina u ma reġax deher. Telgħetilha fawra hekk kif bdiet taħseb li kien qed isajjar hu! Kienet innotat li jdejh kienu kollha kallijiet u qishom imtebbgħin bil-ħmieġ. L-istonku beda jdur. Bdiet tħares lejn żewġha iżda dak kien mitluf jitkellem fuq il- politika ma' sid ir-ristorant. Għamlet idha fuq moħħha hekk kif kienet qiegħda tħoss li ser taqbżilha xi vina. F'ħin minnhom, rat lil Betty tqum tħaffef minn fuq il-mejda tagħhom u tiġri madwar il-kamra ppanikjata mhux ħażin. "Aħbuni! Aħbuni! Ġej ir-raġel!" bdiet tgħajjat. "Rajtu mit-tieqa!" F'temp ta' sekonda daħlet tiġri taħt il-mejda ta' Pepeto u Laura. Il-bieb tar-ristorant infetaħ b'tisbita u daħal raġel imdaqqas, kollu muskoli. "Fejn hi Betty tiegħi?" beda jgħajjat. Laura u Pepeto bdew iħossuhom imwerwrin. Din l-esperjenza ma kienu ser jinsewha qatt! "Inti rajtha?" staqsa lil Pepeto jieħu n-nifs qisu xi annimal feroċi. "Le ma kinitx hawn," wieġbu Pepeto bl-għaraq nieżel minn ma' wiċċu. "Mela tafha?" staqsieh ir- raġel immuskolat. Ma tantx dam ma lemaħha taħt il-mejda u fost ħafna għajjat u storbju, fejn bdew iżommuh milli jagħti d-daqqiet lil Pepeto, dlonk beda jiġbidha 'l barra. Kien waħħal f 'Pepeto li kien ħbieha hu. Fost ħafna għajjat, ġenn u storbu, il-ħanut tbattal, b'Betty imkaxkra 'l barra mir-raġel tagħha u Laura tiġbed lil Pepeto ħalli jitilqu. "Ħallas imqar tal-mejda!" għajtilhom Ġamri hekk kif kienu xirfu 'l barra mill-bieb ta' barra. "Inħallas kazzola!" għajtet Laura hekk kif sparixxew fit- triq mudlama li tagħti għal darhom. Ġiġi ħareġ jiġri warajhom. "Pepeto?" Fir-ristorant waqa skiet taqtgħu b'sikkina. Ġamri u Jimmy ħarsu lejn xulxin u nfaqgħu jidħku. Ġamri daħħal idejh fil-but u ta xi flus lil Jimmy. "Grazzi tal-għajnuna tiegħek Jimmy. Nispera li ma jerġa' jinqala' ħadd issa. Forsi jaqta' qalbu u jagħlaq." "Kienet biċċa xogħol faċli għalija. Il-ħbieb għalhekk qegħdin." Jimmy sellimlu u telaq 'l barra. Issa żgur li Ġiġi kien se jagħlaq u jibgħatu lejn id- dar! Wara ftit daħal, wiċċu abjad karti u b'rogħda kbira fuqu. "Qed tara zi hux..." beda jgħidlu. "Jien ngħidlek aħjar tagħlaq..." "Ġamri," beda jgħidlu b'leħen bilkemm jinstema'. "Iva zi, naf kif tħossok." "Ġamri," kompla jgħidlu, "kemm inħossni kburi bik... Ġamri, iddeċidejt!" "X'iddeċidejt zi? Li tagħlaq? La telqulek dawk..." qallu b'għajnejh ileqqu. "Le Ġamri ddeċidejt li se nqaċċathom kollha u nżomm lilek biss!" Ġiġi taptaplu fuq spalltu. "Kont kapaċi żżomm l-ordni f 'sitwazzjoni bħal din! Ħaqqek promozzjoni." "X'inhu?" Ġamri ħass il- kamra ddur bih. "Eżatt. Mill-lum 'l hemm lilek irridek dejjem hawn ġol-ħanut!" qallu Ġiġi waqt li ħareġ 'il barra jitbissem. X'ħasbu Ġamri? Li ma kienx induna? Ja ħaxixa ħażina, x'ħaseb, li ma kienx semgħu? Ġamri baqa' jħares lejn il-bieb tar-ristorant. Kien imbellaħ. Issa x'kien ser jagħmel? "Skużi, miftuħin?" staqsietu tfajla li kienet daħlet mill- bieb tal-ġenb xi ftit mistħija. Qatt ma kien ra mara sabiħa bħalha. "Iva." "Ħabat tajjeb. Jien u sħabi, disa' tfajliet oħra ser niġu nieklu hawn mela, tajjeb?" staqsietu. "Għaxar tfajliet kollha kollha għalija?" qal bejnu u bejn ruħu jlaqlaq, bil-bżieq kważi ħiereġ minn ħalqu. Għamlitlu iva b'rasha. Kos, toqgħod tgħid, hawnhekk aħjar mix-xogħol tal-għalqa! Ir-ristorant ta' Ġiġi

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 17 July 2016