Illum previous editions

ILLUM 24 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/706986

Contents of this Issue

Navigation

Page 16 of 35

D in il-ġimgħa, il-Parlament wettaq xi ħaġa storika. Bi qbil unanimu bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, irriformajna mill-qiegħ il-partijiet tal- Kostituzzjoni li jitkellmu dwar l-Imħallfin u l-Maġistrati. Bidla li se ġġib differenza f 'pajjiżna u se tkompli tkabbru u ttejbu. Ma kinitx sempliċi bidla kożmetika jew xi bidla fejn kelma tinbidel b'oħra. Kienet bidla ta' artikli sħaħ tal-Kostituzzjoni li se jfissru mod ġdid kif inħarsu lejn il- Ġudikatura ta' pajjiżna. L-aħħar darba li kien hemm bidliet ta' dan il-kobor fil- Kostituzzjoni , kien tletin sena ilu. Biex insibu bidliet ta' dan il-kobor fejn jidħol il-qasam tal-Ġustizzja, irridu mmorru lura ġenerazzjonijiet sħaħ. Dan hu Gvern li qed jagħmel differenza kruċjali f 'pajjiżna u jdaħħal liġi wara l-oħra li jagħmlu s-soċjetà tagħna aħjar u iktar b'saħħitha. Riforma ħolistika Il-Gvern tela' bil-wegħda elettorali li se jwettaq riforma ħolistika fil-qasam tal- ġustizzja- mill-ħatra, sal-operat u sal-kundizzjonijiet tal- ġudikatura. Jien qatt ma qbilt li r-riforma tasal biss fejn tidħol il-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti. Dan hu qasam importanti li kien hemm bżonn jiġi aġġornat. Biss, forsi iktar importanti minn hekk, hu l-qasam tad-dixxiplina tal- ġudikanti u l-ħtieġa li ntejbu l-kundizzjonijiet tagħhom biex inkomplu nattiraw l-aqwa mħuħ. Dejjem insistejt li r-riforma Kostituzzjonali għandu jkollha tliet kapitli. Kapitlu waħdu – hu liema hu - kien jiżbilanċja s-sistema kollha. It-tlieta f 'daqqa jwettqu l-vera bidla. Kburi li wettaqna din il- bidla. L-iktar ħaġa li mlietni bi kburija hija li l-ġudikatura, l-Oppożizzjoni u l-Kamra tal- Avukati kollha ħarġu favur din ir-riforma u qablu magħha. Sforz li ilu għaddej sentejn Dan l-abbozz ta' liġi ma sarx mil-lum għal għada imma hu sforz li ilu għaddej sentejn, u iktar mal-pubblikazzjoni tar- rapport Bonello dwar riforma ħolistika fil-qasam tal-ġustizzja. Immedjatament bdejt niddiskuti mal-partijiet ewlenin dwar dawn il-bidliet. Intbaħt li għalkemm fil- principju kien hemm qbil ma' dak propost mir-rapport Bonello, fid-dettall kien hemm nuqqas ta' qbil ma' wħud mill-partijiet ewlenin u kultant in-nuqqas ta' qbil kien wieħed serju. Dawn il-bidliet, kieku saru mingħajr konsultazzjoni, tant huma delikati, li faċilment setgħu tefgħuna f 'collision course mal-ġudikatura u anke mal-Unjoni Ewropea li tħares b'attenzjoni kbira lejn dak kollu li b'xi mod jista' jigref l-indipendenza u l-awtonomija tal-ġudikatura, anke jekk bl-iktar intenzjonijiet tajba f 'isem iktar dixxiplina u iktar kontabbiltà. Però għax imxejna b'konsultazzjoni, b'attenzjoni u b'sens ta' saqajna mal-art, għamilna dak li kien ilu l-għexierien kbar ta' snin biex isir. F'kull stadju, kelli l-appoġġ inkondizzjonat tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u li kieku ma kienx għas-sostenn tiegħu, żgur mhux forsi ma kienx ikolli l-enerġija u r-rieda li nasal. Joseph Muscat Il-kobor ta' Prim Ministru tkejlu minn kemm ikun lest idaħħal strutturi li jżidu ċ-'checks and balances' fuq id- deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern. F'dan ir-rigward, Joseph Muscat huwa fi klassi għalih. F'inqas minn 40 xahar, daħħal il-liġi tal-whistleblower, il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, il- liġi tal-preskrizzjoni, ir-riforma Kostituzzjonali fil-qasam tal- ġustizzja, il-liġi tal-awtonomija tal-Parlament u l-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika fost oħrajn. Dawn huma kollha liġijiet li jagħtu l-għodod għal iktar skrutinju fuq il-Gvern sabiex, b'konsegwenza ta' hekk, pajjiżna jkun aħjar u iktar b'saħħtu. Tliet pilastri Ir-riforma hija bbażata fuq tliet pilastri. Qabel xejn qed tissaħħaħ il-Kummissjoni għall- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li issa, wara l-emendi, issaħħet kemm legalment u kemm fil-prattika. Il-Kummissjoni issa ġiet entrenched biż-żewġ terzi tal-Kamra, li jfisser li ebda Gvern waħdu għada pitgħada ma jista' jneħħiha mill- Kostituzzjoni. Il-Kummissjoni issa wkoll għandha żewġ sotto-kumitati taħtha. Sotto-kumitat wieħed dwar il-ħatra tal-ġudikanti se jkun magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, il-President tal-Kamra tal- Avukati, l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali. Dawn il-ħames persuni huma essenzjalment kollha indipendenti mill-Gvern tal- ġurnata tant li jew jinħatru jew jitneħħew biss b'żewġ terzi tal-Kamra tad-deputati b'eċċezzjoni tal-President tal- Kamra tal-Avukati li s'intendi jinħatar mill-avukati stess li fil- maġġoranza tagħhom jaħdmu għal rashom u fil-prattika privata. Dawn il-ħamsa min-nies se jkollhom il-possibbiltà li jircievu espressjonijiet ta' interess minn Avukati li jridu jsiru Maġistrati jew Imħallfin u jiġu evalwati skont kriterji ta' evalwazzjoni li jkunu pubbliċi. B'hekk se tinqata' l-idea li biex avukat isir Maġistrat jew Imħallef irid javviċina lill- Ministru tal-Ġustizzja jew xi Ministru ieħor, imma se jkun hemm proċess miftuħ u trasparenti. Il-Gvern imbagħad jagħżel minn fost dawk l-avukati li jkunu għaddew mill-proċess ta' evalwazzjoni biex nassiguraw iċ-'checks and balances' u biex nassiguraw li jibqa' jkun hemm xi tip ta' kontro-kontroll minn min fl-aħħar mill-aħħar ġie elett mill-poplu, il-Gvern se jibqagħlu d-dritt li ma jagħżel biex jaħtar għall-ġudikatura xi ħadd li ma jkunx għadda mill-evalwazzjoni, imma jekk jagħmel hekk irid imur quddiem il-Parlament u jgħid għaliex. Se jkun hemm sotto-kumitat dwar id-dixxiplina li jkun magħmul minn membri sedenti tal-ġudikatura eletti mill-ġudikanti stess, u dan sabiex tiġi assigurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura skont it-tagħlim tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa stess. Waqt li qabel, ġudikant setgħet biss tinġibidlu l-attenzjoni jew jitneħħa b'impeachment fil-Parlament – jew nejja jew maħruqa – issa bis-sistema l-ġdida, ġudikant ikun jista' jigi mmultat sa 10% tal-paga tiegħu f 'sena waħda u anke jiġi sospiż b'nofs paga sa massimu ta' sitt xhur. Dak li japplika għall-bqija tal-pubbliku u għall-ħaddiem li kuljum iqum għax-xogħol se jkun qed japplika wkoll għall- ġudikatura. Is-sabiħa hi li din ir-riforma talbuha l-ġudikatura stess li fehmu u għarfu li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba u għal iktar fiduċja fihom mill- pubbliku in ġenerali. Lill-ġudikatura nirringrazzjaha minn qalbi tal- maturità bla preċedent li wriet f 'dan il-proċess kollu. It-tielet riforma tirrigwardja l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet tal-ġudikanti li bis-saħħa ta' sistema aħjar nistgħu nkomplu naċċertaw li nibqgħu nattiraw l-aħjar imħuħ biex jidħlu fil- ġudikatura tagħna. Niġbdu ħabel wieħed Din l-esperjenza wriet li meta Gvern u Oppożizzjoni jiġbdu ħabel wieħed, pajjiżna jmur 'il quddiem. Niehu l-opportunità li nirringrazzja lix-Shadow Minister Jason Azzopardi li fuq din il-liġi, warrab fil-ġenb il- konsiderazzjonijiet politiċi u ra li jsir dak li hu fl-aħjar interess nazzjonali. Nemmen li dak li sar din il-ġimgħa m'għandux ikun 'a one off ' imma juri kif fil-mument tal-prova, il-klassi politika kapaċi tiġi qrib xulxin biex tagħmel dak li hu sewwa. Munich Sfortunatament ma tgħaddix ġimgħa li ma nisimgħux b'xi attentat terroristiku. Din id- darba kien imiss lil Munich. Ixxokkjajt ruħi għal iktar minn raġuni waħda. Is-solidarjetà sħiħa tagħna mal-mexxejja u l-poplu kollu Ġermaniż. Se nibqgħu spalla ma' spalla kontra t-terroristi u min irid li jkisser is-serenità u l-paċi tal- ħajja tagħna kif nafuha. Il-Ħadd 24 ta' Lulju 2016 | illum Opinjoni 17 L-ikbar bidla kostituzzjonali fl-aħħar tletin sena OWEN BONNICI "Iktar importanti mill-metodu tal-ħatra tal- ġudikanti, hu l-qasam tad- dixxiplina tal- ġudikanti u l-ħtieġa li ntejbu l-kundizzjonijiet tagħhom biex inkomplu nattiraw l-aqwa mħuħ" Bidla ta' artikli sħaħ tal-Kostituzzjoni se jfissru mod ġdid kif inħarsu lejn il-Ġudikatura ta' pajjiżna

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 July 2016