Illum previous editions

ILLUM 24 July 2016

Issue link: https://maltatoday.uberflip.com/i/706986

Contents of this Issue

Navigation

Page 17 of 35

illum | Il-Ħadd 24 ta' Lulju 2016 Opinjoni 18 Is-sindromu ta' Leicester City F tit jiem wara r-referendum fir-Renju Unit li approva l-ħruġ ta' dan il-pajjiż mill- Unjoni Ewropea, Alfred Sant kiteb artiklu li fih analizza l-Ewropa ta' wara l-Brexit. Kien artiklu argumentat tajjeb ferm. Anke jekk wieħed ma jaqbilx miegħu fuq pożizzjonijiet li ħa fil-passat, Sant xorta jibqa' wieħed mill-aktar politiċi Maltin bi spessur kulturali u intelletwali u b'integrità indiskuttibli. Probabbilment fil-Parlament Ewropew sab l-ambjent l-aktar idoneju għalih fejn jista' jagħti kontribut intelliġenti f 'oqsma differenti waqt li jirrappreżenta l-kostitwenti tiegħu. Fl-artiklu tiegħu, Sant semma erba' oqsma fejn l-istituzzjonijiet Ewropej li fi żminijiet normali kienu jaħdmu sew, issa qed juru sinjali ta' ċediment. Skont Sant, dawn fallew meta ż-Żona Ewro ntlaqtet bil-kriżi finanzjarja tal-2008; meta t-terroristi radikali Iżlamiċi wettqu l-attakki tagħhom (Schengen); meta r-Russja nvadiet il-Krimea (sigurtà u politika ta' viċinanza) u meta l-immigrazzjoni żdiedet b'mod imprevvist (Schengen, fost l-oħrajn). Sant ma jaqbilx li l-Ewropa ssegwi aġenda federalista għalkemm jirrikonoxxi, pjuttost kontradittorjament, li ż-Żona Ewro teħtieġ strutturi federali (jiġifieri pereżempju ministru tal-finanzi sabiex jimplimenta politika fiskali federali). Imma skont hu, l-ewwel jeħtieġ li ż-Żona Ewro tiġi stabbilizzata. Mill- ewwel jiġik f 'moħħok x'jiġi l-ewwel jekk hux il-bajda jew it-tiġieġa. Sant jikkonkludi li l-Ewropa għandha bżonn li tikkonsolida ruħha u sabiex tagħmel dan, jeħtieġ li jiġu indirizzati d-diverġenzi ekonomiċi li rriżultaw mit-tkabbir tal-Unjoni wara s-snin disgħin. Kont bl-impressjoni li l-għan tal- politika reġjonali Ewropea huwa appuntu s-superament ta' dawn id-diverġenzi ekonomiċi. Waħda mill-ironiji tar-referendum fir-Renju Unit kienet li anke fejn kienu jirċievu għajnuna kbira Ewropea, bħal f 'Wales jew f 'Cornwall, l-elettorat ivvota sabiex joħroġ mill-UE. Ma naħsibx li dan kien għax il-Brittaniċi huma nies ta' prinċipju imma għaliex il-kampanja ġiet iddominata mill-kwistjoni tal- immigrazzjoni. Ħafna rraġunaw ukoll li l-affarijiet ma jistgħux ikunu agħar milli huma u dan kien iċ-ċans tagħhom biex jippuntaw subgħajhom lejn min imexxi. Insew li bil-politika reġjonali tagħha, l-UE qed tipprova tindirizza l-problemi li nħolqu bil- globalizzazzjoni li ġabet magħha t-telf ta' ħafna mpjiegi fil-manifattura minħabba konkorrenza minn pajjiżi b'manodopera irħas. Problemi li l-Gvern ta' Westminster mhedi kif kien bil-politika ta' awsterità ta' dawn l-aħħar snin spiss ma tax każ. L-artiklu ta' Sant huwa punto di vista rispettabbli ħafna u li jagħti lok għal ħafna riflessjoni. Għoġobni t-ton pakat u l-analiżi nieqsa minn kwalunkwe passjoni. Sant kien kontra li Malta tidħol fl-UE u anke fiż-Żona Ewro imma nbati biex niddeskrivih bħala ewroxettiku. Huwa konxju mill-problemi tal-Ewropa u jipprova janalizzahom u joffri soluzzjonijiet għalihom. Mhux xi wieħed li joqgħod jiddieħaq bl-UE għax ħarġet xi direttiva fuq il-forma li jrid ikollha l-banana jew kif għandha tissejjaħ iċ-ċikkulata. Madankollu, ikolli nistqarr li ma naqbilx mal-analiżi tiegħu. Qabel ngħid għaliex, nixtieq infakkar mhux għax hemm wisq bżonn li nfakkar kemm qegħdin ngħixu f 'dinja perikoluża. L-attakki terroristiċi jew kriminali ta' dawn l-aħħar ġranet juru l-fraġilità tas-sistemi ta' sigurtà f 'bosta pajjiżi. Imma din mhix xi ħaġa li rajna biss fil-pajjiżi tal-UE jew fiż-żona Schengen. Qed naraw proliferazzjoni ta' attakki terroristiċi madwar id-dinja kollha. Bangladesh, it-Turkija u min kien jimmaġina li anke fil-bliet qaddisa tal-Arabja Sawdija, it-terroriżmu se jgħolli rasu. Għaldaqstant ikun żbaljat li wieħed jikkonkludi li l-attakki terroristiċi li seħħew fuq art Ewropea juru l-falliment taż-żona Schengen. Wieħed ifakkar biss li dawn l-attakki saru minn persuni li jew twieldu fl-Ewropa jew kienu ilhom jgħixu għal snin twal. Schengen jew mhux Schengen, dawn l-attakki kienu destinati li jseħħu kif seħħew fil-passat l-attakki tal-Brigate Rosse, ir-Rote Armee Faktion, l-IRA u l-ETA. Din hi ġlieda li trid tintrebaħ l-aktar bl-intelliġenza u l-qsim tal- informazzjoni bejn il-forzi tal-pulizija Ewropej hija essenzjali. Il-punt fundamentali huwa jekk il-fatt li għandek struttura biex l-intelliġenza tinqasam bejn il-forzi tal-pulizija tal-kontinent kif ukoll il-mandat ta' arrest Ewropew (sors ta' indinjazzjoni kbir għall-ewroxettiċi Brittaniċi) jgħinux fil-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu. Kull min hu f 'sensih iwieġeb fl-affermattiv u jrid li l-informazzjoni tgħaddi minn forza tal-pulizija għal oħra u fejn hemm l-ostakli, jitneħħew. Għaldaqstant, is-soluzzjoni ċertament mhijiex li kulħadd imur għal rasu kif iridu l-Brittaniċi, imma li l-istrutturi tal- kollaborazzjoni jissaħħu aktar. Jekk din tfisser aktar Ewropa, għandna nsejħulha hekk. Sant semma wkoll il-kwistjoni tal- invażjoni tal-Krimea bħala sinjal tal- falliment tal-istituzzjonijiet Ewropej. Naħseb li dan hu każ tat-tazza nofsha vojta u nofsha mimlija. Qegħdin ngħixu f 'dinja perikoluża u Vladimir Putin qed jagħmel minn kollox biex idgħajef l-Ewropa. Jiffinanzja partiti u movimenti ewroxettiċi u wieħed jissuspetta li uża l-arma umana tar- refuġjati Sirjani biex joħloq pressjoni fuq l-Unjoni u speċjalment, fuq l-unika mexxejja ta' statura li għandha, Angela Merkel. Putin iġġennen meta l-Ukrajina riedet tiffirma ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE. Wara l-irvell tal-Maidan, invada l-Krimea u għen b'mod mhux daqshekk moħbi l-irvell fl-Ukrajina tal-Lvant. Wieħed jista' jaqbel ma' Sant li dan wera d-dgħufija tal-UE, imma wieħed irid ifakkar li l-UE mhix għaqda militari u li l-Brittaniċi kienu dejjem jopponu li ssir hekk. U fi kwalunkwe każ, l-Ukrajina mhix membru. Li wieħed irid jiftakar hu, li l-fatt li tmienja u għoxrin pajjiżi għamlu sanzjonijiet lir-Russja minħabba l-komportament inaċċettabbli tagħha huwa ċertament ta' min jagħti kasu. Kieku mhux għal dawn is-sanzjonijiet, Putin kien żgur jaħtaf aktar territorju Ukren. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jiskarta l-isforzi diplomatiċi Ewropej anke jekk dan fisser sagrifiċċju ekonomiku kbir għall-ekonomiji Ewropej. Il-mistoqsija li wieħed irid isaqsi hija jekk dawn is-sanzjonijiet kellhomx aktar effett meta saru minn Unjoni ta' 28 pajjiżi flimkien ma' pajjiżi oħrajn milli kieku saru minn pajjiżi individwali u f 'ordni mxerrda. Naħseb li r-risposta hija ovvja. Ħaġa oħra li semma Sant kienet il-kriżi fiż-Żona Ewro wara l-kriżi finanzjarja tal-2008. Wieħed irid ifakkar li meta Delors flimkien ma' Kohl u Mitterand ħarġu bl-idea tal- Ewro, l-idea ma kinitx li din il-munita tinżamm flimkien b'politika monetarja biss. L-ewro kellu jinkoraġixxi aktar qsim tal-politika fiskali bejn il-pajjiżi taż-Żona Ewro imma dan baqa' ma seħħx. Anke hawnhekk hija kwistjoni tat-tazza nofsha vojta u nofsa mimlija. Il-kriżi ġiegħlet lill-Bank Ċentrali Ewropej jadotta politika aktar aggressiva. Draghi mexxa l-BĊE b'mod maġistrali u rnexxielu jissupera l-oppożizzjoni Ġermaniża u ta' pajjiżi alleati sabiex jimplimenta miżuri ta' 'quantitative easing' li l-Fed u l-Bank of England kienu ilhom jimplimentaw għal snin. Issa daħlu miżuri ta' kontrolli ġodda u l-banek prinċipali waqgħu taħt is-superviżjoni diretta tal-B.Ċ.E. Hemm bankiera li jargumentaw li dawn il-miżuri ġodda qed ixekkluhom milli jsellfu. Din hi ċertament xi ħaġa li wieħed għandu jifliha sew għax id-diffikultà ta' bosta impriżi Ewropej sabiex ikollhom kreditu hija ta' xkiel kbir għall- espansjoni ekonomika. Imma s-soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja kif dejjem argumentajna minn dawn il-kolonni ma tistax tistrieħ fuq il-BĊE biss. Fortunatament, qed naraw riformi timidi fis-suq tax-xogħol f 'pajjiżi bħal Spanja, l-Italja u Franza. Imma r-ritmu u l-entità ta' dawn ir-riformi huma diskuttibbli. Kif inhu diskuttibli wkoll jekk il-kura ta' awsterità imposti mit-tliet famużi kriterji ta' Maastricht humiex is-sinjal ta' politika ekonomika għaqlija jew ixekklu t-tkabbir ekonomiku. Joseph Stiglitz, li rebaħ premju Nobel għall-Ekonomija, iqabbel il-politika t'awsterità mal- prattika tat-tobba medjevali li kienu jiżvinaw il-pazjent sabiex jippruvaw ifejquh imma minflok jispiċċaw joqtluh. Kompromess li ż-Żona Ewro għadha ma waslitx għalih huwa li fil- kalkolu tad-defiċit, l-ispiża kapitali ma titteħidx in konsiderazzjoni. L-aħħar punt li semma Sant huwa l-immigrazzjoni. Anke hawnhekk ma naħsibx li l-fenomenu migratorju jindika xi falliment Ewropew. Anzi l-fatt li dawn il-miljuni qed iħabbtu l-bibien Ewropej juri li l-Ewropa hija l-art fejn wieħed jingħata kenn u jista' jibda ħajtu mill-ġdid fis-sliem u fil-ħelsien b'differenza ta' ħafna pajjiżi oħra. Ma jridx ikollna biża' minn dawn it-talin li se jagħtu impetu ekonomiku ġdid f 'popolazzjonijiet li ħafna drabi qed jixjieħu u għandhom bżonn ħafna manodopera kif anke qed naraw f 'pajjiżna. Idealment, il-piż tal-immigrazzjoni jinqasam bejn il-pajjiżi membri imma kulħadd jaf bl- egoiżmi u l-biżgħat nazzjonali li qed ixekklu l-implimentazzjoni tal-pjani tal-Kummissjoni. Brexit jew mhux Brexit, il-futur tal-Ewropa bilfors ifisser tisħieħ tal- koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri u tal-istrutturi tal-Unjoni. Jekk dan kollu jfisser mixja lejn il-federaliżmu, m'għandniex nibqgħu lura. Wara kollox, fost il-pajjiżi li l-aktar għamlu suċċess hemm dawk federali. Fid-dinja perikoluża li qegħdin ngħixu fiha, irridu nifhmu li l-isforzi kollettivi tal-pajjiżi membri tal- Unjoni jiżbqu s-somma tal-isforzi individwali tagħhom u dan huwa fattur li m'għandhux jiġi traskurat jew sottovalutat. Sejjaħlu s-sindromu ta' Leicester City jekk trid. JOE ELLIS "Il-fatt li dawn il- miljuni ta' immigranti qed iħabbtu l-bibien Ewropej juri li l-Ewropa hija l-art fejn wieħed jingħata kenn u jista' jibda ħajtu mill-ġdid fis- sliem u fil-ħelsien b'differenza ta' ħafna pajjiżi oħra"

Articles in this issue

Archives of this issue

view archives of Illum previous editions - ILLUM 24 July 2016