Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/704283
J għidu li s-sajf huwa staġun tal-aljenazzjoni, għax ninfatmu mir-rutina tax-xitwa u nsibu ħin biex ingawdu l-ħruġ, il-baħar u s-safar. Nasal biex nifhem li r-ritmu tar-rutina jonqos xi ftit imma assolutament ma nifhimx kif l-aljenazzjoni hija xi ħaġa tas- sajf. Naħseb iktar hija marbuta mal-istaġuni kollha. Aljenati s-sena kollha! Bir-ritmu mgħaġġel tal-ħajja, l-aljenazzjoni tispikka. Mhux biss, imma l-perċezzjoni tieħu post ir-realtà. Bosta drabi nispiċċaw inqallbu kollox ta' taħt fuq! Inkluż il-prijoritajiet u f 'kollox. M'hemmx eċċezzjoni ta' reliġjon, politika u ekonomija. Niftaħru kemm tbiddlu ż-żminijiet, u kemm għamilna progress, imbagħad fl-istess nifs naffermaw li l-istorja tirrepeti ruħha, anke jekk taħt forma oħra! Niftaħru li t-tfal ma jonqoshom xejn u llum ma jafux x'inhu faqar, imbagħad nitkażaw għax għandna tfal li huma foqra intelletwalment [it-taħbil il-moħħ issostitwixxa ruħu bit-tekonoloġija] u anke fiżikament [minkejja l-kampanji li jsiru, għad għandna tfal li jbatu mill-obeżità u kundizzjonijiet oħra]. Fuq naħa niftaħru kemm se nagħmlu proġetti tal-miljuni ta' ewro, u fuq naħa ngħidu li rridu nżidu l-pensjonijiet għax l-anzjani qed imissu mal-linja tal-povertà. Daqqa ngħidu li d-dinja ċkienet u saret villaġġ u daqqa ngħidu kemm kien aħjar meta kulħadd kien jgħix fid- dinja tiegħu. Ngħixu f 'soċjetà fejn jaqbel tqabbel. Fil-politika, filli l-Unjoni Ewropea hija s-salvazzjoni ta' kull ċiviltà, u fl-istess nifs naraw poplu sħiħ jagħżel li joħroġ minnha wara 40 sena fil-qalba tagħha. U kemm naħa u kemm oħra ma jafux x'laqathom! Kulhadd jikkundanna t-terroriżmu u l-estremiżmu u jmutu eluf ta' nies innoċenti u nibqgħu ma nsibux soluzzjoni. X'se jiġri wara l-aħħar attakk ta' Nizza? Se nikkunslaw bir- ritratti fuq Facebook? U nagħmlu summits, konferenzi u kampanji kontra l-IS u t-terroristi, iżda ħadd mill-pajjiżi li għandhom is-saħħa ma jaqbdu l-barri minn qrunu. L-istess dwar l-immigrazzjoni – il-fenomenu jibqa' għaddej u s-soluzzjoni tibqa' mbiegħda. Min ixejjer il-bandiera tal- integrazzjoni u l-multikulturalizmu u min irid iqajjem in-nazzjonaliżmu estrem u jaffronta s-sitwazzjoni bil- ponn tal-ħadid. Iżda nibqgħu fejn konna. Anke r-reliġjon donna saret tal- lastiku. Tiġġebbed skont il-bżonn. F'ma nafx kemm-il sena, bqajna nħalltu l-ispiritwalità mar-reliġjożità. Il-fidi mat-tradizzjoni. Dak li nemmnu fih u dak li nipprattikaw, żewġ dinjiet differenti. Min jitlob lill-Ħallieq u min jadura l-istatwi tal-kartapesta. U l-knisja tkompli tħawwad bil-kpiepel - daqqa titkellem f 'isem Franġisku u daqqa f 'isem il-kap tal-Kurja. Qisha l-vuċi tal-ispekulatur u l-ambjentalist li titwassal f 'daqqa u mill-istess tromba f 'widnejn in-nies. X'qed tgħid il-knisja bit-tagħlim tagħha dwar il-morning after pill? Din hija kontraċettiv jew droga abortiva jew skont iċ-ċirkostanzi? Fuq bażi morali, hemm xi differenza bejnha u l-coil ngħidu aħna? U kif daqqa nitkellmu bid-domma, daqqa bil-fidi u daqqa bil-kuxjenza u daqqa bit-tagħlim uffiċjali? Hekk kienet u hekk baqgħet, u hekk tibqa' u kulħadd jiftaħar li qed nadattaw maż-żminijiet waqt li nreġġgħu l-arloġġ lura! Fl-ambjent ukoll ngħidu li nbdilna. Moħħna fit-tibdil fil-klima, fit-tniġġiż ikkawżat mit-traffiku, fl-ODZ u fil- ħtieġa ta' spazji ħalli nkunu nistgħu nieħdu nifs minn arja safja. Tridx tmur. Kulħadd b'dawn il-ħsibijiet fuq moħħu. Sirna konxji forsi, imma s'hemm. Issa wara li blajna l-art, irridu nieklu s-sema. Mill-ispazju orizzontali għall-ispazju vertikali. Kieku fl-ambjent imxejna 'l quddiem, m'għandniex għalfejn nibnu xi erba' sptarijiet. Il-frisk u l-bnin, illum sar l-eċċezzjoni għall-iffriżat u l-artifiċjali. U waqt li ngħidu aħjar nonfqu fil-prevenzjoni milli fil-kura, iżda fl-aħħar mill-aħħar, nibqgħu fejn aħna. U l-istil ta' ħajja tal-lum, fejn qed jeħodna? Jew minn xogħol għall- ieħor bla nifs u ma jimpurtani minn xejn ħlief mill-kont tal-bank, jew nara kif nagħmel u ndawwar lira bla tqanżih ta' xejn. Addio moralità fiskali u transparenza u etika! Tgħid min għandu mhux se jkun fuq quddiem fil-kju tad-dipartiment tat- taxxa! Min jerda' kemm jiflaħ, u min jitbażwar biex forsi jasal! U niftaħru bil-ġustizzja socjali u bil-qsim xieraq tal-ġid fis-soċjetà. Veru sirna poplu li nħobbu nħallsu t-taxxi, il-VAT u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma! Fis-social networking nieħdu l-ewwel naħseb. Bħalma qegħdin l-ewwel fl-Ewropa fid-drittijiet ċivili. M'hemmx ħin li ma nqasqsux fuq dik u fuq l-oħra u kulħadd moħħu biex jikxef il-borom u wħud jitpaxxew jikxfuhom u jidħlu fihom. Qed intellgħu t-tfal bil-mentalità li tqatta' sagħtejn fuq Facebook hija importanti daqskemm kienet il-qrara nhar ta' Sibt u l-quddiesa nhar ta' Ħadd! U jekk il-ġenituri ma baqgħalhomx ħin għat-tfal ma jimpurtax, nieħdu take out jew immorru xi mkien bil-mobiles u t-tablets magħna ħalli ngħaddu l-quality time…għax hekk qaltilna l-counsillor! Ma baqax settur li ma ftaħarniex bih! Jew għax ivvintajnieh, inkella għax missejnieh jew biddilnieh, imma fil-verità din ukoll hija perċezzjoni ta' x'naħsbu aħna? Forsi għax dawk li ġew qabilna ma jistgħux imeruna u aħna ħloqna lingwa differenti biex ninterpretaw il-wirt li ħallew? Min jaf? Għadni nittama li l-ġenerazzjonijiet ta' warajna jaslu fil-punt li ma jużawx iktar l-espressjoni "Ħawwadni ha nifhem!" Forsi qed inħawwad u mhu qed nifhem xejn! Manuel Micallef huwa opinjonista u xandar Il-Ħadd 17 ta' Lulju 2016 | illum Opinjoni 19 Ħawwadni ħa nifhem! MANUEL MICALLEF "Nagħmlu summits, konferenzi u kampanji kontra l-IS u t-terroristi, iżda ħadd mill-pajjiżi li għandhom is-saħħa ma jaqbdu l-barri minn qrunu" "Issa wara li blajna l-art, irridu nieklu s-sema mill-ispazju orizzontali għall- ispazju vertikali" X'se jiġri wara l-aħħar attakk ta' Nizza? Se nikkunslaw bir-ritratti fuq Facebook?