Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/704283
illum | Il-Ħadd 17 ta' Lulju 2016 Aħbarijiet Anarkija f 'Kemmuna minn Ruben Anthony Xuereb IL-GAZZETTA ILLUM tinsab infurmata li l-Pulizija mill-għassa tar-Rabat, Għawdex qed tikkunsidra li tressaq il-Qorti liż-żewġ persuni involuti f 'inċident fuq Kemmuna, nhar is 7 ta' Lulju li għadda meta l-vann li kienu qed isuqu, waqa' għoli ta' tliet metri għall-fuq il-moll qrib Blue Lagoon. F'każ li dawn iż-żewġ żgħażagħ jitressqu l-Qorti, jittellgħu b'akkużi ta' sewqan ta' vettura mingħajr reġistrazzjoni, liċenzja u assigurazzjoni. Jirriżulta li dawn iż- żgħażagħ ta' 23 u 21 sena rispettivament li huma ta' nazzjonalità Ingliża, huma ħaddiema fuq Kemmuna. Minbarra dawn, mhux eskluż li jitressaq ukoll is-sid tal-istess vettura, ladarba dan jiġi identifikat. Fil-fatt, dak li seħħ Kemmuna minkejja li għall-ewwel kien trattat mill-Pulizija u anke mill- media lokali bħala inċident normali, issa qed ikun ikkunsidrat bħala wieħed li jista' jikxef sitwazzjoni ta' anarkija 'free-for-all' fuq il- gzira ta' Kemmuna. Is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta u li huma qrib tal-korp tal-Pulizija spjegaw kif iż-żewġ Ingliżi, flimkien ma dawk li jsuqu madwar 25 vettura oħra li tinstab fuq Kemmuna, qed jieħdu vantaġġ mis-sistema, li teżenta lil kull vettura użata fuq Kemmuna milli jkollha liċenzja, reġistrazzjoni u assikurazzjoni. Minkejja li l-ILLUM għamlet mistoqsija ċara lill-Transport Malta, li hi l-awtorità responsabbli għar- reġistrazzjoni u liċenzjar tal- karozzi fit-toroq, dwar x'inhi l-prassi biex karozza tkun tista' tinstaq fuq Kemmuna u jekk din għandhiex bżonn ikollha liċenzja u assikurazzjoni, din il- gazzetta baqgħet bla risposta. Għall-mistoqsija dwar l-inċident tal-ġimgħa l-oħra, din il-gazzetta ntalbet biss biex tirreferi l-mistoqsijiet tagħha lill-Pulizija. Għalkemm l-ILLUM hija infurmata li ż-żewġ persuni involuti fl-inċident, jaħdmu fuq Kemmuna matul is-sajf, kemm il- lukanda ta' Kemmuna, kif ukoll iċ-ċentru għall- għaddasa, ċaħdu jew inkella evadew milli jirrispondi l-mistoqsijiet ta' din il- gazzetta. Ħadd ma jieħu responsabbiltà għall- vettura Ir-riċerki ta' din il-gazzetta biex tinkixef l-identità ta' sid il-vettura, bdew mil- lukanda ta' Kemmuna, fejn sar kuntatt mal-management tal-lukanda biex tinkiseb iktar informazzjoni dwar il-każ. Mal-ewwel attentat biex din il-gazzetta titkellem mad-direttur, dan ma kienx hemm, u filwaqt li l-persuna li tkellmet magħna ma xtaqitx tikkommeti ruħha b'risposti, din sostniet li l-vann żgur mhux tal- lukanda. L-għada saret it-tieni telefonata lill-lukanda ta' Kemmuna, fejn għalkemm id-direttur reġa' ma kienx hem impjegata oħra tal- lukanda qalet li ż-żewġ Ingliżi huma impjegati maċ-ċentru għall-għaddasa li hemm biswit il-lukanda, u wisq probabbli anke l-vann huwa propjetà tal-istess ċentru. Hija saħqet ukoll li ċ-ċentru għall-għaddasa m'għandu ebda konnessjoni mal-lukanda għajr li jikru parti mill-proprjetà tal- lukanda. Meta l-ILLUM ċemplet liċ-ċentru għall-għaddasa mmexxi mill-kumpanija Diveshack, irrisponda impjegat li fil-mument li sar jaf li qed jitkellem ma' gazzetta, instema' mifxul u beda jkun evażiv fi kliemu. Mistoqsi dwar jekk il-vann hux proprjetà taċ-ċentru u jekk iż-żewġ żgħażagħ Ingliżi humiex kollegi tiegħu, dan qal biċ-ċar li ma jridx ikellem gazzetti dwar dan il-każ u li hu mhux f 'pożizzjoni li jagħti ebda risposta. Huwa saħaq iżda, li kwalunkwe mistoqsija, għandna tiġi mressqa lill-uffiċċju prinċipali tal- kumpanija, li tinsab Malta. Għaldaqstant, l-ILLUM għamlet telefonata lid- direttriċi taċ-ċentru tal-għaddasa f 'Malta, li minflok irrispondiet għall- mistoqsijiet dwar jekk il-vann hux tagħhom u jekk l-Ingliżi humiex impjegati tal-kumpanija, hi staqsiet għal-liema raġuni din il- gazzetta qiegħda tinvestiga dan. Mistoqsija jekk tikkonfermax jew tiċħadx l-involviment tal-kumpanija tagħha fl-inċident fuq Kemmuna, id-direttriċi ssuġġeriet li din il-kwistjoni "għandna nħalluha għaddejja" u wara ftit aktar insistenza min-naħa tal- gazzetta, hi saħqet li "ma tridx tikkummenta," u qatgħet il-linja. Minkejja diversi tentattivi l-ILLUM ma setgħetx tistabilixxi kuntatt ma' sidien ta' gabbani li joperaw fuq il- gżira ta' Kemmuna. Ikkunsidrati passi kontra żewġ ħaddiema involuti f'aċċident f'Kemmuna, b'vettura bla liċenzja Ritratt tal-aċċident li seħħ f 'Kemmuna nhar is-7 ta' Lulju